This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0395
2012/395/EU: Commission Implementing Decision of 16 July 2012 on recognition of the ‘Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme’ for demonstrating compliance with the sustainability criteria under Directives 98/70/EC and 2009/28/EC of the European Parliament and of the Council
2012/395/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Lulju 2012 dwar ir-rikonoxximent tar- “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
2012/395/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Lulju 2012 dwar ir-rikonoxximent tar- “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
ĠU L 187, 17.7.2012, pp. 62–63
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 06/08/2017
|
17.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 187/62 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Lulju 2012
dwar ir-rikonoxximent tar-“Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(2012/395/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (2), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7c(6) tagħha,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2009/28/KE,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistipulaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7b, 7c u tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17, 18 u tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(2) |
Fejn il-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE. |
|
(3) |
Il-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28/KE tiddikjara li l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija għandha tiġi evitata, u li l-iskemi volontarji jistgħu jgħinu biex joħolqu soluzzjonijiet effiċjenti li jiddemostraw il-konformità ma’ dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE, jew li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali biex jitkejjel kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet tal-gassijiet serra fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi skema volontarja bħal din għal perjodu ta’ ħames snin. |
|
(6) |
Fejn operatur ekonomiku jipprovdi provi jew dejta miksuba skont skema volontarja li tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b’dik id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jeżiġi lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà. |
|
(7) |
Ir-“Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” ġiet issottomessa lill-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2012, b’talba għar-rikonoxximent tagħha. Din l-iskema tkopri ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-pitravi taz-zokkor, prodotti fir-Renju Unit sal-ewwel punt ta’ kunsinna ta’ dawn l-uċuħ. Ladarba tiġi rikonoxxuta, l-iskema għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE. Il-Kummissjoni għandha tqis l-aspetti tas-sensittività kummerċjali u tista’ tiddeċiedi li tippubblika biss parti mill-iskema. |
|
(8) |
Il-valutazzjoni tar-“Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” sabet li tkopri bix-xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE, kif ukoll l-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE. L-iskema tapplika wkoll, sal-ewwel punt ta’ kunsinna ta’ dawn l-uċuħ tar-raba’, metodoloġija tal-bilanċ tal-massa bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE. L-iskema ma tkoprix l-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, iżda tagħti dejta preċiża dwar żewġ elementi meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, b’mod partikulari, iż-żona ġeografika mnejn ġejjin l-uċuħ, u l-emissjonijiet annwalizzati minn tibdiliet fl-istokk ta’ karbonju minħabba bidla fl-użu tal-art. Perċentwali żgħir ta’ membri tal-iskema ma jkoprux il-kriterji ta’ sostenibbiltà għal parti mill-art tagħhom. L-iskema tindika l-qagħda ta’ konformità sħiħa jew parzjali tal-art tal-membri tagħha fil-bażi tad-dejta ta’ membri tagħhom fuq l-Internet, u turi l-konformità tal-kunsinni mal-kriterji ta’ sostenibbiltà fuq il-passaport tal-uċuħ tar-raba’ li jistgħu jiġu kkombinati, magħruf ukoll bħala dikjarazzjoni ta’ wara l-ħsad. |
|
(9) |
L-evalwazzjoni tar-“Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” sabet li tilħaq standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti. |
|
(10) |
Kwalunkwe element addizzjonali ta’ sostenibbiltà kopert bl-iskema “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” mhuwiex meqjus f’din id-Deċiżjoni. Dawn l-elementi addizzjonali ta’ sostenibbiltà mhumiex obbligatorji biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema volontarja “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme”, li għaliha tressqet talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2012, turi permezz tal-passaport ta’ wċuħ tar-raba’ li jistgħu jiġu kkombinati li l-kunsinni ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u pitravi taz-zokkor huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 17(3), 17(4) u 17(5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikoli 7b(3), 7b(4) u 7b(5) tad-Direttiva 98/70/KE. L-iskema tinkludi wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet annwalizzati mit-tibdil fl-istokk tal-karbonju minħabba bidla fl-użu tal-art (e l ) kif imsemmi fil-punt 1 tat-taqsima C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-punt 1 tat-taqsima C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE, li juri li hu ugwali għal żero, u ż-żona ġeografika msemmija fil-punt 6 tat-taqsima C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-punt 6 tat-taqsima C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.
L-iskema volontarja “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet Scheme” tista’ tintuża sal-ewwel punt ta’ kunsinna għall-kunsinni kkonċernati biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames snin wara li tidħol fis-seħħ. Jekk isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema, wara li tiġi adottata d-Deċiżjoni, b’tali mod li dan ikun jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, it-tali tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni se tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.
Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka d-Deċiżjoni tagħha jekk jintwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni, u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta’ dawk l-elementi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.