Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0724

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/724/PESK tas- 26 ta' Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

    ĠU L 327, 27.11.2012, p. 45–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/724/oj

    27.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 327/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/724/PESK

    tas-26 ta' Novembru 2012

    li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta' Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK (1).

    (2)

    Biex jiffaċilita r-ritorn ta' fondi misapproprjati lill-Istat Tuneżin, id-derogi fid-Deċiżjoni 2011/72/PESK għandhom jiġu emendati biex ikun permess ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fejn dawn ikunu meħtieġa biex jissodisfaw deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva meħuda fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fi Stat Membru, qabel jew wara d-data tan-nomina tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi kkonċernati.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2011/72/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2011/72/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu ssodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data meta l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1 ġie elenkat fl-Anness jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva meħuda fl-Unjoni, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet ggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stipulati fil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni mhix għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija bis-saħħa ta' dan il-paragrafu.".

    (2)

    L-Artikolu 1(5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

    (b)

    ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal din id-Deċiżjoni; jew

    (c)

    ħlasijiet dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat,

    dment li tali imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. DEMOSTHENOUS


    (1)  ĠU L 28, 2.2.2011, p. 62.


    Top