Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0825

2012/825/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Diċembru 2012 li ttemm il-proċediment kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u li ttemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawk l-importazzjonijiet imposta mir-Regolament (UE) Nru 771/2012

ĠU L 352, 21.12.2012, pp. 70–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/825/oj

21.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/70


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2012

li ttemm il-proċediment kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u li ttemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawk l-importazzjonijiet imposta mir-Regolament (UE) Nru 771/2012

(2012/825/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   Il-PROĊEDURA

1.1.   BIDU

(1)

Fil-25 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment kontra s-sussidju (“proċediment AS” jew “il-proċediment”) fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti tal-Amerika” jew “il-pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni ħabbret b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u bdiet investigazzjoni separata (“proċediment AD”).

(3)

Il-proċediment AS inbeda wara lment ippreżentat fit-12 ta' Ottubru 2011 mill-European Producers Union of Renewable Ethanol Association (ePURE) (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ bijoetanol. L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta’ sussidjar tal-imsemmi prodott u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu, li tqies li huwa suffiċjenti biex jiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni.

(4)

Qabel il-bidu tal-proċedura AS u b’mod konformi mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika li hija kienet irċeviet ilment iddokumentat kif xieraq li kien jallega li importazzjonijiet sussidjati ta’ bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika kienu qegħdin jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika ġew mistiedna għal konsultazzjonijiet bil-għan li jiċċaraw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontenut tal-ilment u sabiex jaslu għal soluzzjoni bi ftehim reċiproku. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika aċċettaw l-istedina u sussegwentement saru konsultazzjonijiet fis-17 ta' Novembru 2011. Matul il-konsultazzjonijiet ma nstabet ebda soluzzjoni bi qbil reċiproku.

1.2.   IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI MILL-PROĊEDIMENT

(5)

Ġie żvelat dokument ta’ informazzjoni bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie deċiż li ma jiġux imposti miżuri kumpensatorji proviżorji (dokument ta’ informazzjoni) lill-partijiet interessati f’Awwissu 2012. Bosta partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub li permezz tagħhom ikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom dwar dawn is-sejbiet. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex l-informazzjoni li dehrilha kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Is-sottomissjonijiet orali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati ġew meqjusa u meħuda f’kunsiderazzjoni, fejn xieraq.

(6)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li jiġi rrakkomandat it-tmiem kemm tal-investigazzjoni kontra s-sussidju dwar importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u kif ukoll tar-reġistrazzjoni ta’ tali importazzjonijiet (4). Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu biex jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom wara dan l-iżvelar finali.

Teħid ta’ kampjuni ta’ esportaturi/produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika

(7)

Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ħafna ta’ esportaturi/produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika, kien previst it-teħid ta’ kampjuni fin-notifika ta’ bidu b’mod konformi mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(8)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-esportaturi/produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika ntalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni u biex jipprovdu, kif speċifikat fin-notifika ta’ bidu, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-bijoetanol matul il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “l-IP”).

(9)

L-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti kienu kkonsultati wkoll għall-għażla ta’ kampjun rappreżentattiv.

(10)

Aktar minn 60 kumpanija ppreżentaw ruħhom u pprovdew l-informazzjoni mitluba mhux iktar tard minn 15-il jum.

(11)

B’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ibbażat fuq l-akbar kwantità rappreżentattiva ta’ esportazzjonijiet ta’ bijoetanol lill-Unjoni li setgħet tiġi raġonevolment investigata fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul abbażi ta’ dak kien jikkonsisti minn ħames produtturi tal-bijoetanol u operatur tas-suq wieħed.

(12)

L-investigazzjoni wriet ukoll li għalkemm l-esportaturi semmew esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-kwestjonarju li rċevew dwar it-teħid ta’ kampjuni, ebda wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun ma esportaw bijoetanol direttament lis-suq tal-Unjoni iżda biegħuh lil blenders/operaturi tas-suq mhux relatati fl-Istati Uniti tal-Amerika li mbagħad ħalltuh bil-gażolina u biegħuh mill-ġdid. Sabiex jidentifikaw l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni, il-produtturi bbażaw l-aktar fuq dejta li huma rċevew mill-klijenti blenders/operaturi tas-suq mhux relatati.

(13)

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti wriet li l-bijoetanol kollu mibjugħ fl-Istati Uniti u esportat minn hemm kien jibbenefika mill-iskema prinċipali ta’ sussidju, b’mod partikolari meta kien imħallat mal-gażolina. Kienet l-attività ta’ taħlit u l-bejgħ tat-taħlita taxxabbli li kkawżat is-sussidjar tal-bijoetanol fl-Istati Uniti. F’dan il-każ instab li s-sussidju prinċipali identifikat fl-Istati Uniti kien mitlub minn u mogħti lill-blenders. Il-kumpaniji magħżula fil-kampjun kienu l-aktar produtturi ta’ bijoetanol u numru żgħir biss minnhom kienu qed iħalltu l-bijoetanol u dawn kienu l-aktar l-operaturi tas-suq/il-blenders li esportaw ukoll il-prodotti tagħhom lejn l-Unjoni li rċevew is-sussidju prinċipali bbażat fuq il-bijoetanol li jinsab fit-taħlitiet li kienu qegħdin jipproduċu. Konsegwentament, il-kampjun li huwa magħmul prinċipalment minn produtturi tal-bijoetanol li ma ġiex esportat direttament lejn l-Unjoni u li bażikament ma ħalltux il-bijoetanol fit-taħlitiet tal-fjuwil, ma kienux kredibbli biex jiġi stabbilit il-livell ta’ sussidjar f'dan il-każ.

1.2.1.   Teħid ta’ kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni

(14)

Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni, it-teħid ta’ kampjuni kien previst fin-notifika ta’ bidu b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(15)

Fin-notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni ħabbret li kienet għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn ħames kumpaniji u gruppi, mid-19-il produttur tal-Unjoni li kienu magħrufa qabel il-bidu tal-investigazzjoni. Il-kampjun intgħażel abbażi tal-volum ta’ produzzjoni ta’ bijoetanol matul il-perjodu tal-investigazzjoni u l-post fejn jinsabu l-produtturi magħrufa. Dan il-kampjun kien jirrappreżenta 48 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni matul l-IP.

(16)

Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-gruppi inklużi fil-kampjun kienu jikkonsistu f’numru kbir ta’ kumpaniji jew entitajiet individwali li jipproduċu l-prodott simili. F’dan il-każ dan kien ifisser li għandhom jiġu investigati 13-il kumpanija. B’hekk ma kienx possibbli li jiġu investigati kollha minħabba ż-żmien disponibbli għall-investigazzjoni. Ġie deċiż li tiġi eżaminata mill-ġdid id-dejta disponibbli għall-kampjun inizjali. Dan l-eżami wassal għall-konklużjoni li l-kampjun għandu jkun ibbażat fuq l-akbar entitajiet produtturi individwali u mhux fuq gruppi ta’ produtturi waqt li tqieset ukoll ċerta firxa ġeografika fost il-produtturi inklużi fil-kampjun.

(17)

B’hekk, finalment intgħażel kampjun definittiv ta’ sitt produtturi individwali abbażi tar-rappreżentattività f’termini tal-volum ta’ produzzjoni u bejgħ tal-bijoetanol matul l-IP u l-post ġeografiku tal-produttur. Dawn il-produtturi jirrappreżentaw 36 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni u 44 % tal-produzzjoni totali rrapportata mill-kumpaniji li ppreżentaw dejta għall-għażla ta’ kampjun. Dan il-kampjun tqies li huwa rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni.

(18)

Il-partijiet interessati ngħataw ukoll l-opportunità li jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-għażla tal-kampjun.

(19)

Xi partijiet iddikjaraw li l-kampjun kien inqas rappreżentattiv minn dak magħżul oriġinarjament li kien jinkludi gruppi ta’ kumpaniji. Fil-fehma tagħhom, analiżi oġġettiva tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni setgħet issir biss billi jiġu inklużi l-kumpaniji kollha li kienu parti mill-gruppi fil-kampjun. Huma allegaw b’mod partikolari li l-ispejjeż u d-dħul setgħu jiġu allokati lil ċerti kumpaniji ta’ grupp li ma saritilhomx żjara u b’hekk ma jistgħux jiġu inklużi fl-analiżi tad-dannu.

(20)

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat u eżaminat b’mod xieraq id-dejta pprovduta mill-kumpaniji kollha mhux inklużi fil-kampjun u b’mod partikolari l-kumpaniji li jappartjenu għal gruppi, sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż u d-dħul kollha involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ mill-kumpaniji magħżula kienu ġew riflessi bis-sħiħ u b’mod korrett fl-analiżi tad-dannu. Barra minn hekk, is-sitt kumpaniji produtturi finalment magħżula rrappreżentaw 36 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni u dan ġie kkunsidrat li huwa rappreżentattiv għall-finijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(21)

Xi partijiet ikkontestaw l-inklużjoni fil-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni li kienu fil-fażi tal-bidu. Huma allegaw ukoll li kumpanija waħda b’kapaċità sostanzjali mhux użata fl-2011, li tinsab fi Stat Membru li ma implimentax id-Direttiva dwar l-Enerġiji Rinnovabbli (Renewable Energies Directive (“RED”), ma kellhiex tkun inkluża fil-kampjun. Il-partijiet iddikjaraw li f’każ li dawn il-kumpaniji finalment jiġu inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni għandha taġġusta d-dejta tagħhom sabiex tieħu f’kunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.

(22)

Huwa kkunsidrat li l-fatt li l-kumpaniji riċentement bdew jew issuktaw operazzjonijiet ma jipprekludihomx milli jkunu parti mill-kampjun. L-inklużjoni ta’ dawn il-kumpaniji ma tmurx kontra l-kriterji għall-għażla ta’ kampjun kif stipulat fl-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-aġġustament tad-dejta tagħhom, il-partijiet ma pprovdew ebda kwistjoni speċifika jew evidenza ssostanzjata biex jappoġġaw l-allegazzjoni tagħhhom, jew bażi biex jagħmlu l-aġġustament allegat. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma żvelat ebda spiża, bħal pereżempju diprezzamenti aċċelerati, li għandha tiġi aġġustata biex tiġi kkoreġuta kwalunkwe distorsjoni minħabba l-bidu ta’ attività. B’hekk, din l-allegazzjoni hija miċħuda.

(23)

Xi partijiet ikkontestaw ukoll l-esklużjoni mill-kampjun ta’ kumpanija waħda li ntgħażlet proviżorjament u li tinsab fi Stat Membru b’konsum u produzzjoni għoljin ta’ bijoetanol. Huma ddikjaraw li din il-kumpanija kellha prestazzjoni partikolarment tajba u allegaw li din kienet ir-raġuni għall-esklużjoni tagħha mill-kampjun. Huma argumentaw ukoll li l-għażla kienet immanipulata lejn is-sejba ta’ dannu. Skont dawn il-partijiet il-Kummissjoni kien imissha bagħtet l-hekk imsejħa kwestjonarji qosra lill-produtturi kollha sabiex tinġabar id-dejta rilevanti biex jintgħażel kampjun. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-kumpanija inkwistjoni infurmat lill-Kummissjoni li ma setgħetx tkompli tiġi inkluża fil-kampjun. Fir-rigward tal-bgħit tal-kwestjonarji qosra, għandu jiġi osservat li, qabel l-għażla tal-kampjun, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand il-produtturi kollha tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati sabiex tinġabar id-dejta rilevanti għall-iskop tal-għażla ta’ kampjun. Għaldaqstant l-allegazzjonijiet imsemmija hawn fuq ġew miċħuda.

(24)

Finalment, ġie allegat li l-kampjun kien imissu inkluda kumpaniji li jipproduċu l-bijoetanol mill-pitrava zokkrija ladarba l-produzzjoni minn din il-materja prima tista’ tagħmel ħafna aktar qligħ mill-produzzjoni minn, pereżempju, il-qamħ. Għalkemm din l-allegazzjoni ma kinitx sostanzjata, l-informazzjoni disponibbli wriet li l-bijoetanol prodott mill-pitrava zokkrija jirrappreżenta biss parti żgħira tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, madwar 12 % fl-2011 u li tnejn mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun parzjalment jużaw pitrava zokrija bħala prodott ta’ għalf għall-produzzjoni tal-bijoetanol. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

1.2.2.   Teħid ta’ kampjun ta’ importaturi mhux relatati

(25)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' importaturi involuti fil-proċedura, it-teħid tal-kampjuni kien maħsub għall-importaturi fin-notifika ta' bidu skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(26)

Tliet importaturi biss ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun sal-iskadenza stabbilita fin-notifika ta’ bidu. Fid-dawl tan-numru limitat ta’ importaturi li kkooperaw, it-teħid ta’ kampjun ma tqisx li huwa meħtieġ.

1.2.3.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u verifiki

(27)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati. B’hekk intbagħtu kwestjonarji lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-esportaturi/produtturi tal-Istati Uniti inklużi fil-kampjun, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, it-tliet importaturi mhux relatati li kkooperaw fl-Unjoni u lill-utenti kollha magħrufa li huma kkonċernati fl-investigazzjoni.

(28)

Ġew riċevuti tweġibiet mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, mill-esportaturi/produtturi tal-Istati Uniti inklużi fil-kampjun, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, żewġ importaturi mhux relatati u erba’ utenti.

(29)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-partijiet interessati u meqjusa bħala meħtieġa għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ sussidjar, dannu li jirriżulta minnu u interess tal-Unjoni.

(30)

Saru żjarat ta’ verifika f’dawn l-awtoritajiet tal-Istati Uniti:

Awtoritajiet federali tal-Istati Uniti

Department of Agriculture (Dipartiment tal-Agrikultura)

Department of Commerce (Dipartiment tal-Kummerċ)

Department of Energy (Dipartiment tal-Enerġija)

Department of the Treasury (Dipartiment tat-Teżor)

International Trade Administration (Amministrazzjoni tal-Kummerċ Internazzjonali)

Office of the United States Trade Representative (L-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-Kummerċ għall-Istati Uniti tal-Amerika)

(31)

Saru wkoll żjarat fil-bini ta’ dawn il-kumpaniji:

 

Esportaturi/produtturi fl-Istati Uniti tal-Amerika

CHS Inc, Inver Grove Heights, Minnesota

Marquis Energy LLC, Hennepin, Illinois

Patriot Renewable Fuels LLC, Annawan, Illinois

Plymouth Energy Company LLC, Merrill, Iowa

POET LLC, Sioux Falls, South Dakota

Valero Renewable Fuels Company LLC, San Antonio, Texas

 

Produtturi fl-Unjoni

Abengoa Energy Netherlands B.V., Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi

BioWanze, S.A., Wanze, il-Belġju.

Crop Energies Bioethanol GmbH, Mannheim, il-Ġermanja

Ensus, Yarm, ir-Renju Unit.

Lantmännen Energi / Agroetanol, Norrkoping, l-Isvezja.

Tereos BENP, Lillebonne, Franza.

 

Importaturi mhux relatati fl-Unjoni

Shell Trading Rotterdam B.V., Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi

Greenergy Fuels Limited, Londra, ir-Renju Unit

 

Utenti fl-Unjoni

Shell Nederland Verkoopmaatschappij B.V., Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi

1.3.   Perjodu tal-investigazzjoni

(32)

L-investigazzjoni tas-sussidjar u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2010 sat-30 ta' Settembru 2011. L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu minn Jannar 2008 sat-tmiem tal-IP (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(33)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-bijoetanol, xi drabi msejjaħ ukoll “fjuwil etanol”, jiġifieri alkoħol etiliku magħmul minn prodotti agrikoli, denaturat jew mhux denaturat, esklużi prodotti b’kontenut ta’ ilma ta’ aktar minn 0,3 % (m/m) imkejjel skont l-istandard EN 15376, kif ukoll alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli li jinsabu f’taħlitiet mal-gażolina b’kontenut ta’ alkoħol etiliku ta’ aktar minn 10 % (v/v) li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, li preżentament jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2207 10 00 , ex 2207 20 00 , ex 2208 90 99 , ex 2710 12 11 , ex 2710 12 15 , ex 2710 12 21 , ex 2710 12 25 , ex 2710 12 31 , ex 2710 12 41 , ex 2710 12 45 , ex 2710 12 49 , ex 2710 12 51 , ex 2710 12 59 , ex 2710 12 70 , ex 2710 12 90 , ex 3814 00 10 , ex 3814 00 90 , ex 3820 00 00 u ex 3824 90 97 .

(34)

Il-bijoetanol jista’ jiġi prodott minn bosta għalf agrikolu, bħall-kannamiela, il-pitrava zokkrija, il-patata, il-manjoka, u l-qamħirrun. Fl-Istati Uniti tal-Amerika ssir distinzjoni abbażi tal-bosta għalf, kif deskritt hawn taħt:

(a)

Il-Bijofjuwil Konvenzjonali (l-aktar prodott minn għalf tal-qamħirrun u normalment imsejjaħ etanol tal-qamħirrun) li huwa definit bħala fjuwil rinnovabbli dderivat minn lamtu tal-qamħirrun prodott minn faċilitajiet li bdew jinbnew wara d-data tad-dħul fis-seħħ (19 ta' Diċembru 2007) u li fil-futur għandu jikseb tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gass serra (greenhouse gas - (“GHG”) meta mqabbla ma’ emissjonijiet ta’ GHG fuq il-bażi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-gażolina u d-diżil.

(b)

Il-Bijofjuwil Avvanzat li huwa definit bħala fjuwil rinnovabbli minbarra l-etanol derivat mil-lamtu tal-qamħirrun, li huwa derivat minn bijomassa rinnovabbli u li għandu emissjonijiet GHG għaċ-ċiklu tal-ħajja, kif iddeterminat mill-Amministratur tal-Att dwar il-Politika tal-Enerġija (Energy Policy Act - (“EPA”)), li jkunu ta’ mill-inqas 50 % inqas minn emissjonijiet bażi GHG. Dan it-terminu jinkludi “bijofjuwils ċellulożiċi” bħal bijoetanol u "diżil ibbażat fuq il-bijomassa." L-iskeda għall-Bijofjuwils Avvanzati tinkludi l-iskeda għall-Bijofjuwils Ċellulożiċi, Diżil Ibbażat fuq il-Bijomassa, u Bijofjuwils Avvanzati mhux Differenzjati.

(35)

B’mod aktar speċifiku, il-Bijofjuwil Ċellulożiku (5) huwa definit bħala fjuwil rinnovabbli dderivat minn kwalunkwe ċellulożi, emiċellulożi, jew linjina li hija derivata minn bijomassa rinnovabbli u li għandħa emissjonijiet GHG għaċ-ċiklu tal-ħajja, kif iddeterminat mill-Amministratur EPA, li huma ta’ mill-inqas 60 % inqas mill-emissjonijiet GHG bażi għaċ-ċiklu tal-ħajja. Il-bijofjuwils ċellulożiċi jinkludu l-bijoetanol. Hemm riċerki u proġetti bi prova li huma appoġġati l-aktar mill-Gvern Federali tal-Istati Uniti għall-produzzjoni ta’ Bijofjuwils Avvanzati u b’mod partikolari l-bijoetanol ċellulożiku, prodott b’mod partikolari minn skart agrikolu u forestrali. Skont uffiċjali tal-Istati Uniti u dejta disponibbli pubblikament (6), il-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ bijodiżil se tilħaq madwar erba' biljun litru fl-2014 u aktar minn 50 biljun litru sal-2021. Il-produzzjoni tal-bijoetanol ċellulożiku kienet negliġibbli fl-IP.

(36)

Matul il-perjodu tal-investigazzjoni sa issa l-qamħirrun kien il-materja prima prinċipali użata fl-Istati Uniti, waqt li l-materja prima prinċipali użata fl-Unjoni huwa l-qamħ.

(37)

L-investigazzjoni wriet li l-bijoetanol ġeneralment jinbiegħ fil-forma pura tiegħu lil blenders/operaturi tas-suq li jħalltuh (7) mal-gażolina b’mod partikolari biex jipproduċu taħlitiet ta’ livell għoli li huma esportati jew mibjugħa fis-suq domestiku għal taħlit ulterjuri u għall-konsum. It-taħlit mhuwiex operazzjoni kumplessa ħafna u jista’ jsir billi l-prodotti jitħalltu f’tankijiet speċjali waqt li jiżdiedu l-perċentwali mixtieqa ta’ bijoetanol u gażolina.

(38)

Sabiex jiġu identifikati d-diversi tipi ta’ bijoetanol u taħlitiet tal-bijoetanol użati madwar id-dinja, it-taħliet tal-fjuwil tal-etanol għandom numri "E" li jiddeskrivu l-perċentwal ta’ fjuwil tal-etanol fit-taħlita skont il-volum. Pereżempju, E85 huwa 85 % etanol anidruż u 15 % gażolina. It-taħlitiet b’livell baxx ta’ etanol, minn E5 sa E25, huma magħrufa wkoll bħala gasoħol, għalkemm fuq livell internazzjonali l-aktar użu komuni tat-terminu gasoħol jirreferi għat-taħlita E10. It-taħlitiet ta’ E10 jew inqas intużaw f’aktar minn għoxrin pajjiż madwar id-dinja sal-2011, bl-Istati Uniti fl-ewwel post, fejn kważi l-gażolina kollha mibjugħa bl-imnut fl-2010 kienet imħallta b’10 % etanol.

(39)

L-investigazzjoni wriet li t-tipi kollha ta’ bijoetanol huma kkunsidrati li huma bijofjuwils skont il-Programm Nazzjonali dwar l-Istandard tal-Fjuwil Rinnovabbli (National Renewable Fuel Standard program) (RFS1) stabbilit skont l-Att dwar il-Politika tal-Enerġija ((Energy Independence and Security Act) tal-2005, li emenda l-Att dwar l-Arja Nadifa (Clean Air Act) billi stabbilixxa l-ewwel standard nazzjonali dwar il-fjuwil rinnovabbli. L-Istati Uniti Il-Kungress tal-Istati Uniti ta lill-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali (Environmental Protection Agency) (EPA) tal-Istati Uniti r-responsabbiltà biex tikkoordina mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti (US Department of Energy), id-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti (US Department of Agriculture), u l-partijiet interessati biex ifasslu u jimplimentaw dan il-programm.

(40)

B’riżultat tal-politika adottata fl-Istati Uniti tal-Amerika għal numru ta’ snin għall-promozzjoni tal-bijoetanol, l-Istati Uniti tal-Amerika saru l-akbar produttur madwar id-dinja tal-bijoetanol sa mill-2005 b’sehem ta’ 57,5 % tal-produzzjoni globali. Fl-2009, l-EPA ħabbret li l-Istandard dwar il-Fjuwil Rinnovabbli ser jeħtieġ li l-biċċa l-kbira tal-irfinaturi, l-importaturi u l-blenders mhux ossiġenati tal-gażolina jissostitwixxu madwar 10 % tal-gażolina tagħhom bi fjuwils rinnovabbli bħall-etanol. Dak ir-rekwiżit kellu l-għan li jiżgura li ta’ mill-inqas 11-il biljun gallun tal-Istati Uniti ta’ fjuwils rinnovabbli jkunu jistgħu jiġu prodotti fl-2009, b’mod partikolari sabiex jinżammu l-miri stabbiliti mill-Att dwar l-Indipendenza tal-Enerġija u s-Sigurtaà tal-2007 (EISA) iżda wkoll sabiex issir esportazzjoni lejn swieq oħrajn.

(41)

Abbażi ta’ sorsi uffiċjali u ta’ informazzjoni disponibbli għas-suq u b’mod pubbliku (8), it-tipi kollha ta’ bijoetanol u bijoetanol li jinsab f’taħlitiet, jiġifieri taħlitiet ta’ bijoetanol b’gażolina minerali, li huma prodotti u mibgjugħa fl-Istati Uniti tal-Amerila u esportati huma meqjusa li huma fjuwils tal-bijoetanol u huma parti minn pakkett leġiżlattiv li jirrigwarda l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli u fjuwils alternattivi fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(42)

Instab li t-tipi kollha ta’ bijoetanol u bijoetanol f’taħlitiet koperti minn din l-investigazzjoni, minkejja differenzi possibbli f’termini tal-għalf użat għall-produzzjoni, jew varjazzjonijiet fil-proċess tal-produzzjoni, it-tipi kollha għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, jew simili ħafna, u jintużaw għall-istess skopijiet. Il-varjazzjonijiet minuri possibbli fil-prodott ikkonċernat ma jbiddlux id-definizzjoni bażika tiegħu, il-karatteristiċi tiegħu, jew il-perċezzjoni tiegħu li għandhom id-diversi partijiet.

(43)

Xi partijiet ilmentaw li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kinitx ċara, b’mod partikolari għaliex ma kinitx tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-bijoetanol għal applikazzjonijiet ta’ fjuwil minn dak maħsub għal applikazzjonijiet oħrajn. B’hekk, huma sostnew li l-investigazzjoni għandha tkopri l-etanol għal kull tip ta’ użu u l-etanol minn kull sors, inkluż etanol sintetiku li jikkompeti mal-bijoetanol għal użu industrijali.

(44)

Parti oħra lmentat il-kuntrarju, jiġifieri li l-investigazzjoni għandha tkopri biss il-bijoetanol għal applikazzjonijiet ta’ fjuwil u li l-bijoetanol għal użu industrijali b’hekk għandu jiġi eskluż.

(45)

F’dan il-kuntest, huwa osservat li l-prodott ikkonċernat għandu jkun definit primarjament abbażi tal-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi tiegħu u mhux abbażi tal-użu jew l-applikazzjonijiet tiegħu. Prodott li jkollu diversi applikazzjonijiet jista’ tabilħaqq ikollu l-istess karatteristiċi bażiċi jew simili minkejja l-użu ulterjuri tiegħu u f’ċerti ċirkustanzi jista’ jkun meħtieġ li ssir analiżi aktar dettaljata tad-definizzjoni tal-prodott u l-iskop tal-prodott fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-industrija u s-suq.

(46)

F’dan il-każ, kien ċar li n-notifika ta’ bidu ma kellhiex l-għan li jkopri l-etanol sintetiku fid-definizzjoni tal-prodott. L-etanol sintetiku għandu karatteristiċi differenti mill-bijoetanol u ma jikkorrispondix mal-kriterji msemmija hawn fuq li huma relatati mad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Ma hemm ebda produttur li jiffoka fuq il-produzzjoni ta’ dak il-prodott li ħa sehem f’din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, l-etanol sintetiku ma jistax jiġi inkluż fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni.

(47)

Matul l-investigazzjoni ta’ operaturi fl-Istati Uniti u fl-Unjoni, ma tqajmet ebda kwistjoni dwar problemi possibbli fid-distinzjoni tal-bijoetanol li jintuża bħala fjuwil u l-bijoetanol li jintuża għal applikazzjonijiet oħrajn u b’hekk ma setgħet tiġi eżaminata ebda evidenza rilevanti. L-investigazzjoni kkonfermat li s-sussidjar fl-Istati Uniti tal-Amerika huwa maħsub għall-bijoetanol bħala fjuwil, jiġifieri l-bijoetanol inkluż f’taħlita ta’ fjuwil u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni ffukat fuq bijoetanol intiż biex jintuża bħala fjuwil u mhux għal forom oħra ta’ użu.

2.2.   PRODOTT SIMILI

(48)

Instab li l-bijoetanol manifatturat mill-industrija tal-Unjoni u mibjugħ fis-suq tal-Unjoni għandu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili meta mqabbel mal-bijoetanol esportat lejn l-Unjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika.

(49)

Kif deskritt fil-premessa (34) hawn fuq, il-bijoetanol jista’ jiġi prodott minn diversi għalf. Madankollu, l-investigazzjoni ma writx li l-għalf użat jista’ jwassal għal xi differenzi fil-prodott finali. Instab li l-prodott ikkonċernat prodott fl-Istati Uniti tal-Amerika u esportat lejn l-Unjoni huwa interkambjabbli ma’ dak prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma hemm ebda differenza fl-Istati Uniti fil-perċezzjoni minn operaturi u utenti fis-suq.

(50)

Għaldaqstant wieħed għandu jikkonkludi li l-bijoetanol prodott u mibjugħ fl-Unjoni u l-prodott ikkonċernat għandhom jitqiesu bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   IS-SUSSIDJAR

3.1.   INTRODUZZJONI

(51)

Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-ilment u t-tweġibiet għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni, ġew investigati l-Iskemi Federali li ġejjin, li allegatament involvew l-għoti ta’ sussidji:

Skemi Federali

(a)

Krediti ta’ taxxa għal taħlit ta’ fjuwil – Taxxa tas-Sisa/Krediti tat-Taxxa fuq id-Dħul (Fuel mixture tax credits - Excise Tax/Income Tax credits)

(b)

Kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ produtturi żgħar (Small producer income tax credit)

(c)

Kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ta’ bijoetanol ċellulożiku (Income tax credit for producers of cellulosic bioethanol)

(d)

Programm ta’ Bijoenerġija tad-Dipartiment tal-Agrikultura tal-Istati Uniti (The US Department of Agriculture Bioenergy Program)

(e)

Programm ta’ Bijoenerġija tal-USDA għal Bijofjuwils Avvanzati (USDA Bioenergy Program for Advanced Biofuels)

(f)

Programm ta’ Għajnuna tal-USDA dwar l-Għelejjel għall-Bijoraffinerija (USDA Biorefinery Assistance Program)

(g)

Programm tal-USDA ta’ Għajnuna għall-Għelejjel tal-Bijomassa (USDA Biomass Crop Assistance Program)

(h)

Programm tal-USDA dwar l-Enerġija Rurali għall-Amerika (USDA Rural Energy for America Program)

(i)

Għotjiet tad-Dipartiment tal-Enerġija għal Proġetti tal-Bijoraffineriji (Department of Energy Biorefinery Project Grants)

(52)

Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-ilment u t-tweġibiet għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni, ġew investigati wkoll l-Iskemi Statali li ġejjin, li allegatament involvew l-għoti ta’ sussidji:

Skemi Statali

(a)

Inċentivi tal-Istat ta’ Illinois għall-Bijoetanol (Illinois State Bioethanol Incentives)

(i)

Għotjiet tal-Istat ta’ Illinois għall-Faċilitajiet ta’ Produzzjoni tal-Bijofjuwils (Illinois Biofuels Production Facility Grants)

(ii)

Għotjiet Infrastrutturali E85 (E85 Infrastructure Grants)

(b)

Iowa

(i)

Programm ta’ Iowa ta’ Self li jista’ jerġa’ jintuża għall-Enerġija Alternattiva (Iowa Alternate Energy Resolving Loan Program)

(ii)

Għotjiet għall-Infrastruttura tal-Bijofjuwils (Biofuels Infrastructure Grants)

(c)

Inċentivi tal-Istat ta’ Minnesota għall-Bijoetanol (Minnesota State Bioethanol Incentives)

(i)

Kreditu ta’ Taxxa ta’ Minnesota għall-Investiment fl-Etanol Ċellulożiku (Minnesota Cellulosic Ethanol Investment Tax Credit)

(ii)

Għotjiet ta’ Infrastruttura għall-Fjuwil E85 (E85 Fueling Infrastructure Grants)

(d)

Kreditu ta’ Taxxa ta’ Nebraska għall-Produzzjoni tal-Etanol (Nebraska Ethanol Production Tax Credit)

(e)

Inċentiv ta’ South Dakota għall-Produzzjoni tal-Etanol (South Dakota Ethanol Production Incentive)

3.2.   SKEMI FEDERALI

3.2.1.   Krediti ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-fjuwils – Krediti fuq it-Taxxa tas-Sisa/Taxxa fuq id-Dħul

(a)   Bażi legali

(53)

It-titolu 26 U.S.C – Internal Revenue Code (Kodiċi dwar id-Dħul Intern) – it-taqsimiet 6426 u 6427 huwa l-bażi legali għall-kreditu ta’ taxxa tal-fjuwil għat-taħlita (“kreditu ta’ taxxa għat-taħlita”) fuq il-bijoetanol.

(b)   Eliġibbiltà

(54)

Sabiex ikunu eliġibbli għall-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita fl-IP, il-persuni kienu meħtieġa li joħolqu taħlita ta’ bijoetanol bi fjuwil taxxabbli (gażolina, fjuwil tad-diżil jew pitrolju), li mbagħad jintuża bħala fjuwil jew jinbiegħ biex jintuża bħala fjuwil. Għal dawk il-persuni (blenders), il-kreditu kien ta’ 0,45 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol imħallat fi fjuwil taxxabbli.

(55)

Il-produtturi tal-bijoetanol jistgħu jitolbu l-inċentiv biss meta huma stess ikunu qegħdin iwettqu attività ta’ taħlit. Il-produttur irid iħallat il-bijoetanol mhux imħallat ma’, pereżempju, il-gażolina. Il-kumpaniji li ma jipproduċux iżda jixtru l-bijoetanol mhux imħallat u jħalltuh f’taħlita ta’ bijoetanol huma wkoll intitolati għall-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita. F’termini tal-intitolament għall-inċentiv, ma hemm ebda differenza bejn bijoetanol imħallat intiż għal bejgħ domestiku u għal bejgħ b’esportazzjoni.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(56)

B’hekk hija l-attività tat-taħliet li tiskatta l-eliġibbiltà għall-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita. L-ammont tas-sussidju mogħti għal fjuwil imħallat jiddependi fuq il-proporzjon ta’ bijoetanol li jkun fih. Is-sussidju jista’ jintalab jew bħala kreditu kontra l-obbligu għat-taxxa tas-sisa jew bħala ħlas dirett fi flus.

(57)

Matul l-IP, il-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita kien mitlub b’mod predominanti (aktar minn 90 %) bħala kreditu tat-taxxa tas-sisa minn dak li jħallat fuq l-Iskeda C tal-Formola 720, "Quarterly Federal Excise Tax Return" (Prospett Trimestrali Federali tat-Taxxa tas-Sisa). Il-kreditu kien awtorizzat sal-limitu tal-obbligu tat-taxxa fuq il-fjuwil u b’hekk kien jintalab fuq din il-formola minn kull min ikun soġġett għat-taxxa fuq il-gażolina, pereżempju f’sitwazzjoni fejn it-taħlit tal-bijoetanol u l-gażolina jkun seħħ fit-terminal tal-ħżin qabel it-tassazzjoni tal-gażolina.

(58)

Il-blender seta’ jitlob ukoll kreditu rimborżabbli tat-taxxa fuq id-dħul jew ħlas dirett minflok kreditu tat-taxxa tas-sisa, iżda biss għall-ammont li bih il-kreditu tat-taxxa jkun qabeż l-obbligu totali tat-taxxa tas-sisa, jiġifieri l-ammont li bih is-sussidju massimu permissibbli għat-taħlita jkun qabeż il-kreditu awtorizzat fuq il-Formola 720. Għandu jiġi osservat li l-kreditu tat-taxxa tas-sisa seta’ jaqbeż l-obbligu tat-taxxa tas-sisa jekk, pereżempju, il-gażolina użata biex issir it-taħlita tkun intaxxata qabel ma tiġi akkwistata mill-blender. F’każijiet bħal dawn setgħu jsiru talbiet permezz tal-Formola 8849, "Claim for Refund of Excise Taxes" (“Talba għal Rimborż ta’ Taxxi tas-Sisa”).

(59)

Il-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita ma kienx kumulattiv, jiġifieri baqa’ l-istess kemm jekk is-sussidju jkun intalab bħala kreditu tat-taxxa tas-sisa, bħala kreditu tat-taxxa fuq id-dħul, bħala ħlas dirett lill-persuna taxxabbli jew kwalunkwe kombinament ieħor ta’ dawn. It-talbiet għall-ħlas kienu jsiru jew fuq il-Formola 8849, l-Iskeda C tal-Formola 720 jew f’każ tal-kreditu rimborżabbli tat-taxxa fuq id-dħul fuq il-Formola 4136, "Credit for Federal Tax Paid on Fuel" (Kreditu għal Taxxa Federali Mħallsa fuq il-Fjuwil), li kienet mehmuża mal-prospett tat-taxxa fuq id-dħul tal-applikant. Għandu jiġi osservat, madankollu, li l-ammont totali tas-sussidju ma setax jaqbeż il-0,45 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol.

(60)

Kreditu mhux rimborżabbli tat-taxxa fuq id-dħul kien disponibbli wkoll għal blenders tal-bijoetanol matul l-IP. Dan il-kreditu mhux rimborżabbli tat-taxxa fuq id-dħul fuq kwantità ta’ fjuwil disponibbli għal blender tnaqqas mill-ammont ta’ kreditu tat-taxxa tas-sisa mitlub fir-rigward ta’ dik l-istess kwantità ta’ fjuwil. Fi kliem ieħor, blender ma setax jitlob kemm il-kreditu tat-taxxa tas-sisa kif ukoll il-kreditu mhux rimborżabbli tat-taxxa fuq id-dħul għall-istess kwantità ta’ bijoetanol imħallat bil-gażolina. Meta japplika għall-kreditu mhux rimborżabbli tat-taxxa fuq id-dħul, il-produttur kellu jiddikjara li ma kienx talab il-kreditu tat-taxxa tas-sisa għall-istess kwantità ta’ bijoetanol.

(61)

Il-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita jista’ jintalab biss darba għall-istess kwantità ta’ bijoetanol użat biex issir taħlita, jiġifieri jew mill-produttur li jħallat huwa stess jew minn xerrej li jwettaq l-attività ta’ taħlit. Fiż-żewġ każijiet, il-blender huwa intitolat għal kreditu ta’ taxxa ta’ 0,45 USD għal kull gallun għan-numru ta’ galluni ta’ bijoetanol użati fil-produzzjoni ta’ taħlita.

(62)

L-investigazzjoni wriet li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-persuna li titlob is-sussidju (“ir-rikorrent") kienet persuna li tħallat/operatur tas-suq b’obbligazzjoni tat-taxxa tas-sisa bħal kumpanija petrokimika. Tabilħaqq, it-taħlit jiddependi fuq numru ta’ fatturi bħall-kapaċità disponibbli tat-tank kif ukoll is-sit ġeografiku ta’ bijoetanol u gażolina disponibbli rispettivament. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet deher li l-produttur tal-bijoetanol ma talabx il-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita. Fil-fatt huwa ċar li t-taħlit fil-biċċa l-kbira tal-każijiet seħħ f’terminals jew fi xkafef tat-terminals. F’dan ir-rigward, jidher li l-applikant fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kien persuna b’obbligazzjoni tat-taxxa tas-sisa.

(63)

Is-suq għall-bijoetanol bħala użu finali ma kienx kbir u b’hekk kien jagħmel sens ekonomiku li jitħallat il-bijoetanol prodott u li ssir taħlita li tiskatta l-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita. Għandu jiġi osservat li l-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita (Excise Tax /Income tax credit – Kreditu tat-Taxxa tas-Sisa/Taxxa fuq id-Dħul) għall-bijoetanol kien ilu jeżisti sa mill-1980, jiġifieri għal aktar minn 30 sena, u skada fl-aħħar ta' Diċembru 2011 (wara l-IP).

(64)

L-investigazzjoni sabet li żewġ kumpaniji fil-kampjun għamlu talbiet għall-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita fl-IP. Madankollu, is-sussidji miksuba għaż-żewġ kumpaniji kienu insinifikanti.

(65)

Madankollu, meta titqabbel il-produzzjoni totali tal-bijoetanol fl-Istati Uniti tal-Amerika matul l-IP mal-kwantità totali ta’ bijoetanol li jirċievi kreditu ta’ taxxa għat-taħlita, huwa ċar li l-bijoetanol kollu prodott fl-Istati Uniti tal-Amerika matul l-IP kien jibbenefika minn sussidju taħt din l-iskema. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-istatistika pprovduta mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti.

(66)

Abbażi ta’ dan, i-sejbiet tal-investigazzjoni wrew b’mod ċar li l-bijoetanol kollu kien issussidjat permezz ta’ dan il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita matul l-IP.

(d)   Konklużjoni

(67)

L-investigazzjoni wriet li matul l-IP, il-bijoetanol kollu prodott fl-Istati Uniti bbenefika mill-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita. Dan il-kreditu ta’ taxxa għat-taħlita għandu jitqies bħala inċentiv fiskali irrispettivament minn jekk jingħatax b’kumpens kontra obbligi fiskali jew bħala ħlas fi flus.

(68)

Din l-iskema għandha titqies bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku peress li l-iskema tipprovdi kontribut finanzjarju mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-forma ta’ għotjiet diretti (ħlasijiet fi flus) u dħul irrinunzjat li kieku jkun dovut (kumpens ta’ taxxa). Is-sussidju jagħti benefiċċju lill-kumpaniji li jirċevuh.

(69)

L-iskema hija limitata għal kumpaniji li huma involuti fl-industrija tal-bijoetanol, jiġifieri t-taħlit tal-bijoetanol, u b’hekk jitqies li huwa speċifiku taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2), punt (a) tar-Regolament bażiku u b’hekk bħala kumpensatorju.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(70)

Il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-bijoetanol ngħata b’referenza għall-kwantitajiet ta’ bijoetanol użati f’taħlita, jiġifieri 0,45 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol imħallat fi fjuwil taxxabbli.

(71)

Huwa kkunsidrat li l-ammont ta’ sussidju huwa ta’ 0,45 USD għal kull gallun fuq bażi għall-pajjiż kollu billi l-produzzjoni totali ta’ bijoetanol tal-Istati Uniti, inklużi l-esportazzjonijiet ta’ bijoetanol lejn l-Unjoni, finalment kienet ser tibbenefika mill-kreditu fuq it-taħlita tal-bijoetanol. Għalhekk mhuwiex meħtieġ li wieħed jiddistingwi bejn l-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari billi s-sussidju rari jingħata lill-produtturi tal-bijoetanol iżda prinċipalment lill-operaturi li jħalltu l-bijoetanol pereżempju mal-gażolina.

3.2.2.   Kreditu tat-taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ż-żgħar

(a)   Bażi legali

(72)

It-titolu 26 tal-U.S.C Internal Revenue Code, Artikolu 40, huwa l-bażi legali għall-kreditu tat-taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ż-żgħar.

(b)   Eliġibbiltà

(73)

Din l-iskema hija disponibbli biss għal produtturi żgħar tal-bijoetanol. Produttur żgħir huwa ddefinit bħala kwalunkwe persuna li l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha ma taqbiżx 60 miljun gallun ta’ bijoetanol fis-sena. Matul l-IP, produttur żgħir seta’ jitlob kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul min-negozju ġenerali, mhux rimborżabbli, ta’ 0,10 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol prodott. Kwalunkwe blender jew negozjant li jixtri iżda ma jipproduċix il-bijoetanol mhuwiex eliġibbli għall-kreditu. Barra minn hekk, sabiex tkun eliġibbli għall-kreditu, il-produzzjoni ma tistax taqbeż 15-il miljun gallun fi kwalunkwe sena taxxabbli u l-bijoetanol prodott irid jintuża bħala fjuwil, jinbiegħ għall-użu bħala fjuwil, jew jintuża sabiex tinħoloq taħlita ta’ bijoetanol u fjuwil taxxabbli li suċċessivament jintuża bħala fjuwil jew jinbiegħ għall-użu bħala fjuwil.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(74)

It-talbiet għall-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ż-żgħar isiru kull sena, bħala parti mill-prospett tat-taxxa fuq id-dħul tal-applikant. Il-kreditu għal kull gallun ta’ bijoetanol prodott mir-rikorrent matul is-sena fiskali rilevanti, sa massimu ta’ 15-il miljun gallun, jiġi kkumpensat kontra l-obbligazzjoni tar-rikorrent għat-taxxa fuq id-dħul korporattiva. Jekk l-obbligazzjoni tat-taxxa tar-rikorrent tkun inqas mill-ammont ta’ kreditu mitlub, l-ammont żejjed jista’ jitressaq ’il quddiem għas-snin fiskali sussegwenti.

(75)

Minħabba l-kriterji tal-eliġibbiltà, żewġ kumpaniji biss fil-kampjun ibbenefikaw minn din l-iskema matul il-PI.

(d)   Konklużjoni

(76)

Din l-iskema hija kkunsidrata bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku billi l-iskema tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Istati Uniti fil-forma ta’ dħul irrinunzjat li kieku jrid jitħallas. Is-sussidju jagħti benefiċċju lill-kumpaniji li jirċevuh.

(77)

L-iskema hija limitata għall-kumpaniji li jipproduċu l-bijoetanol, u għalhekk hija kkunsidrata bħala speċifika skont l-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a) tar-Regolament bażiku u għalhekk ta’ natura kumpensatorja.

(78)

Statistika pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti wriet li l-użu globali tal-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul tal-produtturi ż-żgħar kien żgħir ħafna b’kuntrast ma’ talbiet magħmula għall-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-fjuwils. Paragun tal-ammont totali ddikjarat taħt din l-inċentiva fir-rigward tal-produzzjoni totali ta’ bijoetanol wera sussidju globali insinifikanti matul l-IP.

3.2.3.   Kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul għall-produtturi tal-bijoetanol ċellulożiku

(a)   Bażi legali

(79)

It-titolu 26 tal-U.S.C Internal Revenue Code, Artikolu 40 huwa l-bażi legali għall-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul għall-produtturi tal-bijoetanol ċellulożiku.

(b)   Eliġibbiltà

(80)

Din l-iskema hija disponibbli biss għall-produtturi tal-bijoetanol ċellulożiku.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(81)

It-talbiet għall-kreditu tat-taxxa fuq id-dħul isiru kull sena, bħala parti mill-prospett tat-taxxa tar-rikorrent.

(82)

Qabel l-1 ta' Jannar 2012, il-kreditu disponibbli kien ta’ 0,46 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol ċellulożiku prodott. Mill-1 ta' Jannar 2012 il-kreditu żdied għal 1,01 USD għal kull gallun.

(d)   Konklużjoni

(83)

Din l-iskema hija kkunsidrata bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku billi l-iskema tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-forma ta’ dħul irrinunzjat li kieku jrid jitħallas. Is-sussidju jagħti benefiċċju lill-kumpaniji li jirċevuh.

(84)

L-iskema hija limitata għal kumpaniji li jipproduċu l-bijoetanol, u għalhekk hija kkunsidrata bħala speċifika skont l-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a) tar-Regolament bażiku u għalhekk ta’ natura kumpensatorja.

(85)

Ma kien hemm ebda talbiet għall-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul mill-produtturi tal-bijoetanol ċellulożiku matul il-PI li jikkoinċidi man-nuqqas ta’ produzzjoni kummerċjali tal-bijoetanol ċellulożiku sal-aħħar tal-IP.

3.2.4.   Id-Dipartiment tal-Istati Uniti tal-Programm dwar il-Bioenerġija mill-Agrikultura

(a)   Bażi legali

(86)

Il-Programm dwar il-Bijoenerġija tad-Dipartiment tal-Agrikultura tal-Istati Uniti (US Department of Agriculture - USDA) kien oriġinarjament awtorizzat u ffinanzjat mill-Commodity Credit Corporation (CCC) tal-USDA bl-awtorità ġenerali tagħha skont l-Artikolu 5 tas-CCC Charter Act.

(87)

L-iskema kienet fis-seħħ mill-1 ta' Diċembru 2000 sa Ġunju 2006. Hija kienet amministrata mill-Farm Service Agency (FSA) tal-USDA.

(b)   Eliġibbiltà

(88)

Meta kien qed jopera l-programm, il-produtturi kummerċjali kollha tal-bijoenerġija kienu eliġibbli sabiex jipparteċipaw. Il-produtturi kienu meħtieġa jipprovdu evidenza tal-produzzjoni, kif ukoll evidenza tax-xiri u l-użu ta’ komoditajiet agrikoli relatati ma’ dik il-produzzjoni. B’mod partikolari, il-produtturi tal-bijoetanol kienu meħtieġa jipproduċu u jbigħu l-bijoetanol b’mod kummerċjali.

(89)

Sabiex ikun eliġibbli, produttur ried jissodisfa ċerti rekwiżiti fir-rigward taż-żamma tar-rekords u l-għoti tal-informazzjoni meħtieġa, kif ukoll jawtorizza lis-CCC sabiex tivverifika dik l-informazzjoni. Ir-regolamenti rilevanti stabbilixxewew id-dettalji tal-proċeduri li kellhom jiġu segwiti għar-reġistrazzjoni fil-programm, l-applikazzjonijiet għall-ħlas u l-proċeduri ta’ rappurtar li l-applikanti kienu meħtieġa li jsegwu sabiex ikunu eliġibbli għall-ħlasijiet.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(90)

F’kull sena fiskali, il-produtturi tal-bijoetanol setgħu jirreġistraw fl-iskema billi jissottomettu l-formoli rilevanti. Wara r-reġistrazzjoni, il-produtturi tal-bijoetanol kienu jissottomettu applikazzjonijiet għall-ħlas kull tliet xhur. Il-produtturi tal-bijoetanol riedu jipprovdu dokumentazzjoni tax-xirjieti nett tagħhom ta’ komoditajiet eliġibbli u tal-produzzjoni netta ta’ bijoetanol matul il-perjodi rilevanti.

(91)

L-iskema kienet tipprovdi ħlasijiet lill-produtturi tal-bijoetanol li kienu bbażati fuq kombinament tal-produzzjoni bażi tagħhom ta’ bijoetanol u żieda fil-produzzjoni tal-bijoetanol fil-perjodu korrispondenti tas-sena fiskali preċedenti. Għas-sena fiskali 2006, il-kumpaniji rċevew biss inċentivi miż-żieda fil-produzzjoni tal-bijoetanol.

(92)

Billi l-iskema ntemmet f’Ġunju 2006, l-ebda waħda mill-kumpaniji fil-kampjun ma rċeviet inċentivi taħt din l-iskema matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(93)

Jidher li kien hemm konfużjoni dwar jekk din l-iskema ġietx introdotta mill-ġdid għas-sena fiskali 2009 (Ottubru 2008-Settembru 2009). Madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat li dan ma kienx il-każ. L-iskema kif deskritta hawn fuq skadiet fl-2006.

(d)   Konklużjoni

(94)

Instab li l-iskema ntemmet f’Ġunju 2006 u li ma ġewx provduti sussidji matul l-IP.

3.2.5.   Programm tal-Bijoenerġija tal-USDA għall-Bijofjuwils Avvanzati (Bioenergy Program for Advanced Biofuels)

(95)

Il-Programm tal-Bijoenerġija għall-Bijofjuwils Avvanzati (ġeneralment imsemmi bħala il-Programm ta’ Ħlas għal Bijofjuwil Avvanzat) jipprovdi produzzjoni lil produtturi eliġibbli ta' "bijofjuwils avvanzati”. Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, “bijofjuwils avvanzati” huma definiti speċifikament biex jeskludu fjuwil derivat minn qamħirrun li huwa l-għalf ewlieni għall-produzzjoni tal-bijoetanol tal-Istati Uniti.

(a)   Bażi legali

(96)

It-Titolu IX, tat-Taqsima 9005 tal-Farm Security and Rural Investment Act tal-2002 (il-Farm Bill tal-2002) kif emendat mit-Titolu IX, it-Taqsima 9001 tal-Food, Conservation, and Energy Act tal-2008 huwa l-bażi legali għall-Programm ta’ Bijoenerġija għal Bijofjuwils Avvanzati.

(b)   Eliġibbiltà

(97)

Applikant irid ikun “produttur ta’ bijofjuwil avvanzat". It-terminu “produttur ta’ bijofjuwil avvanzat” huwa definit bħala: “Individwu, korporazzjoni, kumpanija, fondazzjoni, assoċjazzjoni, organizzazzjoni tax-xogħol, ditta, sħubija, soċjetà, kumpanija b’kapital konġunt, grupp ta' organizzazzjonijiet, jew entità mingħajr skop ta’ qligħ li tipproduċi u tbigħ bijofjuwil avvanzat. Entità li tħallat jew tgħaqqad b’mod ieħor bijofjuwils avvanzati f’bijofjuwil imħallat mhijiex ikkunsidrata bħala produttur ta’ bijofjuwil avvanzat skont dan il-Programm.

(98)

Bijokarburant avvanzat huwa definit fit-Taqsima 9001 tal-Food, Conservation, and Energy Act tal-2008 bħala “fjuwil derivat minn bijomassa rinnovabbli għajr lamtu tal-qalba tal-qamħirrun”. Skont dan l-Att, il-bijofjuwils avvanzati jinkludu b’mod speċifiku:

Bijofjuwil miksub miċ-ċelluloża, emiċelluloża, jew linjina;

Bijofjuwil miksub miz-zokkor u lamtu (għajr etanol derivat mil-lamtu tal-qalba tal-qamħirrun);

Bijofjuwil miksub minn materjal ta’ skart, inkluż residwu tal-uċuħ tar-raba’, materjal ta’ skart veġetattiv ieħor, skart tal-annimali, skart tal-ikel u skart tal-ġonna;

Karburant ekwivalenti għad-diżil miksub minn Bijomassa Rinnovabbli, inklużi żejt veġetali u xaħam tal-annimali;

Bijogass prodott bil-konverżjoni ta’ materja organika minn Bijomassa Rinnovabbli;

Butanol jew tipi oħra ta’ alkoħols prodotti permezz tal-konverżjoni ta’ materja organika minn Bijomassa Rinnovabbli; u

Fjuwil ieħor miksub minn bijomassa ċellulożika.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(99)

Il-produtturi tal-bijoetanol jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. Sabiex ikunu eliġibbli għall-ħlasijiet, il-produtturi jridu jżommu rekords għas-snin u t-trimestri fiskali kollha rilevanti. Dawn ir-rekords jinkludu dokumentazzjoni għax-xiri tal-għalf, il-produzzjoni tal-bijoetanol, il-prezz u l-kwantità ta’ bijoetanol mibjugħ. Il-produtturi jirċievu ħlasijiet diretti mill-Gvern.

(100)

L-iskema tipprovdi ħlasijiet għall-produtturi tal-bioetanol li huma bbażati fuq kombinament tal-produzzjoni attwali tagħhom u produzzjoni inkrimentali, jiġifieri ż-żieda fil-produzzjoni meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Ir-rati tal-ħlas għall-produzzjoni attwali huma kkalkulati kull tliet xhur għall-ammont ta’ bijofjuwil avvanzat attwali prodott kull tliet xhur. Il-ħlasijiet tal-produzzjoni inkrimentali jsiru għall-kwantità ta’ bijofjuwil avvanzat eliġibbli li jiġi prodott f’sena fiskali minn produttur eliġibbli, li jaqbeż il-kwantità prodotta fis-sena fiskali preċedenti.

(101)

Il-prodott finali huwa eżattament l-istess irrispettivament minn jekk il-bijoetanol ikunx derivat mill-għalf imsemmi fil-premessa (98), jew jekk ikunx ġie prodott mill-qamħirrun li huwa l-għalf prinċipali għall-produzzjoni tal-bijoetanol fl-Istati Uniti.

(d)   Konklużjoni

(102)

Instab li l-kumpaniji inklużi fil-kampjun ma bbendefika minn ebda sussidju provdut skont l-iskema. Il-maġġoranza tal-produtturi li jibbenefikaw minn din l-iskema huma produtturi tal-bijodiżil. Fil-fatt, 15 biss minn madwar 155 kumpanija fl-Istati Uniti tal-Amerika li rċevew sussidji skont din l-iskema fl-2011 ipproduċew il-bijoetanol.

(103)

Fir-rigward tal-kumpaniji mhux magħżula fil-kampjun, l-investigazzjoni turi li l-ammont totali ta’ sussidji mogħyija skont din l-iskema għall-produzzjoni tal-bijoetanol kien insinifikanti meta mqabbel mal-produzzjoni totali ta’ bijoetanol matul l-IP.

(104)

Għaldaqstant ma kienx meħtieġ li ssir aktar valutazzjoni tal-kumpens ta’ din l-iskema.

3.2.6.   Programm ta’ Għajnuna għall-Bijoraffineriji tal-USDA (USDA Biorefinery Assistance Program)

(105)

Il-Programm ta’ Għajnuna għall-Bijoraffineriji tal-USDA hu maħsub sabiex jgħin fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti għall-bijofjuwils avvanzati.

(a)   Bażi legali

(106)

It-Titolu IX, it-Taqsima 9003 tal-Farm Security and Rural Investment Act tal-2002 (il-Farm Bill tal-2002) kif emendat mit-Titolu IX, it-Taqsima 9001 tal-Food, Conservation, and Energy Act tal-2008 huwa l-bażi legali għall-Programm ta’ Għajununa għall-Bijoraffineriji.

(b)   Eliġibbiltà

(107)

Il-programm huwa amministrat minn fergħa tad-Dipartiment tal-Agrikultura. Huwa joffri garanziji fuq is-self lil applikanti eliġibbli b’appoġġ għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni ta’ bijoraffineriji fuq skala kummerċjali li jużaw teknoloġija eliġibbli, jew modifiki ta’ faċilitajiet eżistenti b’teknoloġija eliġibbli. Sabiex ikun eliġibbli għall-iskema, proġett partikolari jrid juża teknoloġija adattata għal operazzjoni vijabbli fuq skala kummerċjali jew irid jintwera li għandu potenzjal tekniku u ekonomiku għall-applikazzjoni kummerċjali f’bijoraffinerija li tipproduċi bijofjuwil avvanzat. Il-proġett irid juża materjal eliġibbli għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils avvanzati u prodotti bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi. Eżempji ta’ għalf eliġibbli jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, bijomassa rinnovabbli, bijosolidi, ħama tad-drenaġġ ittrattat, u prodotti sekondarji tal-industrija tal-polpa u tal-karta. Il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ta’ bijoraffinerija eliġibbli trid tkun ta’ bijofjuwils avvanzati.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(108)

Il-produtturi tal-bijoetanol jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema jekk huma jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà u sakemm ikun hemm biżżejjed fondi tal-Gvern. Proġett irid ikollu mertu tekniku u l-mutwatarju jrid jissodisfa ċerti kriterji finanzjarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Irid ikun hemm ukoll assigurazzjoni raġonevoli li s-self li jkun qiegħed jiġi ggarantit ikun se jitħallas lura.

(109)

Kandidat magħżul jirċievi garanzija fuq is-self li tippermetti lill-applikant li jikseb il-fond meħtieġ mingħand mutwanti ta’ parti terza. Il-parteċipazzjoni massima tal-Aġenzija (Gvern Federali) fi proġett eliġibbli hija garanzija ta’ 90 % ta’ self li jkopri sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett li jkun qed jiġi ffinanzjat. Il-mutwatarju jrid jipprovdi l-20 % li jifdal. Barra minn hekk, il-perċentwal massimu ta’ garanzija jonqos hekk kif l-ammont tas-self jiżdied.

(d)   Konklużjoni

(110)

L-investigazzjoni wriet li l-ebda kumpanija kienet għadha ma rċevitx ħlasijiet mill-Gvern tal-Istati Uniti skont din l-iskema. Matul il-PI, tliet kumpaniji li ma kinux magħżula fil-kampjun kienu applikaw għal garanzija fuq is-self relatata mal-produzzjoni ta’ bijoetanol ċellulożiku, għalkemm tnejn miż-żewġ applikazzjonijiet għal garanzija fuq is-self kienu pendenti. L-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma hi produttur tal-bijoetanol derivat mill-qamħirrun. L-investigazzjoni wriet ukoll li kien għad mhemmx produzzjoni ta’ bijoetanol b’riżultat ta’ din l-iskema.

(111)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-għoti ta’ garanziji fuq is-self lil produtturi futuri ta’ bijoetanol ċellulożiku ma kellu l-ebda impatt fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-bijoetanol matul l-IP.

(112)

Għaldaqstant mhemmx bżonn li jiġi evalwat aktar l-effett kumpensatorju ta’ din l-iskema fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

3.2.7.   Programm ta’ Għajununa tal-USDA dwar l-Għelejjel għall-Bijomassa (USDA Biomass Crop Assistance Program)

(113)

Il-Programm ta’ Għajununa tal-USDA dwar l-Għelejjel għall-Bijomassa (“BCAP”) jappoġġa l-produzzjoni ta’ għalf għall-bijofjuwils avvanzati tal-ġenerazzjoni li jmiss. Il-BCAP jipprovdi benefiċċji għall-produtturi ta’ għelejjel eliġibbli jew għas-sidien ta’ materjali tal-bijomassa mkabbra fuq artijiet eliġibbli. Bħala tali, il-benefiċċji jiġu pprovduti għall-produzzjoni ta’ għelejjel u materjali li jistgħu jintużaw bħala input għal bijofjuwils avvanzati, iżda mhux għall-produzzjoni tal-bijofjuwils.

(114)

Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, il-bijoetanol prodott mill-qamħirrun, li jammonta għal kważi l-produzzjoni u l-esportazzjonijiet kollha ta’ bijoetanol tal-Istati Uniti, huwa speċifikament eskluż mill-BCAP. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, minħabba l-konċentrazzjoni tal-BCAP fuq il-bijofjuwils avvanzati, u n-nuqqas ta’ produzzjoni kummerċjali ta’ bijofjuwils avvanzati, il-programm ma ta l-ebda benefiċċju lill-produtturi kummerċjali tal-bijoetanol fl-Istati Uniti matul l-IP.

(a)   Bażi legali

(115)

It-Taqsima 9011 tal-Food, Conservation, and Energy Act tal-2008 (il-Farm Bill tal-2008) hija l-bażi legali tal-Programm ta’ Għajununa tal-USDA dwar l-Għelejjel għall-Bijomassa.

(b)   Eliġibbiltà

(116)

Il-BCAP għandu żewġ komponenti, kull wieħed b’eliġibbiltà speċifika u differenti. L-ewwel komponent, il-komponent taż-Żona tal-Proġett, jipprovdi benefiċċji lill-produtturi ta’ “għelejjel eliġibbli” filwaqt li t-tieni komponent, il-komponent tat-Tqabbil tal-Għajnuna, jipprovdi benefiċċji għas-sidien ta’ “materjali eliġibbli”. L-għelejjel eliġibbli u l-materjali eliġibbli jservu bħala inputs għall-bijofjuwils avvanzati, is-sħana, l-enerġija, u l-prodotti bijoloġiċi. Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, ma jsirux ħlasijiet lill-produtturi tal-bijofjuwil u tal-bijoenerġija nfushom.

(117)

Għalla eliġibbli hija kwalunkwe għalla ta’ "bijomassa rinnovabbli” bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe għalla eliġibbli sabiex tirċievi ħlasijiet skont it-Titolu I tal-Farm Bill tal-2008. Fost affarijiet oħra, l-għelejjel esklużi huma l-qamħirrun, is-sorgu tal-qamħ, il-ħafur, ir-ross, il-qamħ, l-għasel u z-zokkor.

(118)

Il-materjal eliġibbli huwa definit bħala kwalunkwe “bijomassa rinnovabbli”, bl-esklużjoni ta’ qamħ mhux ipproċessat minn kwalunkwe għalla eskluża mill-“għelejjel eliġibbli” kif imsemmi hawn fuq. Għalkemm il-qamħ mill-għelejjel esklużi (bħall-qamħirrun) huwa eskluż mill-“materjali eliġibbli”, ir-residwi minn dawk l-għelejjel (bħall-materjal ċellulożiku) huma “materjali eliġibbli”.

(119)

L-ewwel komponent tal-BCAP jipprovdi benefiċċji lill-produtturi ta’ għelejjel eliġibbli. Sabiex tkun eliġibbli għall-benefiċċji, l-għalla eliġibbli trid tkun prodotta f’żona ġeografika indikata bħala “żona tal-proġett”. It-tieni komponent tal-BCAP jipprovdi ħlasijiet simili għall-ġbir, il-ħsad, il-ħażna u t-trasport ta’ sorsi ta’ bijomassa rinnovabbli eliġibbli jew ta’ materjali eliġibbli.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(120)

Il-faċilitajiet ta’ konverżjoni tal-bijomassa, inklużi l-produtturi tal-bijoetanol, ma jirċivux kumpens permezz tal-BCAP. Il-fornituri tagħhom, li jipproduċu għelejjel eliġibbli jew li huma s-sidien ta’ materjal eliġibbli, jirċievu ħlasijiet. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika sostnew li l-BCAP ma kkontribwixxiex għall-produzzjoni tal-ebda bijoetanol, inkluż bijoetanol ċellulożiku matul l-IP.

(121)

Rigward il-ħlasijiet mill-BCAP matul l-IP, ikkwalifikaw tliet faċilitajiet tal-bijoetanol għall-għan ta’ Riċerka u Żvilupp fil-qasam tat-trasport u l-ħażna. Matul l-IP, tħallsu total ta’ 1,7 miljun USD lil 83 sid ta’ materjal li kkonsenjaw qamħirrun lil faċilità approvata waħda. Ma saru l-ebda ħlasijiet lis-sidien l-oħra ta’ materjal għall-konsenja ta’ materjali liż-żewġ faċilitajiet l-oħra ta’ konverżjoni tal-bijomassa li kkwalifikaw.

(122)

Qabel l-IP kien hemm 458 faċilità ta’ konverżjoni tal-bijomassa li kienu kwalifikati sabiex jirċievu l-konsenja ta’ materjali eliġibbli. Tnejn biss minn dawn il-faċilitajiet kwalifikati kienu produtturi tal-bijoetanol.

(123)

Kien hemm disa’ oqsma stabbiliti fl-IP. Matul dan iż-żmien, l-għelejjel kienu qed jiġu ffirmati jew kienu fil-proċess li jissieħbu fil-BCAP Għalhekk, ma sar l-ebda ġbir jew ħsad f’dak il-perjodu.

(d)   Konklużjoni

(124)

Kif spjegat hawn fuq, fornituri li jipproduċu għelejjel eliġibbli jew li huma s-sidien ta’ materjal eliġibbli, jirċievu ħlasijiet skont din l-iskema. Ma kienx hemm evidenza li turi li għaddew benefiċċji għal għand il-produtturi tal-bijoetanol u li l-ammonti mħallsa għaldaqstant mhumiex kompensatorji.

3.2.8.   Programm tal-USDA dwar l-Enerġija Rurali għall-Amerika (USDA Rural Energy for America Program)

(125)

Il-Programm tal-USDA dwar l-Enerġija Rurali għall-Amerika (“REAP”) jipprovdi garanziji fuq is-self u għotjiet lil negozji żgħar rurali u produtturi agrikoli biex jixtru sistemi ta’ enerġija rinnovabbli u sabiex jagħmlu titjib fl-effiċjenza enerġetika. Huwa jipprovdi wkoll għotjiet sabiex jitwettqu studji tal-fattibilità għal sistemi ta’ enerġija rinnovabbli, sabiex jitwettqu verifiki tal-enerġija, kif ukoll assistenza għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli lil produtturi agrikoli u negozji żgħar rurali. Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-REAP jappoġġa firxa wiesgħa ta’ produtturi agrikoli u negozji żgħar fl-isforzi tagħhom sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija; huwa ma jappoġġax il-produzzjoni ta’ xi komodità speċifika u mhuwiex speċifiku għal intrapriża jew grupp tagħha.

(126)

L-REAP għandu tliet komponenti:

Ir-Renewable Energy System (“RES”) and Energy Efficiency Improvement (“EEI”) Loan Guarantee and Grant Program jipprovdi garanziji fuq is-self u/jew għotjiet lil produtturi agrikoli u negozji rurali żgħar biex jixtru, jinstallaw u jibnu sistemi ta’ enerġija rinnovabbli u jagħmlu titjib fl-effiċjenza enerġetika;

L-Energy Audit and Renewable Energy Development Assistance Grant Program jipprovdi għajnuna permezz ta’ għotjiet lil entitajiet li jassistu lil produtturi agrikoli u negozji rurali żgħar billi jwettqu verifiki tal-enerġija u jipprovdu informazzjoni dwar assistenza għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli;

Il-Feasibility Studies Grant Program jipprovdi għajnuna permezz ta’ għotjiet lil applikanti li jkunu jridu jagħmlu studju tal-fattibilità, li huwa meħtieġ fl-applikazzjonijiet għal ħafna mill-programmi tal-Gvern dwar l-enerġija.

(127)

Permezz ta’ dawn it-tliet komponenti, l-REAP huwa disponibbli għat-tipi ta’ proġetti li ġejjin: Sistemi ta’ Enerġija Rinnovabbli, Titjib fl-Effiċjenza Enerġetika, Verifiki tal-Enerġija, Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Enerġija Rinnovabbli u Studji tal-Fattibilità.

(a)   Bażi legali

(128)

It-Titolu IX, it-Taqsima 9006 tal-Farm Security and Rural Investment Act tal-2002 (il-Farm Bill tal-2002) kif ukoll it-Titolu IX, it-Taqsima 9007 tal-Farm Bill tal-2002 kif emendat mit-Titolu IX, it-Taqsima 9001 tal-Food, Conservation, and Energy Act tal-2008 (il-Farm Bill tal-2008) huwa l-bażi legali għall-USDA Rural Energy for America Program.

(b)   Eliġibbiltà

(129)

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà jvarjaw skont it-tip ta’ proġett, kif imsemmi fil-premessa 127, u, fir-rigward ta’ proġetti għal Sistemi ta’ Sistemi ta’ Enerġija Rinnovabbli u Titjib fl-Effiċjenza Enerġetika, dawn ivarjaw skont jekk hijiex qed tintalab għotja jew self.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(130)

L-investigazzjoni wriet li minn mindu daħal fis-seħħ il-Farm Bill tal-2008, l-REAP ta għotjiet lil aktar minn 5 960 proġett, tul il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2008 sat-30 ta' Settembru 2011 (il-perjodu tal-investigazzjoni). Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, il-maġġoranza ta’ dawn l-għotjiet kienu għal proġetti li ma kinux relatati mal-ebda tip ta’ bijofjuwil. Dawn il-proġetti kienu jinkludu, iżda ma kinux limitat għal enerġija solari, mir-riħ u l-effiċjenza enerġetika.

(131)

Matul l-IP, żewġ produtturi biss tal-bijoetanol irċevew benefiċċji skont il-programmi REAP, kull wieħed għal għotja għal studju dwar il-fattibilità. Qabel l-IP, kumpanija waħda rċeviet għotja għas-Sistemi ta’ Enerġija Rinnovabbli għal proġett li kien jinvolvi l-produzzjoni tal-bijoetanol miz-zokkor u skart ibbażat fuq l-alkoħol.

(d)   Konklużjoni

(132)

Din l-iskema hija kkunsidrata bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku billi l-iskema tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-forma ta’ għotja. Is-sussidju jagħti benefiċċju lill-kumpaniji li jirċevuh.

(133)

Madankollu, għandu jiġi nnutat ukoll li l-ebda waħda minn dawn l-għotjiet ma dehret li kienet speċifika għall-produzzjoni ta’ xi komodità fosthom il-bijoetanol li jfisser li ma jistgħux jitqiesu bħala kumpensatorji skont l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku.

3.2.9.   Għotjiet tad-Dipartiment tal-Enerġija għal Proġetti tal-Bijoraffineriji (Department of Energy Biorefinery Project Grants)

(134)

Il-leġiżlazzjoni rilevanti tawtorizza l-finanzjament ta’ “Proġetti ta’ Turija ta’ Bijoraffineriji Integrati” sabiex jintwerew: l-applikazzjoni kummerċjali ta’ bijoraffineriji integrati b’konċentrazzjoni fuq għalf linjoċellulożiku; l-applikazzjoni kummerċjali ta’ teknoloġiji tal-bijomassa għal varjetà ta’ użi, fosthom fjuwils likwidi għat-trasport, kimiki bijoloġiċi ta’ valur għoli, sostituti għal għalf u prodotti bbażati fuq iż-żejt, u enerġija fil-forma ta’ elettriku jew sħana siewja; u l-ġbir u t-trattament ta’ varjetà ta’ għalf tal-bijomassa.

(a)   Bażi legali

(135)

L-Energy Policy Act tal-2005, it-Taqsimiet 931-932, huwa l-bażi legali għall-Għotjiet tad-Dipartiment tal-Enerġija għal Proġetti tal-Bijoraffineriji.

(b)   Eliġibbiltà

(136)

L-eliġibbiltà hija speċifika għat-tħabbira ta’ opportunità ta’ finanzjament (FOA) għal kull proġett ippubblikat mill-awtoritajiet rilevanti tad-Dipartiment tal-Enerġija. Rigward l-FOAs rilevanti għall-bijoetanol, il-benefiċjarji jridu jużaw bijomassa ċellulożika u jipproduċu bijofjuwil; il-bijomassa u l-bijofjuwil(s) partikolari eliġibbli huma delineati f’kull FOA.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(137)

L-iskema hija amministrata permezz ta’ sensiela ta’ sejħiet kompetittivi kull sena jew FOAs li jqassmu fondi approprjati. Is-sejħiet kompetittivi huma miftuħin għal applikanti eliġibbli mill-industrija, l-akkademja u l-laboratorji nazzjonali. L-applikanti eliġibbli jissottomettu proposti li jiġu evalwati mal-kriterji stabbiliti fl-FOA. Ladarba tkun ingħatat għotja, l-awtoritajiet rilevanti tad-Dipartiment tal-Enerġija jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-benefiċjarju kontra l-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda u l-ispiża tul il-perjodu kollu tal-għotja. Il-ħlas għall-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarju fit-twettiq tal-proġett isiru fuq bażi ta’ rimborż.

(138)

L-ebda ftehim ta’ għajnuna finanzjarja taħt dan il-programm ma jappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ proċess tal-bijoetanol mill-qamħirrun. L-għajnuna hija ffukata biss fuq bijokarburanti ċellulożiċi avvanzati.

(139)

Il-benefiċjarji jridu jużaw bijomassa ċellulożika u jipproduċu bijokarburant; il-bijomassa u l-bijofjuwil(s) partikolari eliġibbli huma delineati f’kull FOA.

(140)

Matul l-IP kien hemm ħames proġetti fuq skala kbira tal-bijoetanol iffinanzjati taħt din l-iskema. Waħda mill-kumpaniji fil-kampjun irċeviet benefiċċji minn din l-iskema matul l-IP.

(d)   Konklużjoni

(141)

Din l-iskema hija kkunsidrata bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku billi l-iskema tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-forma ta’ għotjiet. Is-sussidju jagħti benefiċċju lill-kumpaniji li jirċevuh.

(142)

Madankollu, l-investigazzjoni stabbilixxiet li matul l-IP ma kien hemm l-ebda bijoetanol ċellulożiku kummerċjali mibjugħ fis-suq. Minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ preżenti, jiġifieri l-fatt li l-iskema tiffoka pereżempju fuq bijofjuwils ċellulożiċi, u n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ bijoetanol ċellulożiku kummerċjali, huwa meqjus li matul l-IP, din l-iskema ma tat l-ebda benefiċċju lill-produtturi kummerċjali tal-bijoetanol fl-Istati Uniti u għalhekk ma kellha l-ebda impatt fuq l-esportazzjonijiet tal-bijoetanol lejn l-UE matul l-IP.

(143)

Huwa nnotat ukoll li meta mqabbel mal-fatturat tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji fil-kampjun, l-ammont ta’ sussidji pprovduti taħt din l-iskema kien wieħed insinifikanti.

3.2.10.   Konklużjoni dwar l-Iskemi Federali

Krediti ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-fjuwils – Krediti fuq it-Taxxa tas-Sisa/Taxxa fuq id-Dħul

(144)

Ġie stabbilit li matul l-IP, il-Gvern tal-Istati Uniti pprovda kreditu ta’ 0,45 USD għal kull gallun ta’ etanol użat fil-produzzjoni tat-taħlita ta’ fjuwil u alkoħol. Dan ifisser li dawk li kienu jħalltu l-bijoetanol ibbenefikaw minn rata mnaqqsa ta’ taxxa fil-mument tal-bejgħ jew irċevew ħlas dirett, li kkumpensa għall-obbligazzjoni normali tagħhom għal parti mid-dazju tas-sisa fuq il-gażolina. Il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-fjuwils intuża biss b’mod limitat biex jikkumpensa għall-obbligu tat-taxxa fuq id-dħul. Dan huwa kontribut finanzjarju, fil-forma ta’ dħul tal-Gvern li ma jkunx inġabar, li jagħti benefiċċju lir-riċevituri fil-forma ta’ tnaqqis fl-obbligazzjoni fiskali. L-iskema hija limitata għal kumpaniji involuti fl-industrija tal-bijoetanol, jiġifieri t-taħlit tal-bijoetanol, u għalhekk hija ta’ natura kumpensatorja.

(145)

L-investigazzjoni stabbilixxiet, madankollu, li l-iskema prinċipali ta’ sussidju, il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-bijoetanol, skadiet fl-aħħar tal-2011 u ma reġgħetx ġiet introdotta.

(146)

Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, parti waħda stqarret li bosta formoli tat-taxxa jippermettu li r-riċevituri jitolbu dan is-sussidju wara l-31 ta’ Diċembru 2011.

(147)

Bi tweġiba għal din l-istqarrija, huwa nnutat li l-investigazzjoni turi li l-kreditu ta’ taxxa tat-taħlita tal-bijoetanol kienet mitluba b'mod predominanti bħala kreditu ta’ taxxa tas-sisa minn min iħallat fil-ħin tat-taħlita tal-bijoetanol mal-gażolina sabiex inaqqas l-obbligu tat-taxxa tas-sisa tar-rikorrent. Il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-bijoetanol intuża biss b’mod limitat biex jikkumpensa għall-obbligu tat-taxxa fuq id-dħul tar-rikorrent. Bla dubju hemm ċerta firxa ta’ żmien bejn iż-żmien tat-taħlit u ż-żmien meta l-kreditu jitħallas lir-rikorrent. L-ammont ta’ krediti tat-taxxa tat-taħlita provduti matul l-IP huma relatati wkoll mat-taħlit li jseħħ qabel l-IP. Konsegwentament, sakemm l-iskema ma tiddaħħalx retroattivament, fil-ħin tad-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti miżuri fl-2012, kwalunkwe talba għall-kreditu ta' taxxa għat-taħlita tkun insinifikanti. Għaldaqstant ma hemmx elementi li jgħidu li s-sussidju kompla.

(148)

L-istess parti argumentat li huwa ċar mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), ir-raba’ subparagrafu, li sussidju ma għandux jitqies bħala “irtirat” sakemm il-parti li qed tiddefendi ma tkunx ġabet evidenza konvinċenti li ma jistgħu jsiru ebda ħlasijiet, skont kwalunkwe skema ta’ sussidju li jibbenefikaw minnha l-produtturi/esportaturi kkonċernati. Għandu jiġu nnutat, madankollu, li l-kreditu tat-taxxa għat-taħlita tal-bijoetanol kien l-uniku skema ta’ sussidju li pprovda sussidji potenzjalment kompensatorji matul l-IP u din l-iskema skadiet. L-iskemi l-oħra investigati li pprovdew benefiċċji direttament lill-industrija tal-bijoetanol kienu inisinifikanti. Dan l-argument huwa għalhekk miċħud.

(149)

Il-parti lmentat ukoll li l-kreditu tat-taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ta’ bijoetanol ċellulożiku, li huwa deskritt fil-premessi minn (79) sa (85), huwa skema mfassla biex tissostitwixxi l-iskema tal-kreditu tat-taxxa bħala mezz ta’ sussidjar tal-prodott ikkonċernat. Bi tweġiba għal din l-istqarrija, huwa nnutat li għalkemm l-ewwel ġenerazzjoni tal-bijoetanol kważi spiċċat, l-iskemi għall-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni żdiedu. Madankollu, il-produzzjoni tal-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni mhijiex sinifikanti u għaldaqstant is-sussidji mogħtija f’dan l-istadju huma limitati ħafna. Għandu jiġi ċċarat li l-kreditu tat-taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ta’ bijoetanol ċellulożiku mhuwiex skema ta’ sostituzzjoni għall-iskema ta’ kreditu ta’ taxxa għat-taħlita għas-sempliċi raġuni li dan diġà jeżisti. Barra minn hekk, il-kreditu tat-taxxa fuq id-dħul għall-produtturi ta’ bijoetanol ċellulożiku huwa, kif jissuġġerixxi l-isem tal-iskema, inċentiv għal produtturi ta' bijoetanol ċellulożiku. Il-kreditu tat-taxxa għat-taħlita jipprovdu inċentiv lil min iħallat. L-investigazzjoni wriet li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-persuna li titlob il-kreditu tat-taxxa għat-taħlita kienet dik li tħallat/operatur tas-suq b’obbligazzjoni tat-taxxa tas-sisa bħal kumpanija petrokimika. Fi kliem ieħor, ma kinux il-produtturi tal-bijoetanol li lmentaw dwar il-maġġoranza tal-kreditu tat-taxxa għat-taħlita matul l-IP. Għaldaqstant ma jistax jiġi argumentat li l-kreditu tat-taxxa fuq id-dħul għall-produtturi tal-bijoetanol ċellulożiku jissostitwixxu l-kreditu tat-taxxa għat-taħlit. Konsegwentement, din it-talba hija rifjutata.

(150)

Finalment, il-parti lmentat li l-benefiċċji jistgħu xorta jingħataw wara li tintemm l-iskema tal-kreditu tat-taxxa għat-taħlita minħabba l-użu kontinwu ta' assi fissi mħallsa mis-sussidju. Kien argumentat li f’każ ta’ sussidji rikorrenti marbuta max-xiri ta' assi fissi, il-benefiċċji dovuti mis-snin ta’ qabel fil-perjodu ta’ deprezzament għanhom jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat il-benefiċċju. L-ewwel nett, huwa nnutat li s-sussidju mhuwiex marbut max-xiri ta’ assi fissi. Il-kreditu tat-taxxa għat-taħlita huwa sussidju rikorrenti fis-sens li huwa perjodiku u l-benefiċċji huma meqjusa li huma dovuti fis-sena li jingħataw. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, matul l-IP, ir-rikorrenti kienu sa ċertu punt biss produtturi tal-bijoetanol. Għalhekk, it-talba hija rrifjutata.

Skemi Federali Oħrajn

(151)

Statistika pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti wriet li l-użu globali tal-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul tal-produtturi ż-żgħar kien żgħir ħafna b’kuntrast mat-talbiet magħmula għall-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita. Paragun tal-ammont totali ddikjarat taħt din l-inċentiva fir-rigward tal-produzzjoni totali ta’ bijoetanol wera sussidju globali insinifikanti matul l-IP.

(152)

Ma kien hemm ebda talbiet għall-kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul mill-produtturi tal-bijoetanol ċellulożiku matul l-IP li jikkoinċidi man-nuqqas ta’ produzzjoni kummerċjali tal-bijoetanol ċellulożiku sal-aħħar tal-IP.

(153)

L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-Programm ta’ Bijoenerġija tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti (US Department of Agriculture's Bioenergy Program) skada fl-2006 u ma reġgħax ġie introdott. Fir-rigward tal-USDA Bioenergy for Advanced Biofuels, il-USDA Biorefinery Assistance Program, il-USDA Biomass Crop Assistance Program, il-USDA Rural Energy for America Program u l-Biorefinery Project Grants tad-Dipartiment tal-Enerġija, l-investigazzjoni wriet li safejn dawn is-sitt skemi pprovdew benefiċċji għall-produzzjoni tal-bijoetanol matul l-IP, l-ammont ta’ sussidji kien insinifikanti.

3.3.   SKEMI STATALI

3.3.1.   Introduzzjoni

(154)

L-investigazzjoni wriet li tliet skemi Statali, jiġifieri l-E85 Infrastructure Grants immexxija mill-Istat ta’ Illinois, il-Biofuels Infrastructure grants immexxija mill-Istat ta’ Iowa u l-E85 Fuelling Infrastructure Grants immexxija mill-Istat ta’ Minnesota mhumiex applikabbli għall-produtturi tal-bijoetanol. Dawn l-iskemi jipprovdu appoġġ lill-istabbilimenti li jbiegħu l-fjuwil għall-installazzjoni ta’ pompi tal-fjuwil li kapaċi jwasslu fjuwil b’kontenut għoli ta’ etanol u huma limitati għall-bejjiegħa tal-bijoetanol. Konsegwentement, il-produtturi tal-bijoetanol ma jirċievu l-ebda benefiċċji minn dawn l-iskemi. F’dan ir-rigward, ġie nnutat li l-ebda waħda mill-kumpaniji fil-kampjun ma rċeviet benefiċċji diretti jew indiretti minn dawn l-iskemi.

(155)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ċċaraw li l-Istat ta’ Minnesota ma għandux skema ta’ Kreditu ta’ Taxxa għal Investimenti ta’ Etanol Ċellulożiku kif ġie ddikjarat mill-ilmentatur. Ġie ċċarat li kmieni fl-2010 l-Istat ta’ Minnesota adotta liġi msejħa l-‘Kreditu ta’ Taxxa fuq l-Investiment għan-Negozji ż-Żgħar’ magħruf bħala l-‘Kreditu ta’ Taxxa fuq Investitur Privat’. Kuntrarjament għal dak li ġie allegat fl-ilment, il-Kreditu ta’ Taxxa fuq Investitur Privat ma jipprovdi l-ebda krediti ta’ taxxa għan-negozji, iżda għall-investituri li jinvestu f’negozji żgħar.

3.3.2.   Għotjiet ta’ Illinois għall-Faċilitajiet tal-Produzzjoni tal-Bijofjuwils (Illinois Biofuels Production Facility Grants)

(156)

Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, din l-iskema ma kinitx topera matul l-IP, ma rċevietx finanzjament minn Lulju 2007 u ilha inoperattiva mill-2008 meta l-fondi ġew eżawriti. Waqt li kienet topera, l-iskema awtorizzat għotjiet għall-bini ta’ faċilitajiet ġodda għall-produzzjoni ta’ fjuwil rinnovabbli jew għall-espansjoni ta’ faċilitajiet eżistenti.

(157)

Fl-2008 ingħataw żewġ għotjiet meta l-iskema kienet għadha topera, u żewġ kumpaniji barra mill-kampjun li kienu jinstabu f’Illinois irċevew għotja kull wieħed. Madankollu, din l-iskema ma għadhiex topera u l-ebda waħda mill-kumpaniji fil-kampjun ma ggwadanjat minn benefiċċji taħt din l-iskema matul l-IP.

3.3.3.   Programm ta’ Iowa ta’ Self li jista’ jerġa’ jintuża għall-Enerġija Alternattiva (Iowa Alternate Energy Resolving Loan Programme)

(158)

Il-Programm ta’ Iowa ta’ Self li jista’ jerġa’ jintuża għall-Enerġija Alternattiva (AERLP) huwa awtorizzat mill-Artikolu 476.46 tal-Kodiċi tal-Iowa 1997 kif emendat. Dan il-kodiċi jgħid li ċ-Ċentru tal-Enerġija tal-Iowa għandu jistabbilixxi u jamministra programm ta’ self risolventi għall-enerġija alternattiva u joħloq fond għal self li jiġġedded għall-enerġija alternattiva fl-uffiċċju tat-Teżorier tal-Istat li għandu jiġi amministrat miċ-Ċentru tal-Enerġija.

(159)

Flus fil-fond tal-AERLP jistgħu jintużaw biex jipprovdu self għall-bini ta’ faċilitajiet għall-produzzjoni ta’ enerġija alternattiva jew għal faċilitajiet idro żgħar kif definit fl-Artikolu 476.46 tal-Kodiċi tal-Iowa 1997, kif emendat.

(160)

Skont l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, l-ebda faċilità li tipproduċi l-bijoetanol ma rċeviet self skont l-AERLP għas-snin 2008, 2009, 2010 u l-PI. L-ebda kumpanija ma rċeviet benefiċċji skont din l-iskema. Konsegwentement, ġie deċiż li din l-iskema ma tkomplix tiġi investigata fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

3.3.4.   Kreditu ta’ Taxxa ta’ Nebraska għall-Produzzjoni tal-Etanol (Ethanol Production Tax Credit)

(161)

Ir-rata tat-taxxa attwali fuq il-karburant fl-Istat tan-Nebraska hija ta’ 0,267 USD għal kull gallun għall-gażolina, l-gasoħol, id-diżil, il-bijoetanol u l-gassijiet kompressati kollha mibjugħa fl-Istat. L-iskema Ethanol Production Incentive fis-seħħ matul il-PI tipprovdi kreditu ta’ taxxa ta’ 0,18 USD għal kull gallun lill-faċilitajiet kwalifikati li jipproduċu l-etanol li kienu joperaw fi jew qabel it-30 ta' Ġunju 2004.

(162)

Id-data ta’ skadenza biex wieħed japplika biex jipparteċipa f’din l-iskema kienet is-16 ta' April 2004. Faċilità kwalifikata ta’ produzzjoni kellha tkun tinstab fl-Istat ta’ Nebraska u kellha tkun jew (i) mhux fi produzzjoni fi jew qabel l-1 ta’ Settembru 2001 jew (ii) ma tkun irċeviet l-ebda krediti qabel l-1 ta' Ġunju 1999. Il-fermentazzjoni, id-distillazzjoni u d-deidratazzjoni kollha kellhom iseħħu fil-faċilità kwalifikata.

(163)

Din l-iskema ma kienet ta’ benefiċċju għall-ebda waħda mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Fi kwalunkwe każ, jidher li meta mqabbel mal-produzzjoni totali tal-bijoetanol fl-Istati Uniti tal-Amerika l-ammont tas-sussidju kien negliġibbli.

3.3.5.   Inċentiv ta’ South Dakota għall-Produzzjoni tal-Etanol (South Dakota Ethanol Production Incentive)

(164)

L-Istat ta’ South Dakota jamministra programm ta’ ħlas għall-produtturi tal-bijoetanol li jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-impjanti eliġibbli tal-bijoetanol ta’ 0,20 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol prodott sa possibilità ta’ miljun USD fis-sena għal kull faċilità.

(165)

L-alkoħol etiliku għandu jkun kompletament distillat u prodott fis-South Dakota, għandu jkun 99 % pur, għandu jkun distillat minn qmuħ taċ-ċereali u għandu jkun denaturat. Il-ħlas għall-produzzjoni tal-etanol huwa disponibbli biss għall-alkoħol etiliku kkwalifikat prodott minn impjanti li bdew il-produzzjoni fil-31 ta' Diċembru 2006 jew qabel.

(166)

Kull faċilità eliġibbli tista’ tirċievi sa massimu ta’ 83 333 USD kull xahar ta’ ħlasijiet bħala inċentiv għall-produzzjoni. Jekk ma jkunx hemm fondi biżżejjed biex jitħallas il-ħlas ta’ 83 333 USD fix-xahar lil kull faċilità li tipproduċi l-bijoetanol, kull faċilità tirċievi sehem pro rata tal-fondi disponibbli abbażi tal-galluni ta’ alkoħol etiliku prodotti dak ix-xahar b’mod proporzjonat għall-galluni kollha ta’ alkoħol etiliku kwalifikat prodotti fil-faċilitajiet kwalifikati kollha. Kull faċilità eliġibbli tista’ tirċievi massimu ta’ miljun USD fis-sena u massimu ta’ 9 682 000 USD għas-snin kollha ta’ parteċipazzjoni fl-iskema fi ħlasijiet għall-produzzjoni. Bħala tali s-sussidji huma rikorrenti u għandhom jitniżżlu f’kull sena partikolari.

(167)

L-investigazzjoni wriet li tnejn mill-kumpaniji fil-kampjun irċevew benefiċċji skont din l-iskema matul l-IP. Għaż-żewġ kumpaniji, l-ammont tas-sussidju ġie kkalkulat abbażi tal-ammont ta’ ħlasijiet riċevuti matul l-IP. L-ammont ta’ sussiju kien imbagħad allokat fuq il-bejgħ totali tal-bijoetanol li sar mill-kumpaniji kkonċernati matul l-IP bħala d-denominatur xieraq.

(168)

Dan il-kalkolu wera li l-ammont tas-sussidju għaż-żewġ kumpaniji kien insinifikanti.

3.3.6.   Konklużjoni dwar l-Iskemi Statali

(169)

L-investigazzjoni wriet li tnejn mill-iskemi Statali tal-Istati Uniti identifikati mill-ilmentatur, jiġifieri n-Nebraska Ethanol Production Tax Credit u s-South Dakota Ethanol Production Incentive, pprovdew sussidji għall-produzzjoni tal-bijoetanol li huma kontribuzzjonijiet finanzjarji li jagħtu benefiċċju lill-produtturi f’dawk l-Istati. Għalkemm l-iskemi jidhru li huma speċifiċi fl-Istati kkonċernat, l-ammont ta’ sussidji huwa insinifikanti meta mqabbel mal-produzzjoni totali tal-bijoetanol fl-Istati Uniti tal-Amerika. Rigward is-sussidji riċevuti mill-kumpaniji fil-kampjun, ġie konkluż ukoll li l-ammont ta’ sussidjar kien insinifikanti.

3.4.   AMMONT TA’ SUSSIDJI KUMPENSATORJI MATUL L-IP

(170)

L-investigazzjoni wriet li l-iskemi kollha investigati ħlief dik imsemmija fil-premessa (171) hawn taħt, kienu negliġibbli u mhux kumpensatorji matul l-IP.

(171)

Kid imsemmi fil-premessi (53) sa (71) hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li l-Gvern tal-Istati Uniti jipprovdi kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita ta’ 0,45 USD għal kull gallun ta’ bijoetanol użat fil-produzzjoni ta’ taħlita ta’ fjuwil u alkoħol li jibbenefikaw minnu dawk li jħalltu l-etanol.

(172)

Hekk is-sussidju ngħata fuq bażi ta’ kull unità, jiġifieri b’referenza għall-kwantitajiet ta’ bijoetanol użati. Il-benefiċċju huwa wkoll marbut mal-prodott importat fl-Unjoni.

(173)

L-ammont ta’ sussidji kumpensatorji b’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku huwa ta’ 0,45 USD għal kull gallun.

(174)

Ġie nnotat li l-ammont ta’ sussidjar jiddependi fuq il-proporzjon, il-piż, ta’ bijoetanol fit-taħlita.

(175)

Ġie meqjus li l-ammont tas-sussidju huwa ta’ 0,45 USD għal kull gallun fuq bażi tal-pajjiż kollu peress li l-bijoetanol kollu prodott fl-Istati Uniti, inkluż l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, fl-aħħar mill-aħħar ibbenefika mill-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-bijoetanol. Għalhekk ma hemmx il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, partikolarment peress li huwa rari li s-sussidju jingħata lill-produtturi tal-bijoetanol imma b’mod predominanti lill-operaturi tas-suq/operaturi li qed iħalltu l-bijoetanol.

(176)

Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, bosta partijiet argumentaw li fi kwalunkwe każ, il-produtturi fil-kampjun għandhom jiġu assenjati marġini individwali ta’ sussidju, u fil-każ li ma jkunux irċevew il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-bijoetanol għandhom jiġu assenjati marġini ta’ sussidju ta’ żero.

(177)

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku, kwalunkwe regolament li jimponi d-dazju għandu jew jispeċifika d-dazju għall-fornituri individwali jew għall-pajjiż fornitur ikkonċernat. F’dan il-każ, instab li l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod ta’ kif is-sussidji ngħataw, b’mod partikolari l-Kreditu ta’ Taxxa fuq it-Taħlita tal-Bijoetanol, kull marġini ta’ sussidju individwali mhuwiex se jkun rappreżentattiv u mhux se jirrifletti s-sitwazzjoni attwali fis-suq tal-bijoetanol, b’mod partikolari għall-esportazzjoni.

(178)

Huwa ċar mill-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kontrobilanċ u l-Artikolu VI:3 tal-GATT li l-għan ta’ kull miżura huwa li tikkumpensa l-effett tal-importazzjonijiet sussidjati.

(179)

F'dan il-każ l-evidenza misjuba fl-investigazzjoni wriet li l-esportazzjonijiet kollha tal-Istati Uniti tal-bijoetanol kienu sussidjati b'ammont massimu ta' 0,45 USD kull gallun matul l-IP. Huwa nnutat li f'punt minnhom waqt l-investigazzjoni sar ċar li kwalunkwe kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba, partikolarment in-natura tas-sussidju f'dan il-każ. Barra minn hekk, il-produtturi inklużi fil-kampjun ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(180)

Tabilħaqq, kienet l-attività ta' taħlir li saktta l-kreditu irrispettivament minn jekk il-persuna li tħallat hijiex produttur jew esportatur. Fil-każ preżenti kien stabbilit li kienu b'mod predominanti l-esportaturi li talbu l-Kreditu ta’ Taxxa fuq it-Taħlita tal-Bijoetanol.

(181)

Ġie argumentat ukoll li, minflok ma jiġu assenjati marġini individwali ta’ sussidji lill-kumpaniji fil-kampjun, il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi tal-azzjoni dwar kif il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-bijoetanol jista’ awtomatikament jiġi attribwit u jkun ta’ benefiċċju għall-produtturi. It-talba għal analiżi tal-azzjoni tidher infondata. Is-sussidju jitħallas darba biss u l-prodott ma jinbidilx. Huwa l-prodott esportat lejn l-UE, il-bijoetanol, li huwa sussidjat. Għalhekk, ma hemm l-ebda ħtieġa għal analiżi bħal din.

3.5.   ŻVILUPPI WARA L-IP

(182)

Il-partijiet enfasizzaw il-fatt li l-iskema prinċipali ta’ sussidju, il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-fjuwils, li tat sussidji kumpensatorji lir-riċevituri fl-Istati Uniti fl-IP, skadiet fl-aħħar tal-2011 u ma reġgħetx ġiet introdotta. Huma nnotaw li l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-ebda miżuri ma għandhom jiġu imposti jekk is-sussidju jew is-sussidji jiġu rtirati jew meta s-sussidji ma jkunux għadhom jagħtu xi benefiċċju lill-esportaturi kkonċernati.

(183)

Fid-dawl tal-waqfien attwali tal-iskema prinċipali ta’ sussidju identifikata fl-IP u l-fatt li ma hemm l-ebda sinjali li se terġa’ tiġi introdotta, dawn il-partijiet qiesu li l-impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji definittivi mhumiex sejrin ikunu meħtieġa. Huma argumentaw ukoll li kwalunkwe impożizzjoni ta’ miżuri definittivi xorta tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jingħelbu l-effetti tas-sussidjar fiż-żmien li dawn il-miżuri jiġu imposti.

(184)

L-investigazzjoni wriet li l-kreditu tat-taxxa fuq it-taħlita li ngħata matul l-IP kien irtirat fl-aħħar tal-2011. Minħabba li dan l-avveniment seħħ wara l-IP, għal diversi drabi l-Kummissjoni għalhekk ikkuntattjat lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex tirċievi aktar informazzjoni dwar it-terminazzjoni definittiva tal-iskema prinċipali ta’ sussidju.

(185)

L-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni fl-uffiċċji tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u l-kjarifiki oħra li pprovdew urew li ċerti ammonti tħallsu lill-benefiċjarji tal-Istati Uniti eżatt wara l-IP, jiġifieri fis-sena fiskali tal-Istati Uniti tal-2012, li bdiet mill-1 ta' Ottubru 2011 sat-30 ta' Settembru 2012. Filwaqt li dawn l-ammonti xorta jwasslu għat-tkomplija tas-sussidju aktar mil-limitu de minimis fl-ewwel trimestri tas-sena fiskali 2012, l-ammonti li tħallsu wara dak il-perjodu, u b’mod partikolari fl-aħħar tal-2012, se jkunu negliġibbli fid-dawl tal-waqfien tal-iskema prinċipali ta’ sussidju f’Diċembru 2011. Sa issa, ma hemm l-ebda sinjali li l-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita tal-fjuwils se jerġa’ jiġi introdott u kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta’ dik l-iskema normalment tkun tirrikjedi att tal-Kungress tal-Istati Uniti.

4.   REĠISTRAZZJONI TA’ IMPORTAZZJONIJIET MILL-PAJJIŻ IKKONĊERNAT

(186)

Għal diversi drabi l-ilmentatur talab ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti bil-għan ta’ ġbir retroattiv tad-dazji. It-talba kien fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku.

(187)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki jekk kienet ikkonkludiet b’mod proviżorju li l-iskema prinċipali ta’ sussidju fis-seħħ matul l-IP kienet waqfet, fis-sens li ma kinitx għadha tagħti benefiċċju fil-ħin li l-miżuri proviżorji kienu jkunu imposti, kien hemm evidenza li l-Istati Uniti jistgħu jerġgħu jdaħħlu din l-iskema ta’ sussidju. Għalhekk, sabiex jiġu ppreżervati d-drittijiet tal-Unjoni Ewropea taħt dawn iċ-ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni ddeċidiet li importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku sabiex, eventwalment, jistgħu jiġu imposti miżuri retroattivi kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 771/2012 ġie ppubblikat fl-24 ta’ Awissu 2012 għal dan il-għan (9).

5.   TMIEM TAL-PROĊEDURA KONTRA S-SUSSIDJI U TAR-REĠISTRAZZJONI

(188)

L-investigazzjoni stabbilixxiet li minbarra l-iskema ewlenija ta’ sussidju, il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita deskritt fil-premessi minn (53) sa (71) hawn fuq, l-ammont ta’ sussidju riċevut għall-iskemi kollha ta’ sussidju kien insinifikanti u mhux kumpensatorju matul l-IP.

(189)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessi minn (182) sa (185), l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-iskema prinċipali ta’ sussidji, il-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita, skadiet fl-aħħar tal-2011 u ma reġgħetx ġiet introdotta. L-informazzjoni disponibbli turi biċ-ċar il-waqfien tal-iskema prinċipali ta’ sussidji. Sa issa, ma hemm l-ebda sinjali li l-kreditu ta’ taxxa fuq it-taħlita se jerġa’ jiġi introdott u kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta’ dik l-iskema normalment tkun tirrikjedi att tal-Kungress tal-Istati Uniti.

(190)

L-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku jipprovdi li ma għandha tiġi imposta l-ebda miżura jekk is-sussidju jew is-sussidji jiġu rtirati jew jekk ikun intwera li s-sussidji ma għadhomx jagħtu xi benefiċċju lill-esportaturi kkonċernati.

(191)

Huwa nnutat ukoll li skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, għandu jkun hemm tmiem immedjat tal-proċediment fejn huwa determinat li l-ammont ta’ sussidji kumpensatorji huwa de minimis, jiġifieri inqas minn 2 % ad valorem.

(192)

Fid-dawl tal-irtirar tal-iskema ewlenija ta’ sussidju stabbilita fl-IP u l-fatt li l-ammont ta’ sussidju riċevut għall-iskemi l-oħra kollha ta' sussidju investigati kien inqas mil-livell limitu ta’ de minimis matul l-IP fit-tifsira tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi mhijiex mogħtija.

(193)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie kkunsidrat li l-investigazzjoni attwali kontra s-sussidji għandha tintemm.

(194)

B’mod konformi mal-waqfien ta’ din l-investigazzjoni, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet għandha għalhekk tintemm.

(195)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li tintemm il-proċedura. Huma ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu sottomissjonijiet wara dan l-iżvelar.

(196)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċedura kontra s-sussidji li tikkonċerna importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika fl-Unjoni għandha tintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidji u li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet għandha wkoll tintemm,

6.   IL-KUMITAT KONSULTATTIV

(197)

Tqajmu oġġezzjonijiet għat-tmiem tal-proċediment ta’ kontra s-sussidju fil-Kumitat Konsultattiv. Konsegwentament, b’konformita mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) 597/2009, il-proċediment għandu jitqies bħala mitmum, jekk fi żmien xahar, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, ma jkunx iddeċieda mod ieħor. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment kontra s-sussidju fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol, xi drabi msemmi bħala “fjuwil etanol”, jiġifieri l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), denaturat jew mhux denaturat, għajr prodotti b'kontenut ta' ilma ta' aktar minn 0,3 % (m/m) imkejla skont l-istandard EN 15376, kif ukoll l-alkoħol etiliku prodott minn prodotti agrikoli (kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) li jinsabu f’taħlitiet mal-gażolina b’kontenut ta’ alkoħol etiliku ta’ aktar minn 10 % (v/v) li joriġinaw fl-Istati Uniti, u li attwalment jaqgħu fil-kodiċi NM ex 2207 10 00 , ex 2207 20 00 , ex 2208 90 99 , ex 2710 12 11 , ex 2710 12 15 , ex 2710 12 21 , ex 2710 12 25 , ex 2710 12 31 , ex 2710 12 41 , ex 2710 12 45 , ex 2710 12 49 , ex 2710 12 51 , ex 2710 12 59 , ex 2710 12 70 , ex 2710 12 90 , ex 3814 00 10 , ex 3814 00 90 , ex 3820 00 00 u ex 3824 90 97 .

Artikolu 2

B’dan, l-awtoritajiet doganali huma ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 771/2012. L-ebda dazju kumpensatorju ma għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet hekk irreġistrati.

Artikolu 3

Ir-Regolament (UE) Nru 771/2012 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)   ĠU C 345, 25.11.2011, p. 13.

(3)   ĠU C 345, 25.11.2011, p. 7.

(4)   ĠU L 229, 24.08.2012, p. 20.

(5)  Ara l-Kodiċi tad-Dħul Intern tal-Istati Uniti (US Internal Revenue Code (IRC)) - Taqsima 40(b)(4) punt E.

(6)  Ara www.ethanol.org – RFS (Standard għal-fjuwils rinovvabbli -Renewable fuels standard) skont l-Att dwar l-Indipendenza tal-Enerġija u s-Sigurtà (Energy Independence and Security Act) tal-2007.

(7)  L-investigazzjoni wriet li sabiex jinkiseb il-kreditu għat-taħlita tal-alkoħol, kif iddefinit fit-Taqsima 40(b)(3) tal-IRC fl-Istati Uniti, huwa biżżejjed li jitħallat bijoetanol pur ma minimu ta’ 0,1 % ta’ gażolina.

(8)  Pereżempju (a) L-informazzjoni ppubblikata mill-American Coalition for Ethanol (ACE) fuq l-internet (b) l-Energy Policy Act (EPA) tal-2005, b’mod partikolari P.L. 110-58 (c) l-Energy Independence and Security Act tal-2007 (P.L. 110-140, H.R.6) li emenda u żied ir-Renewable Fuels Standard (RFS) b’rekwiżit ta’ 9 biljun gallun ta’ użu ta’ fjuwils rinnovabbli fl-2008 u 13,9 biljun gallun fl-2011, (d) skeda informattiva maħruġa mill-US Department of Energy skont il-Clean cities actions, eċċ.

(9)   ĠU L 229, 24.08.2012, p. 20.


Top