Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0392

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas- 16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

    ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2024: This act has been changed. Current consolidated version: 09/09/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/392/oj

    17.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 187/48


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/392/PESK

    tas-16 ta’ Lulju 2012

    dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-21 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill laqa’ l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, waqt li ssottolinja li l-Unjoni għandha interess dejjiemi fiż-żieda tas-sigurtà u t-titjib tal-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel. Aktar reċentement, l-intensifikazzjoni tal-azzjonijiet terroristiċi u l-konsegwenzi tal-konflitt fil-Libja żiedu l-urġenza għall-protezzjoni taċ-ċittadini u l-interessi tal-Unjoni fir-reġjun u għall-prevenzjoni tal-estensjoni ta’ dawk it-theddidiet għall-Unjoni, waqt li tingħata għajnuna biex jonqos it-theddid għas-sigurtà reġjonali.

    (2)

    Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill approva l-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal missjoni ċivili possibbli ta’ politika ta’ sigurtà u difiża komuni (PSDK) fis-Saħel.

    (3)

    Fl-1 ta’ Ġunju 2012, il-Prim Ministru tan-Niġer indirizza ittra ta’ stedina lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) fir-rigward tal-missjoni ppjanata ta’ PSDK, li tilqa’ l-attivazzjoni ta’ PSDK tal-Unjoni bl-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Forzi tas-Sigurtà tan-Niġer, b’mod partikolari biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata b’mod effettiv, koerenti u koordinat.

    (4)

    Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUCAP Sahel Niger.

    (5)

    L-EUCAP SAHEL Niger ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Missjoni

    L-Unjoni b’dan tistabbilixxi missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP SAHEL Niger).

    Artikolu 2

    Objettivi

    Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, l-EUCAP Sahel Niger għandha timmira li tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet tan-Niġer li jimplimentaw id-dimensjoni tas-sigurtà tal-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp tagħhom stess, kif ukoll li ttejjeb il-koordinazzjoni reġjonali fil-konfront tal-isfidi komuni fir-rigward tas-sigurtà. Partikolarment, l-EUCAP Sahel Niger għandha timmira li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċ integrat, multidixxiplinarju, koerenti, sostenibbli u li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fost l-atturi varji tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

    Artikolu 3

    Kompiti

    1.   Sabiex twettaq l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, l-EUCAP Sahel Niger għandha:

    (a)

    tagħti pariri u tgħin fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni tas-sigurtà tal-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp tan-Niġer fil-livell nazzjonali, b’mod komplementari mal-atturi l-oħra;

    (b)

    tappoġġa l-iżvilupp ta’ koordinament reġjonali u internazzjonali komprensiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

    (c)

    issaħħaħ l-istat tad-dritt permezz tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni kriminali, u f’dan il-kuntest tiżviluppa u timplimenta programmi adatti ta’ taħriġ;

    (d)

    tappoġġa l-iżvilupp tas-sostenibbiltà tal-Forzi tas-Sigurtà tan-Niġer;

    (e)

    tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni, l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-kamp tas-sigurtà.

    2.   L-EUCAP Sahel Niger għandha għall-bidu tiffoka fuq dawk l-attivitajiet msemmija fil-paragrafu 1 li jikkontribwixxu biex itejbu l-kontroll tat-territorju tan-Niġer, anke f’koordinament mal-Forzi Armati tan-Niġer.

    3.   L-EUCAP Sahel Niger ma għandha twettaq ebda funzjoni eżekuttiva.

    Artikolu 4

    Linja ta’ kmand u struttura

    1.   L-EUCAP Sahel Niger għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

    2.   L-EUCAP SAHEL Niger għandha jkollha l-Kwartieri Ġenerali tagħha f’Niamey.

    3.   L-EUCAP SAHEL Niger għandha tkun strutturata kif ġej:

    (a)

    Kap tal-Missjoni;

    (b)

    komponent ta’ Ippjanar u Operazzjonijiet, li jinkludi uffiċjali ta’ kollegament reġjonali;

    (c)

    komponent ta’ Appoġġ tal-Missjoni;

    (d)

    elementi ta’ Rappurtar, Sigurtà, Analiżi u Konsulenza/Informazzjoni Pubblika;

    (e)

    Element ta’ Appoġġ minn Brussell.

    4.   L-EUCAP SAHEL Niger għandu jkollha Ċellula tal-Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti. L-EUCAP SAHEL Niger tista’, kif ikun opportun, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f’oqsma relatati mal-EUCAP SAHEL Niger u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

    Artikolu 5

    Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

    1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUCAP SAHEL Niger.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUCAP SAHEL Niger fil-livell strateġiku.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta’ pariri u appoġġ tekniku.

    4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

    5.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah konformement mar-regoli nazzjonali, jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, skwadri u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettement.

    7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Niamey għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif ikun meħtieġ.

    Artikolu 6

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi responsabbilità u jeżerċita kmand u kontroll fir-rigward tal-EUCAP SAHEL Niger fil-post tal-operazzjonijiet u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, skwadri u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik tal-assi, riżorsi u informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUCAP SAHEL Niger.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUCAP SAHEL Niger, inkluż l-Element ta’ Appoġġ minn Brussell u l-uffiċjali ta’ kollegament reġjonali, għat-tmexxija effettiva tal-EUCAP SAHEL Niger fil-post tal-operazzjonijiet, waqt li jassumi l-koordinament tagħha u l-ġestjoni tagħha ta’ kuljum, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-EUCAP SAHEL Niger. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali konformement mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUCAP SAHEL Niger fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà xierqa tal-EUCAP SAHEL Niger.

    7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif meħtieġ, ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fin-Niġer.

    8.   Fil-kuntest taċ-Ċellula tal-Proġetti, il-Kap tal-Missjoni huwa awtorizzat jirrikorri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terżi biex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti l-azzjonijiet l-oħra tal-EUCAP SAHEL Niger, jekk il-proġett ikun:

    (a)

    previst fid-Dikjarazzjoni tal-Impatt Baġitarju marbuta ma’ din id-Deċiżjoni; jew

    (b)

    imdaħħal fid-Dikjarazzjoni tal-Impatt Baġitarju matul it-twettiq tal-EUCAP SAHEL Niger fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

    F’tali każ, il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonkludi arranġament mal-Istati kkonċernati, li jkopri b’mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta’ kwalunkwe lment minn partijiet terzi dwar dannu kkawżat b’riżultat ta’ atti jew ommissjonijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi pprovduti mill-Istati kontribwenti.

    F’ebda ċirkostanza m’għandhom l-Unjoni jew ir-RGħ jinżammu responsabbli mill-Istati kontribwenti b’riżultat ta’ atti jew ommissjonijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.

    Artikolu 7

    Persunal

    1.   L-EUCAP SAHEL Niger għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.

    2.   L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn jew dwar il-membru tal-persunal issekondat, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.

    3.   Il-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-EUCAP SAHEL Niger jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif meħtieġ.

    4.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti f’kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

    Artikolu 8

    Status tal-EUCAP SAHEL Niger u tal-persunal tagħha

    L-istatus tal-EUCAP SAHEL Niger u l-persunal tagħha, inklużi, fejn ikun kunsiljabbli, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-EUCAP SAHEL Niger, għandhom ikunu l-oġġett ta’ ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 9

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUCAP SAHEL Niger. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta tar-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-Kunċett tal-Operazzjonijiet Plus (CONOPS Plus) u l-Pjan tal-Operazzjoni (OPLAN). Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUCAP SAHEL Niger għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

    2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

    Artikolu 10

    Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-EUCAP SAHEL Niger, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u min-Niġer, u sakemm huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUCAP SAHEL Niger, kif meħtieġ.

    2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUCAP SAHEL Niger għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-EUCAP SAHEL Niger bħall-Istati Membri.

    3.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.

    4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f’konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUCAP SAHEL Niger.

    Artikolu 11

    Sigurtà

    1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-EUCAP SAHEL Niger f’konformità mal-Artikolu 5.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUCAP SAHEL Niger u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-EUCAP SAHEL Niger, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u mal-istrumenti tagħha ta’ sostenn.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi megħjun minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

    4.   Il-persunal tal-EUCAP SAHEL Niger għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda jwettaq dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-MSO.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (1).

    Artikolu 12

    Kapaċità tal-Għassa

    Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tkun attivata għall-EUCAP Sahel Niger.

    Artikolu 13

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-ispiża marbuta mal-EUCAP SAHEL Niger għall-ewwel 12-il xahar għandu jkun ta’ EUR 8 700 000. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

    2.   L-infiq kollu għandu jkun amministrat f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Għandu jkun permess li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi parteċipanti u tal-pajjiżi ospitanti u tal-viċinat iressqu offerti għal kuntratti. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, ma’ Stati terzi parteċipanti, u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUCAP SAHEL Niger.

    4.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi tal-EUCAP SAHEL Niger, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tagħha.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun issorveljat minnha, fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

    6.   L-infiq marbut mal-EUCAP SAHEL Niger għandu jkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 14

    Konsistenza tar-rispons u l-koordiment tal-Unjoni

    1.   Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inklużi l-programmi ta’ żvilupp tal-Unjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Niamey sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fin-Niġer.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri li jkunu preżenti fin-Niġer.

    Artikolu 15

    Rilaxx ta’ informazzjoni

    1.   Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif meħtieġ u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-EUCAP SAHEL Niger, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ‘CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL’ li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-EUCAP SAHEL Niger, f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE.

    2.   Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ hija awtorizzata wkoll tirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-EUCAP SAHEL Niger, f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

    3.   Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE konnessi mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUCAP SAHEL Niger u li jkunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (2).

    4.   Ir-RGħ tista’ tiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li tikkonkludi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2, lil persuni li jkunu mqiegħda taħt l-awtorità tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.

    Artikolu 16

    Dħul fis-seħħ u dewmien

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika għal perijodu ta’ 24 xahar.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. ALETRARIS


    (1)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


    Top