Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0009

    Direttiva tal-Kummissjoni 2012/9/UE tas- 7 ta’ Marzu 2012 li temenda l-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 69, 8.3.2012, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/05/2016; Imħassar b' 32014L0040

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/9/oj

    8.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 69/15


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/9/UE

    tas-7 ta’ Marzu 2012

    li temenda l-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, presentazzjoni u bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/37/KE jistipula li kull pakkett ta’ prodotti tat-tabakk, ħlief għal tabakk li jintuża fil-ħalq u prodotti oħrajn tat-tabakk li ma jitpejpux, u kull imballaġġ estern, bl-eċċezzjoni ta’ tgeżwir addizzjonali trasparenti, għandu jkollu twissija addizzjonali meħuda mil-lista stipulata fl-Anness I ma’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Dawk it-twissijiet addizzjonali ilhom mandatarji fuq il-pakketti kollha tat-tabakk li jitpejjep minn Settembru 2003 u fuq prodotti oħra tat-tabakk minn Settembru 2004.

    (3)

    Evidenza tissuġġerixxi li l-impatt tat-twissijiet addizzjonali attwali stipulati fl-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE naqas maż-żmien minħabba li l-effett ta' xi ħaġa ġdida fil-messaġġi tat-twissija telaq.

    (4)

    Barra minn hekk, minn l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/37/KE lil hawn ħarġet evidenza xjentifika ġdida dwar l-effetti tal-użu tat-tabakk fuq is-saħħa u l-prinċipji ta' tikkettjar effettiv dwar it-tabakk. B'mod partikolari, hemm evidenza li t-tipjip għadu parti kawżali fil-kanċer tal-ħalq u tal-gerżuma, fil-problemi tal-vista kif ukoll fil-mard tas-snien u tal-ħanek. Hemm ukoll evidenza li t-tipjip tal-ġenituri huwa fattur tar-riskju prinċipali fl-introduzzjoni tat-tipjip.

    (5)

    L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2001/37/KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tadatta t-twissijiet tas-saħħa stipulati fl-Anness I tal-istess Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku. Barra minn hekk, il-Linjigwida dwar l-imballaġġ u t-tikkettjar (2) tat-tabakk adottati permezz tat-Tielet Konferenza tal-Partijiet għall-Qafas ta' Konvenzjoni tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk f'Novembru 2008 jirrikkmandaw li perjodikament għandhom jiġu riveduti l-miżuri legali dwar l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' prodotti tat-tabakk u li dawn għandhom jiġu aġġornati minħabba li toħroġ evidenza ġdida kif ukoll peress li t-twissijiet u l-messaġġi speċifiċi tas-saħħa imurilhom l-effett tagħhom.

    (6)

    Għalhekk hemm bżonn ta' reviżjoni tat-twissijiet addizzjonali attwali stipulati fl-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE sabiex jinżamm u jiżdied l-impatt tagħhom, u biex ikunu kkunsidrati l-iżviluppi xjentifiċi ġodda.

    (7)

    Din ir-reviżjoni għandha tkun imsejsa fuq ir-riżultati tar-reviżjoni tat-tagħrif attwali dwar it-tikkettjar tat-tabakk u l-effetti tal-użu tat-tabakk fuq is-saħħa u l-ittestjar tat-twissijiet magħmula fl-Istati Membri kollha.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju stabbilit skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2001/37/KE u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I mad-Direttiva 2001/37/KE għandu jinbidel bit-test mogħti fl-Anness ma' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-28 ta' Marzu 2014. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    L-Istat Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu l-kontinwazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sat-28 ta' Marzu 2016.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.

    (2)  FCTC/COP3(10) Guidelines for implementation of Article 11 of the WHO Framework Convention on Tobacco Control (Packaging and labelling of tobacco products).


    ANNESS

    “ANNESS I

    Lista ta' twissijiet tas-saħħa addizzjonali

    (imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b))

    (1)

    It-tipjip jikkawża 9 minn 10 każijiet ta' kanċer fil-pulmun

    (2)

    It-tipjip jikkawża kanċer fil-ħalq u fil-gerżuma.

    (3)

    It-tipjip jagħmel ħsara lill-pulmuni

    (4)

    It-tipjip jikkawża l-attakki tal-qalb

    (5)

    It-tipjip jikkawża attakki ta' puplesija u diżabilità

    (6)

    It-tipjip isoddlok l-arterji

    (7)

    Bit-tipjip għandek riskju akbar li tagħma

    (8)

    It-tipjip iħassarlek snienek u l-ħanek

    (9)

    It-tipjip jista' joqtol it-tarbija tiegħek qabel it-twelid

    (10)

    It-tipjip tiegħek jagħmel ħsara lil uliedek, familtek u ħbiebek

    (11)

    It-tfal ta' min ipejjep għandhom possiblità akbar li jibdew ipejpu wkoll

    (12)

    Aqta' t-tipjip issa – ibqa' ħaj għal dawk li tħobb (1)

    (13)

    It-tipjip inaqqas il-fertilità

    (14)

    It-tipjip iżid ir-riskju ta' impotenza


    (1)  Għandha titpoġġa referenza għan-numru tat-telefon/l-indirizz elettroniku tas-servizzi biex wieħed jieqaf ipejjep jekk dawn jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat.”.


    Top