EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0484
2012/484/EU: Commission Implementing Decision of 21 August 2012 pursuant to Directive 95/46/EC of the European Parliament and of the Council on the adequate protection of personal data by the Eastern Republic of Uruguay with regard to automated processing of personal data (notified under document C(2012) 5704) Text with EEA relevance
2012/484/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Awwissu 2012 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali mir-Repubblika Orjentali tal-Urgugwaj fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta personali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5704) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2012/484/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Awwissu 2012 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali mir-Repubblika Orjentali tal-Urgugwaj fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta personali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5704) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 227, 23.8.2012, p. 11–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/12/2016
23.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 227/11 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Awwissu 2012
skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali mir-Repubblika Orjentali tal-Urgugwaj fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta personali
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5704)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/484/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,
Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (2)
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma mitlubin jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ikun jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment. |
(2) |
Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, id-dejta personali tista’ tiġi trasferita mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali. |
(3) |
Skont id-Direttiva 95/46/KE, il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25 tagħha. |
(4) |
Minħabba d-diversi metodi li pajjiżi terzi jużaw fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta, il-valutazzjoni tal-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata, b’mod li ma tinħoloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali attwali tal-Unjoni. |
(5) |
Il-Kostituzzjoni Politika tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, li għaddiet fl-1967, ma tirrikonoxxix espressament id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. Madankollu, il-katalgu tad-drittijiet fundamentali mhux lista magħluqa peress li l-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni jistipula li l-elenkar tad-drittijiet, tal-obbligi u tal-garanziji magħmul mill-Kostituzzjoni ma jeskludix oħrajn li jkunu inerenti għall-personalità umana jew li jkunu jidderivaw mill-forma repubblikana tal-gvern. L-Artikolu 1 tal-Att Nru 18.331 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali u l-azzjoni “Habeas Data” tal-11 ta’ Awwissu 2008 (Ley No 18.331 de Protección de Datos Personales y Acción de “Habeas Data”) jistipulaw espressament li “d-dritt għall-protezzjoni tad-deja personali huwa inerenti fil-bniedem u għalhekk huwa inkluż fl-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika”. L-Artikolu 332 tal-Kostituzzjoni jistipula li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-individwi kif ukoll dawk li jagħtu drittijiet u jimponu obbligi fuq l-awtoritajiet pubbliċi, m’għandhiex tkun imxekkla minn nuqqas ta’ regolamentazzjoni speċifika; pjuttost, għandha tissejjes fuq il-prinċipji ġenerali tal-liġi u fuq id-dottrina aċċettata b’mod ġenerali, permezz tal-użu tal-prinċipji sottostanti ta’ liġijiet simili. |
(6) |
Fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj l-istandards legali għall-protezzjoni tad-dejta personali huma prinċipalment imsejsa fuq l-istandards stipulati fid-Direttiva 95/46/KE u huma stipulati fl-Att Nru 18.331 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali u l-azzjoni ‘Habeas Data’ (Ley No 18.331 de Protección de Datos Personales y de Acción de “Habeas Data”) tal-11 ta’ Awwissu 2008. Din tkopri l-persuni fiżiċi u ġuridiċi. |
(7) |
L-Att huwa kkumplimentat ulterjorment bid-Digriet Nru 414/009 tal-31 ta’ Awwissu 2009, li ġie adottat sabiex jiċċara diversi aspetti tal-Att u sabiex jistipula r-regolament dettaljat dwar l-organizzazzjoni, is-setgħat u l-funzjonament tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-dejta; Il-Preambolu tad-Digriet jistipula li huwa xieraq li f’dak li jirrigwarda din il-kwistjoni s-sistema tal-liġi nazzjonali tiġi aġġustata skont l-iktar sistema legali aċċettata u komparabbli, essenzjalment dak li ġie stabbilit mill-pajjiżi Ewropej permezz tad-Direttiva 95/46/KE. |
(8) |
Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta jinsabu wkoll f’għadd ta’ atti speċjali li joħolqu u jirregolaw bażijiet ta’ dejta, jiġifieri atti li jirregolaw ċerti reġistri pubbliċ (kuntratti pubbliċi, proprjetà industrijali u trade marks, atti personali, proprjetà immobbli, il-minjieri jew ir-rappurtar tal-krediti). L-Att Nru 18.331 japplika wkoll għal dawn l-atti fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet li ma jkunux regolati minn strumenti legali speċifiċi, skont l-Artikolu 332 tal-Kostituzzjoni. |
(9) |
L-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj ikopru l-prinċipji bażiċi kollha neċessarji biex ikun hemm livell adegwat ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi, u jagħmlu wkoll xi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet sabiex jiġu protetti l-interessi pubbliċi importanti. Dawn l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-eċċezzjonjiet jirriflettu l-prinċipji stipulati mid-Direttiva 95/46/KE. |
(10) |
L-applikazzjoni tal-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta hija ggarantita minn rimedji amministrattivi u ġudizzjarji, b’mod partikolari mill-azzjoni legali ‘habeas data’ li tippermetti li s-suġġett li lilu tkun tirrigwarda d-dejta jiftaħ kawża fil-qorti kontra l kontrollur tad-dejta sabiex jinforza d-dritt tiegħu ta’ aċċess, rettifika u tħassir, u permezz ta’ sorveljanza indipendenti mwettqa mill-awtorità ta’ sorveljanza, l-Unità għar-Regolamentazzjoni u l-Kontroll tad-Dejta Personali (Unidad Reguladora y de Control de Datos Personales (URCDP), li għandha s-setgħa li tinvestiga, tintervjeni u timmulta skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE, u li taġixxi b’mod kompletament indipendenti. Barra minn hekk, kwalunkwe parti interessata għandha d-dritt li titlob rimedju ġudizzjarju biex tiġi kkumpensata għal ħsarat imġarrba b’riżultat ta’ proċessar tad-dejta personali tagħha li ma jkunx sar skont il-liġi. |
(11) |
L-awtoritajiet tal-Urugwaj għall-protezzjoni tad-dejta taw spjegazzjonijiet u garanziji dwar kif għandha tiġi interpretata l-liġi Urugwajana, u taw garanziji li l-leġiżlazzjoni Urugwajana dwar il-protezzjoni tad-dejta tiġi implimentata f’konformità ma’ din l-interpretazzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Urugwaj għall-protezzjoni tad-dejta spjegaw li, skont l-Artikolu 332 tal-Kostituzzjoni, l-Att Nru 18.331 japplika wkoll għal atti speċjali li joħolqu u jirregolaw bażijiet ta’ dejta speċifiċi relatati ma’ dawk il-kwistjonijiet li mhumiex regolati minn dawn l-istrumenti legali speċifiċi. Iċċaraw ukoll li, fir-rigward tal-listi msemmija fl-Artikolu 9 C) tal-Att Nru 18.331, li ma jeħtiġux il-kunsens tas-suġġett tad-dejta biex jiġu pproċessati, l-Att japplika wkoll, jiġifieri l-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-finalità, id-drittijiet tas-suġġetti li lilhom tkun tirrigwarda d-dejta u huma suġġetti għas-sorveljanza tal-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju tat-trasparenza, l-awtoritajiet Urugwajani għall-protezzjoni tad-dejta infurmaw li l-obbligu li s-suġġett li lilu tkun tirrigwarda d-dejta jingħata l-informazzjoni meħtieġa, japplika fil-każijiet kollha. Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, l-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta ċċarat li huwa biżżejjed li s-suġġett li lilu tkun tirrigwarda d-dejta jġib prova tal-identità tiegħu meta jagħmel talba. L-awtoritajiet Urugwajani għall-protezzjoni tad-dejta ċċaraw li ma jistax jiġi mifhum li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet relatati mal-prinċipju dwar it-trasferimenti nazzjonali stipulati fl-Artikolu 23(1) tal-Att Nru 18.331 hija usa’ minn dik tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE. |
(12) |
Din id-Deċiżjoni tqis dawn l-ispjegazzjonijiet u garanziji, u hija msejsa fuqhom. |
(13) |
Ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija wkoll firmatarja tal-Konvenzjoni Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem (“Patt ta’ San José de Costa Rica”) tat-22 ta’ Novembru 1969 u li ilha fis-seħħ mit-18 ta’ Lulju 1978 (3). L-Artikolu 11 ta’ din il-Konvenzjoni jistipula d-dritt għall-privatezza u l-Artikolu 30 jistipula li r-restrizzjonijiet li, skont din il-Konvenzjoni, jistgħu jiġu applikati fuq it-tgawdija jew l-eżerċizzju tad-drittijiet jew il-libertajiet rikonoxxuti mill-Konvenzjoni, ma jistgħux jiġu applikati ħlief skont il-liġijiet promulgati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u skont l-iskop li għalih ikunu ġew stabbiliti restrizzjonijiet ta’ dan it-tip (Artikolu 30). Barra minn hekk, ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj aċċettat il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, fl-1118-il laqgħa tad-Deputati tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li saret fis-6 ta’ Lulju 2011, id-Deputati stiednu lir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj biex tiffirma l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi f’dak li jirrigwarda l-Ipproċessar Awtomatizzat tad-Dejta Peronali (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tagħha (ETS Nru 118), wara opinjoni favorevoli tal-Kumitat Konsultattiv rilevanti (4). |
(14) |
Għalhekk, ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj għandha titqies bħala li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali, kif imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE. |
(15) |
Din id-Deċiżjoni għandha tikkonċerna l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija fir-Repubblika Orjentali tal-Urugway bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE. M’għandhiex taffettwa kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħrajn li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dik id-Direttiva li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ dejta personali fl-Istati Membri. |
(16) |
Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsal-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ flussi speċifiċi ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata. |
(17) |
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament tad-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe sejbiet rilevanti lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE. Sorveljanza ta’ dan it-tip għandha tkopri, fost l-oħrajn, is-sistema tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj li hija applikabbli għat-trasferimenti fil-qafas tat-trattati internazzjonali. |
(18) |
Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni favorevoli dwar il-livell ta’ adegwatezza fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali, li ġiet ikkunsidrata fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni (5). |
(19) |
Il-miżuri stipulati minn din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għall-għanijiet tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija meqjusa bħala li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea.
2. L-awtorità ta’ sorveljanza tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj li hija kompetenti biex jiġu applikati l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija stipulata fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Mingħajr ħsara għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħrajn differenti mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom li jissospendu l-flussi ta’ dejta lil riċevitur fl-Istat tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj sabiex jiġu protetti l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
fejn awtorità Urugwajana kompetenti tkun ikkonkludiet li r-riċevitur ikun jikser l-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew |
(b) |
fejn ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni jkunu qed jiġu miksura, fejn ikun hemm motivi raġonevoli biex wieħed jaħseb illi l-awtorità kompetenti Urugwajana ma tkunx qed tieħu, jew ma tkunx se tieħu l-passi xierqa u fil-ħin sabiex jissolva l-każ ikkonċernat, fejn it-tkomplija tat-trasferiment tkun toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti li lilhom tkun tirrigwarda d-dejta u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jkunu għamlu dak kollu xieraq fiċ-ċirkostanzi biex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar li tkun stabbilita fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj u jkunu tawha ċans biżżejjed biex tirrispondi. |
2. Is-sospensjoni tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.
Artikolu 3
1. L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri msejsa fuq l-Artikolu 2.
2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli biex jiżguraw il-konformità mal-istandards ta’ protezzjoni fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj tonqos milli tiżgura din il-konformità.
3. Jekk l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 2 u skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi provi li xi korp responsabbli biex jiżgura konformità mal-istandards tal-protezzjoni fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj ma jkunx qed jagħmel xogħlu b’mod effikaċi, il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità Urugwajana kompetenti u, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozzi ta’ miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bl-għan li tiġi revokata jew sospiża din id-Deċiżjoni, jew li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
Artikolu 4
Il-Kummissjoni tissorvelja l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe konklużjonjiet pertinenti lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kull prova li tista’ taffettwa l-konklużjoni tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li l-protezzjoni fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, u kwalunkwe prova li din id-Deċiżjoni tkun qed tiġi implimentata b’mod diskriminatorju.
Artikolu 5
L-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2012.
Għall-Kummissjoni
Viviane REDING
Viċi President
(1) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(2) Ittra tal-31 ta’ Awwissu 2011.
(3) L-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani; O.A.S, Serje ta’ Trattati, Nru 36, 1144 U.N.T.S. 123. http://www.oas.org/juridico/english/treaties/b-32.html
(4) Il-Kunsill tal-Ewropa-: https://wcd.coe.int/wcd/ViewDoc.jsp?Ref=CM/Del/Dec(2011)1118/10.3&Language=lanEnglish&Ver=original&Site=CM&BackColorInternet=DBDCF2&BackColorIntranet=FDC864&BackColorLogged=FDC864
(5) Opinjoni 6/2010 dwar il-livell ta’ protezzjoni ta’ dejta personali fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj. Disponibbli f’http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2010/wp177_mt.pdf
ANNESS
L-Awtorità kompetenti ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni:
Unidad Reguladora y de Control de Datos Personales (URCDP), |
Andes 1365, Piso 8 |
Tel. +598 2901 2929 Int. 1352 |
11.100 Montevideo |
L-URUGWAJ |
L-indirizz tal-posta elettronika: http://www.datospersonales.gub.uy/sitio/contactenos.aspx
Ilmenti onlajn: http://www.datospersonales.gub.uy/sitio/denuncia.aspx
Websajt: http://www.datospersonales.gub.uy/sitio/index.aspx