Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0442

2012/442/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 24 ta’ Lulju 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

ĠU L 202, 28.7.2012, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/442(1)/oj

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Lulju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

(2012/442/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 168(4)(b), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim taż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE.

(3)

L-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2011 tas-7 ta’ Diċembru 2011 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2012, l-2013 u l-2014 biex tiġi żgurata konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jivvaluta l-esponiment tal-konsumatur għalihom (3) għandu jiġi integrat fil-Ftehim taż-ŻEE.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1213/2008 tal-5 ta’ Diċembru 2008 li jikkonċerna programm Komunitarju kkoordinat ta’ kontroll multiannwali għall-2009, 2010 u 2011 sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali u biex tevalwa l-esponiment tal-konsumatur għalihom (4) ġie integrat fil-Ftehim taż-ŻEE b’ċerti adattamenti għall-Istati tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE.

(6)

Ladarba r-Regolament (KE) Nru 1213/2008 ġie mħassar u għandu konsegwentement jiġi mħassar taħt il-Ftehim taż-ŻEE, dawk l-adattamenti għandhom jiġu trasferiti għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1274/2011. Huma jikkonċernaw in-numru ta’ pestiċidi li għandhom jiġu mmonitorjati mill-Islanda u l-għadd ta’ kampjuni ta’ kull prodott li għandhom jittieħdu u jkunu analizzati mill-Islanda u min-Norveġja, u jagħtu kas, b’mod partikolari, tal-kapaċità limitata tal-laboratorji Islandiżi.

(7)

Għalhekk, l-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar il-modifikazzjoni tal-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU L 325, 8.12.2011, p. 24.

(4)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 9.


ABBOZZ TA’

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru …/…

ta’

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE kien emendat b’Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta’… (1).

(2)

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2011 tas-7 ta’ Diċembru 2011 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2012, l-2013 u l-2014 biex tiġi żgurata konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jivvaluta l-esponiment tal-konsumatur għalihom (2) għandu jiġi integrat fil-Ftehim.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1213/2008 tal-5 ta’ Diċembru 2008 li jikkonċerna programm Komunitarju kkoordinat ta’ kontroll multiannwali għall-2009, 2010 u 2011 sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali u biex tevalwa l-esponiment tal-konsumatur għalihom (3), li hu integrat fil-Ftehim taż-ŻEE, ġie mħassar fl-Unjoni Ewropea u għaldaqstant għandu jiġi mħassar ukoll skont il-Ftehim taż-ŻEE.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni li tolqot oġġetti tal-ikel. Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda oġġetti tal-ikel ma tapplikax għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli tkun estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-introduzzjoni għall-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE. B’hekk, din id-Deċiżjoni m’għandhiex tapplika għal-Liechtenstein,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE huwa emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 54zzzzb (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1213/2008) jitħassar.

2.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 65 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1171/2011):

“66.

32011 R 1274: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2011 tas-7 ta’ Diċembru 2011 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2012, l-2013 u l-2014 biex tiġi żgurata konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jivvaluta l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 325, 8.12.2011, p. 24).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jinftiehmu skont l-adattamenti li ġejjin:

1.

Dan li ġej jiżdied fl-Artikolu 1:

‘L-Islanda tista’, għas-snin 2012, 2013, 2014, tkompli tieħu kampjuni u tagħmel analiżi għall-istess 61 pestiċida kif immonitorjati fil-prodotti tal-ikel fis-suq tagħha fl-2011.’

2.

Dan li ġej jiżdied fil-punt 5 tal-Anness II:

‘IS

12 (*)

15 (**)

NO

12 (*)

15 (**)’ ”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1274/2011 bl-ilsien Islandiż u b’dak Norveġiż, li għandu jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, dment li jkunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L …

(2)  ĠU L 325, 8.12.2011, p. 24.

(3)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 9.

(*)  Ma hemm indikat ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Top