Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0505

    2012/505/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-Eġittu skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (notifikata bid-dokument numru C(2012) 6297)

    ĠU L 252, 19.9.2012, p. 57–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/505/oj

    19.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/57


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Settembru 2012

    dwar ir-rikonoxximent tal-Eġittu skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 6297)

    (2012/505/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,

    Wara li kkunsidrat it-talbiet ta’ Ċipru fit-13 ta’ Mejju 2005, tar-Renju Unit fil-25 ta’ Settembru 2006 u tar-Repubblika Ellenika fis-26 ta’ Ottubru 2006

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978 (il-Konvenzjoni STCW) (2), kif riveduta fl-1995.

    (2)

    It-talbiet għar-rikonoxximent tal-Eġittu ġew sottomessi b’ittri tat-13 ta’ Mejju 2005 minn Ċipru, tal-25 ta’ Settembru 2006 mir-Renju Unit u tas-26 ta’ Ottubru 2006 mir-Repubblika Ellenika. Wara dawn it-talbiet, il-Kummissjoni vvalutat is-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fl-Eġittu sabiex tivverifika jekk l-Eġittu jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta’ spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f’Diċembru 2006. Matul dik l-ispezzjoni, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fis-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni.

    (3)

    Il-Kummissjoni pprovdiet rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Istati Membri.

    (4)

    Permezz tal-ittri tas-16 ta’ Frar 2009, tal-21 ta’ Settembru 2010 u tal-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Eġittu jibagħtilha provi li juru li n-nuqqasijiet identifikati kienu tranġaw.

    (5)

    Permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Novembru 2009, tal-25 ta’ Novembru 2010 u tat-28 ta’ Frar 2012 l-Eġittu pprovda l-informazzjoni mitluba u l-provi dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kollha identifikati matul il-valutazzjoni tal-konformità.

    (6)

    Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-konformità u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Eġittu juru li l-Eġittu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, filwaqt li dan il-pajjiż ħa miżuri xierqa biex jevita l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, l-Eġittu huwa rikonoxxut f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Siim KALLAS

    Viċi President


    (1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

    (2)  Adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.


    Top