EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0471

2012/471/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta' Diċembru 2011 dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

ĠU L 215, 11.8.2012, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/471/oj

Related international agreement

11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 2011

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti

(2012/471/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni, flimkien ma’ direttivi ta’ negozjar, li awtorizzaw lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment u l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità transnazzjonali serja oħra.

(2)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tagħha, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tagħha u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tagħha. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(4)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la huma marbutin biha u lanqas huma suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hija marbuta bil-Ftehim u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat suġġett għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni dwar il-Ftehim fir-rigward tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 17 u 23 tiegħu hija b’dan approvata.

It-test tad-Dikjarazzjoni huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. CICHOCKI


ANNESS

Dikjarazzjoni mill-UE dwar il-Ftehim dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (“il-Ftehim”) fir-rigward tal-obbligazzjonijiet tagħha taħt l-Artikoli 17 u 23 tal-Ftehim.

1.

Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni konġunta u valutazzjoni konġunta previst fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, u bla ħsara għal materji oħra li jistgħu jiżdiedu permezz ta' dan il-mekkaniżmu, l-Unjoni ser tfittex informazzjoni mill-Istati Uniti dwar l-iskambju ta' informazzjoni fejn ikun xieraq, fir-rigward tat-trasferiment tad-data tal-PNR tar-residenti u ċ-ċittadini tal-Unjoni lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi hekk kif stipulat fl-Artikolu 17 tal-Ftehim;

2.

Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni konġunta u valutazzjoni konġunta msemmi fil-punt 1 ta’ din id-Dikjarazzjoni, l-Unjoni ser titlob mill-Istati Uniti l-informazzjoni kollha xierqa dwar l-implimentazzjoni tal-kondizzjonijet li jirregolaw dawk it-trasferimenti skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim;

3.

L-Unjoni, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni konġunta u valutazzjoni konġunta msemmi fil-punt 1 ta’ din id-Dikjarazzjoni, ser tagħti attenzjoni partikolari lir-rispett tas-salvagwardji kollha għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-Ftehim, sabiex tkun sodisfatta li l-pajjiżi terzi li jirċievu dik id-data jkunu qablu li jagħtu lid-data l-protezzjoni fir-rigward tal-privatezza komparabbli ma’ dik mogħtija lil PNR mid-DHS taħt il-Ftehim.


Top