This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0389
Council Decision 2012/389/CFSP of 16 July 2012 on the European Union Mission on Regional Maritime Capacity Building in the Horn of Africa (EUCAP NESTOR)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas- 16 ta’ Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas- 16 ta’ Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)
ĠU L 187, 17.7.2012, pp. 40–43
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
05/12/2024
|
17.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 187/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/389/PESK
tas-16 ta’ Lulju 2012
dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika sabiex jiggwida l-impenn tal-UE fir-reġjun. |
|
(2) |
Fit-8 ta’ Diċembru, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/819/PESK (1) li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika. |
|
(3) |
Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill qabel dwar Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għall-Missjoni tal-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali. |
|
(4) |
Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/173/PESK (2) li tattiva ċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika. |
|
(5) |
Il-Gvernijiet tad-Djibouti, tal-Kenja u tas-Seychelles u l-Gvern Federali Transitorju tas-Somalja laqgħu l-istazzjonament tal-Missjoni fil-pajjiżi tagħhom. |
|
(6) |
Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill approva l-Linji Gwida għall-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE fil-Maniġġar ta’ Kriżijiet. |
|
(7) |
Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-Missjoni stabbilita b’din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Missjoni
L-Unjoni b’dan tistabbilixxi Missjoni tal-Bini tal-Kapaċitajiet Marittimi Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (“EUCAP NESTOR”
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni tal-Missjoni
L-għan tal-EUCAP NESTOR huwa li jassisti l-iżviluppfil-Qarn tal-Afrika u fl-Istati tal-Oċean Indjan tal-Punent ta’ kapaċità awto-sostenibbli għal tisħiħ kontinwu tas-sigurtà marittima tagħhom inkluż il-ġlieda kontra l-piraterija, u l-governanza marittima. EUCAP NESTOR għandu jkollha enfasi ġeografika inizjali fuq Djibouti, il-Kenja, is-Seychelles u s-Somalja. EUCAP NESTOR ser tiġi wkoll stazzjonata fit-Tanzanja, wara r-riċevuta ta’ nvit mill-Unjoni min-naaħa tal-awtoritajiet Tanzani..
Artikolu 3
Kompiti
1. Sabiex tinkiseb l-għan stabbilit fl-Artikolu 2, il-kompiti tal-EUCAP NESTOR għandhom ikunu li:
|
(a) |
tassisti lill-awtoritajiet fir-reġjun fil-kisba tal-organizzazzjoni effiċjenti tal-aġenziji tas-sigurtà marittima li jwettqu l-funzjoni ta’ gwardja tal-kosta; |
|
(b) |
toffri korsijiet ta’ taħriġ u taħriġ espert biex jissaħħu l-kapaċitajiet bażiċi tal-Istati fir-reġjun, inizjalment Djibouti, il-Kenja u s-Seychelles, bil-ħsieb li tinksieb awtosostenibbiltà fit-taħriġ; |
|
(c) |
tassisti lis-Somalja fl-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ pulizija kostali tagħha stess ibbażata fuq l-art appoġġata minn qafas ġuridiku u regolatorju komprensiv; |
|
(d) |
tidentifika l-lakuni prijoritarji fit-tagħmir ta’ kapaċità u tipprovdi assistenza fl-indirizz tagħhom, kif meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ EUCAP NESTOR; |
|
(e) |
tipprovdi assistenza fit-tisħiħ tal-leġislazzjoni nazzjonali u l-istat tad-dritt permezz ta’ programm ta’ konsulenza reġjonali legali, u kompetenza esperta legali biex tappoġġa t-tfassil ta’ leġislazzjoni ta’ sigurtà marittima u leġislazzjoni nazzjonali relatata; |
|
(f) |
tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sigurtà nazzjonali. |
|
(g) |
issaħħaħ il-koordinazzjoni reġjonali fil-qasam tal-bini tal-kapaċitajiet marittimi; |
|
(h) |
tipprovdi konsulenza strateġika permezz tal-inkarigu ta’ esperti għal amministrazzjonijiet prinċipali; |
|
(i) |
timplimenta proġetti tal-missjoni u tikkoordina donazzjonijiet; |
|
(j) |
tiżviluppa u twettaq strateġija reġjonali ta’ informazzjoni u komunikazzjoni. |
2. EUCAP NESTOR m’għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.
Artikolu 4
Katina ta’ kmand u struttura
1. EUCAP NESTOR għandu jkollha katina ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ ġestjoni tal-kriżi.
2. EUCAP NESTOR għandha tiġi strutturata kif ġej:
|
(a) |
Kwartieri tal-Missjoni f’Djibouti; |
|
(b) |
uffiċji tal-pajjiżi, kif meħtieġ. |
3. EUCAP NESTOR għandu jkollha Ċellula ta’ Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. EUCAP NESTOR tista’, kif meħtieġ, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f’oqsma relatati mal-EUCAP NESTOR u b’appoġġ tal-objettiv tagħha.
Artikolu 5
Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUCAP NESTOR.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-EUCAP NESTOR fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jassigura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni kif suppost u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.
4. Iċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-UE attivat bid-Deċiżjoni 2012/173/PESK għandu jipprovdi appoġġ dirett lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija operattivi tal-EUCAP NESTOR.
5. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill tar-RGħ.
6. Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
7. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.
8. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (RSUE) u l-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 6
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi responsabbilità u jeżerċita kmand u kontroll ta’ EUCAP NESTOR fil-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet mill-Istati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUCAP NESTOR.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu ta’ EUCAP NESTOR għat-tmexxija effettiva tal-EUCAP NESTOR fil-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ EUCAP NESTOR. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali skont ir-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUCAP NESTOR fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adatta ta’ EUCAP NESTOR.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal linja ta’ kmand, jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.
8. Fil-kuntest taċ-Ċellula ta’ Proġett, il-Kap tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat sabiex ifittex li jirrikorri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew l-Istati terżi biex jimplimenta proġetti identifikati li jissuplimentaw b’mod konsistenti l-azzjonijiet l-oħrajn ta’ EUCAP NESTOR, jekk il-proġett ikun:
|
(a) |
previst fid-Dikjarazzjoni ta’ Impatt Baġitarjurelatata ma’ din i-Deċiżjoni; jew |
|
(b) |
ikun inkluż fil-kors ta’ EUCAP NESTOR fid-Dikjarazzjoni ta’ Impatt Baġitarju fuq talba tal-Kap tal-Missjoni. |
F’tali każijiet, il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonkludi arranġament mal-Istati kkonċernati, li jkopru b’mod partikolari il-proċeduri speċifiċi biex jiġi ttrattat kwalunkwe lment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata b’riżultati ta’ atti jew nuqqasijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi pprovduti mill-Istati kontribwenti.
F’ebda ċirkostanza, l-Unjoni jew ir-RGħ ma jistgħu jinżammu responsabbli mill-Istati kontribwenti għal atti jew nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi provduti minn Stati kontributorji.
Artikolu 7
Persunal
1. L-EUCAP NESTOR għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, jew istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE għandha terfa’ l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnha, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allokazzjonijiet minbarra allokazzjonijiet applikabbli ta’ kuljum.
2. L-Istat, jew l-istituzzjoni tal-UE, jew is-SEAE li tkun issekondat membru tal-persunal għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, mill-membru tal-persunal jew dwaru, u biex tieħu kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.
3. Persunal internazzjonali u lokali jista’ wkoll jiġi rreklutat mill-EUCAP NESTOR fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, skont il-każ.
4. Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal ikkonċernat.
Artikolu 8
Status ta’ EUCAP NESTOR u tal-persunal tiegħu
L-istatus tal-EUCAP NESTOR u tal-persunal tagħha, inkluż fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel ta’ EUCAP NESTOR, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUCAP NESTOR. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-Kunċett tal-Operazzjonijiet (CONOPS) u l-Pjan tal-Operazzjoni (OPLAN). Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUCAP NESTOR għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUCAP NESTOR, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allokazzjonijiet ta’ sostenn ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ skjerament, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUCAP NESTOR, kif meħtieġ.
2. L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUCAP NESTOR għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum ta’ EUCAP NESTOR bħall-Istati Membri.
3. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi konformement mal-Artikolu 37 TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUCAO NESTOR.
Artikolu 11
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jmexxi l-ippjanar ta’ miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni tajba u effettiva minn EUCAP NESTOR konformement mal-Artikolu 5.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUCAP NESTOR u sabiex jiżgura konformità ma’ rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall- EUCAP NESTOR, konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u mad-dokumenti li jappoġġawha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Għoli tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.
4. Il-persunal tal-EUCAP NESTOR għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (3).
Artikolu 12
Kapaċità tal-Għassa
Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall- EUCAP NESTOR.
Artikolu 13
Arranġamenti Finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata ma’ EUCAP NESTOR għall-ewwel 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 22 880 000. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata konformement mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, ma’ Stati terzi parteċipanti, u ma’ atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUCAP NESTOR.
4. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi ta’ EUCAP NESTOR, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tagħha.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lil Kummissjoni, u jkun issorveljat minnha rigward l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.
6. In-nefqa li ssir għandha tkun eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 14
Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha inkluż, il-programmi ta’ żvilupp tal-UE.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-Reġjun.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera mal-atturi internazzjonali l-oħra fir-reġjun, b’mod partikolari l-Uffiċju Politiku tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għas-Somalja, l-Uffiċju għad-Drogi u l-Kriminalità, il-Programm ta’ Żvilupp tan-NU u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib ma’ Atalanta EUNAVFOR, il-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali (EUTM Somalia), il-Proġett Marittimu ta’ Sigurtà u l-Programm tar-Rotot Marittimi Kritiċi.
Artikolu 15
Rilaxx ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti
1. Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, skont il-każ u skont il-ħtiġijiet ta’ EUCAP NESTOR, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ‘CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL’ li jiġu ġenerati għall-finijiet ta’ EUCAP NESTOR, konformement mad-Deċiżjoni 2011/292/UE.
2. Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lin-NU u lill-Unjoni Afrikana (UA), u skont il-ħtiġijiet operattivi ta’ EUCAP NESTOR, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta’ EUCAP NESTOR, konformement mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. L-arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u l-UA għandhom jitfasslu għal dan il-għan.
3. Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandha tkun awtorizzata wkoll tirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta’ EUCAP NESTOR, f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. L-arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti għandhom jitfasslu għal dan il-għan.
4. Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar EUCAP NESTOR u li jkunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (4).
5. Ir-RGħ jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4, kif ukoll il-kapaċità li jikkonkludi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tiegħu/tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika għal perijodu ta’ 24 xhar.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS
(1) ĠU L 327, 9.12.2011, p. 62.
(2) ĠU L 89, 27.3.2012, p. 66.
(3) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.
(4) Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).