EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0633

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/633/PESK tal- 15 ta’ Ottubru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

ĠU L 282, 16.10.2012, p. 47–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/633/oj

16.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/633/PESK

tal-15 ta’ Ottubru 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK (1).

(2)

Fil-25 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2060 (2012), u b’hekk emenda l-embargo tal-armi imposta mill-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 733 (1992) u elabora aktar fuq il-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1425 (2002).

(3)

Fil-11 ta’ Lulju 2012, il-25 ta’ Lulju 2012 u t-23 ta’ Awwissu 2012, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 751 (1992) dwar is-Somalja, aġġorna l-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi.

(4)

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK għandha għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 2010/231/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(3) jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u tagħmir militari, il-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu tal-Kariga Politika tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”;

(2)

fit-taqsima 1 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2010/231/PESK, il-punt 11 huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

(3)

il-persuni elenkati fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni huma miżjuda mal-lista mniżżla fit-taqsima I tal-Anness għad-Deċiżjoni 2010/231/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.


ANNESS I

It-test li jirreferi għalih il-punt (2) tal-Artikolu 1

“11.

Jim’ale, Ali Ahmed Nur (magħruf ukoll bħala a) Jim’ale, Ahmed Ali, b) Jim’ale, Ahmad Nur Ali, c) Jim’ale, Sheikh Ahmed, d) Jim’ale, Ahmad Ali, e) Jim’ale, Shaykh Ahmed Nur)

Data tat-twelid: 1954. Post tat-twelid: Eilbur, is-Somalja. Nazzjonalità: Somalu. Nazzjonalità alternattiva: Ġibutjan. Passaport: A0181988 (Somalja), jiskadi fit-23 ta’ Jannar 2011. Post: Ġibuti, ir-Repubblika ta’ Ġibuti. Data ta’ inklużjoni NU: 17 ta’ Frar 2012.

Ali Ahmed Nur Jim’ale (Jim’ale) kellu pożizzjonijiet ta’ tmexxija fl-ex Kunsill Somalu tal-Qrati Iżlamiċi, magħruf ukoll bħala l-Unjoni Somala tal-Qrati Iżlamiċi, li kien element Iżlamista radikali. L-elementi l-aktar radikali tal-Unjoni Somala tal-Qrati Iżlamiċi eventwalment ifformaw il-grupp magħruf bħala Al-Shabaab. Al-Shabaab ġie elenkat għal sanzjonijiet immirati f’April 2010 mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009) dwar is-Somalja u l-Eritrea (il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet Somalja/Eritrea”). Il-Kumitat elenka lil Al-Shabaab għax kienet entità involuta f’atti li jheddu b’mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi iżda mhux limitati għal atti li joħolqu theddida għall-Gvern Federali Transizzjonali Somalu.

Skont ir-rapport tat-18 ta’ Lulju 2011 tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet Somalja/Eritrea (S/2011/433), Jim’ale huwa identifikat bħala negozjant u figura prominenti fiċ-ċiklu tal-kummerċ tal-faħam u z-zokkor ta’ Al-Shabaab u bħala li jibbenefika minn relazzjonijiet privileġġati ma’ Al-Shabaab.

Jim’ale huwa identifikat bħala wieħed mill-finanzjaturi ewlenin ta’ Al-Shabaab u huwa allinjat ideoloġikament ma’ Al-Shabaab. Jim’ale pprovda finanzjament u appoġġ politiku ewlenin għal Hassan Dahir Aweys (“Aweys”), li kien ukoll elenkat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Somalja/Eritrea. L-ex Viċi Emir Muktar Robow ta’ Al-Shabaab jingħad li kompla jipparteċipa f’pożizzjonijiet politikament vantaġġużi fl-organizzazzjoni ta’ Al-Shabaab matul nofs l-2011. Robow involva lil Aweys u lil Jim’ale fi sforz biex javvanzaw l-objettivi kondiviżi tagħhom u jikkonsolidaw il-pożizzjoni ġenerali tagħhom fil-kuntest tal-firda fit-tmexxija ta’ Al-Shabaab.

Mill-ħarifa tal-2007, Jim’ale stabbilixxa kumpannija fittizja f’Ġibuti għal attivitajiet estremisti, imsejħa l-Investors Group. L-għan għal perijodu qasir tal-grupp kien li jiddestabbilizza lil Somaliland permezz tal-finanzjament ta’ attivitajiet estremisti u x-xiri ta’ armi. Il-grupp assista fil-kuntrabandu ta’ armi żgħar mill-Eritrea, li ngħaddew minn Ġibuti biex twasslu fil-ħames reġjun tal-Etjopja fejn l-estremisti rċevew il-merkanzija. Minn nofs l-2008, Jim’ale kompla jopera l-Investors Group.

Minn tard f’Settembru 2010, Jim’ale stabbilixxa ZAAD, negozju ta’ trasferiment ta’ flus minn telefon ċellulari għal ieħor u laħaq ftehim ma’ Al-Shabaab biex it-trasferimenti ta’ flus isiru b’mod aktar anonimu billi titneħħa l-ħtieġa li tintwera identifikazzjoni.

Minn tard fl-2009, Jim’ale kellu fond ta’ hawala magħruf fejn huwa ġabar zakat, li ġie pprovdut lil Al-Shabaab.

Minn Diċembru 2011, donaturi mhux identifikati mil-Lvant Nofsani kienu qed jittrasferixxu flus lil Jim’ale, li min-naħa tiegħu uża intermedjarji finanzjarji biex jibgħat il-flus lil Al-Shabaab.

Fl-2009, Jim’ale ħadem ma’ individwi oħra bl-istess fehma biex ixekkel lill-Gvern Federali Transizzjonali Somalu billi ma jipparteċipax fl-isforzi Somali ta’ rikonċiljazzjoni. Minn tmiem l-2011, Jim’ale appoġġa b’mod attiv lil Al-Shabaab billi offra komunikazzjonijiet, użu ta’ vetturi, għajnuna f’ikel u konsulenza politika mingħajr ħlas u stabbilixxa ġbir ta’ fondi għal Al-Shabaab permezz ta’ diversi gruppi kummerċjali.”.


ANNESS II

Persuni li jirreferi għalihom il-punt (3) tal-Artikolu 1

1.

Aboud Rogo Mohammed (magħruf ukoll bħala a) Aboud Mohammad Rogo, b) Aboud Seif Rogo, c) Aboud Mohammed Rogo, d) Sheikh Aboud Rogo, e) Aboud Rogo Muhammad, f) Aboud Rogo Mohamed)

Data tat-twelid: 11 ta’ Novembru 1960. Dati tat-twelid alternattivi: a) 11 ta’ Novembru 1967, b) 11 ta’ Novembru 1969, c) 1 ta’ Jannar 1969). Post tat-twelid: il-gżira ta’ Lamu, il-Kenja. Data ta’ inklużjoni NU: 25 ta’ Lulju 2012.

L-estremist ibbażat fil-Kenja Aboud Rogo Mohammed hedded il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja, billi pprovda appoġġ finanzjarju, materjali, loġistiku, jew tekniku lil Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea għall-parteċipazzjoni tagħha f’atti li jheddu b’mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja.

Aboud Rogo Mohammed huwa kleriku Iżlamiku estremist ibbażat fil-Kenja. Huwa għadu jeżerċita influwenza fuq gruppi estremisti fil-Lvant tal-Afrika bħala parti mill-kampanja għall-promozzjoni tal-vjolenza fil-Lvant tal-Afrika. L-attivitajiet ta’ Aboud Rogo jinkludu ġbir ta’ fondi għal Al-Shabaab.

Bħala l-mexxej ideoloġiku ewlieni ta’ Al Hijra, li qabel kien magħruf bħala ċ-Ċentru Musulman taż-Żgħażagħ, Aboud Rogo Mohammed uża l-grupp estremist bħala passaġġ għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta’ Afrikani li prinċipalment jitkellmu bis-Swahili biex iwettqu attività militanti fis-Somalja. F’serje ta’ lectures ta’ ispirazzjoni bejn Frar 2009 u Frar 2012, Aboud appella ripetutament għaċ-ċaħda vjolenti tal-proċess ta’ paċi Somalu. Matul dawn il-lectures, Rogo appella ripetutament għall-użu tal-vjolenza kemm kontra l-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-forzi tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) fis-Somalja, u ħeġġeġ lill-udjenzi tiegħu biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja biex jissieħbu ma’ Al-Shabaab fil-ġlieda tiegħu kontra l-Gvern Kenjan.

Aboud Rogo Mohammed joffri wkoll gwida dwar kif ir-rekluti Kenjani li jissieħbu ma’ Al-Shabaab jistgħu jevitaw li jiġu identifikati mill-awtoritajiet Kenjani, u liema rotot għandhom isegwu meta jivvjaġġaw minn Mombasa u/jew Lamu għal fortizzi ta’ Al-Shabaab fis-Somalja, l-aktar Kismayo. Huwa ffaċilita l-ivvjaġġar lejn is-Somalja ta’ għadd kbir ta’ rekruti Kenjani għal Al-Shabaab.

F’Settembru 2011, Rogo kien qed jirrekluta individwi f’Mombasa fil-Kenja biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja x’aktarx biex iwettqu operazzjonijiet terroristiċi. F’Settembru 2008, Rogo għamel laqgħa ta’ ġbir ta’ fondi f’Mombasa biex jgħin fil-finanzjament tal-attivitajiet ta’ Al-Shabaab fis-Somalja.

2.

Abubaker Shariff Ahmed (magħruf ukoll bħala a) Makaburi, b) Sheikh Abubakar Ahmed, c) Abubaker Shariff Ahmed, d) Abu Makaburi Shariff, e) Abubaker Shariff, f) Abubakar Ahmed

Data tat-twelid: 1962. Data tat-twelid alternattiva: 1967. Post tat-twelid: Kenja. Post: iż-żona ta’ Majengo, Mombasa, il-Kenja. Data ta’ inklużjoni NU: 23 ta’ Awwissu 2012.

Abubaker Shariff Ahmed għandu rwol ewlieni bħala faċilitatur u persuna li tirrekluta Musulmani Kenjani żgħażagħ għal attività militanti vjolenti fis-Somalja, u soċju qrib ta’ Aboud Rogo. Huwa jipprovdi appoġġ materjali lil gruppi estremisti fil-Kenja (u x’imkien ieħor fil-Lvant tal-Afrika). Permezz taż-żjarat frekwenti tiegħu lil fortizza ta’ Al-Shabaab fis-Somalja, inkluża Kismayo, huwa seta’ jżomm rabtiet b’saħħithom ma’ membri għoljin ta’ Al-Shabaab.

Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll involut fil-mobilizzazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzjament għal Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea tal-involviment tiegħu f’atti li jheddu b’mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja.

Abubaker Shariff Ahmed ippriedka fil-moskei f’Mombasa li l-ġuvinturi għandhom jivvjaġġaw lejn is-Somalja, iwettqu atti estremisti, jiġġieldu għal Al-Qaida, u joqtlu liċ-ċittadini Amerikani.

Abubaker Shariff Ahmed kien arrestat fi tmiem Diċembru 2010 mill-awtoritajiet Kenjani fuq suspett ta’ involviment fil-bumbardament ta’ venda ta’ Najrobi. Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll mexxej ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ ibbażata fil-Kenja f’Mombasa li għandha rabtiet ma’ Al-Shabaab.

Mill-2010, Abubaker Shariff Ahmed aġixxa ta’ persuna li tirrekluta u faċilitatur għal Al-Shabaab fiż-żona Majengo ta’ Mombasa, fil-Kenja.


Top