Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0369

    2012/369/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 2012 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/285/UE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja

    ĠU L 179, 11.7.2012, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/369/oj

    11.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 179/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-22 ta’ Ġunju 2012

    li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/285/UE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja

    (2012/369/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-2 ta' Diċembru 2009, permezz tad-Deċiżjoni 2010/285/UE (1), konsegwentement għal proposta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li fil-Ġermanja kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit ġenerali tal-gvern ippjanat għall-2009 kien ta’ 3,7 % tal-PDG, li kien ogħla mit-3% tal-valur ta’ referenza tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross ġenerali tal-gvern kien ippjanat li jilħaq l-74,2 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk ‘il fuq minn 60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG skont it-Trattat (2).

    (2)

    Fit-2 ta’ Diċembru 2009, f’konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (3), il-Kunsill, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lill-Ġermanja bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2013. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

    (3)

    L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dejta dwar defiċit u dejn tal-gvern u dwar fatturi varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (4).

    (4)

    Meta jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit mhux se jaqbeż il-limitu ta' 3 % tal-PDG tul iż-żmien previst (5).

    (5)

    Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mill-Ġermanja qabel l-1 ta’ April 2012 u fuq il-bażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    Wara li kien ta’ 3,2 % tal-PDG fl-2009 u 4,3 % tal-PDG fl-2010, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-Ġermanja tnaqqas għal 1 % tal-PDG fl-2011, u b’hekk taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 %, sentejn qabel id-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kunsill. Dan it-titjib ġie minn kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli, is-suq tax-xogħol b'saħħtu, l-eliminazzjoni gradwali ta' miżuri ta' stimolu, il-konsolidazzjoni fiskali u t-tnaqqis gradwali tal-impatt, ta’ darba biss, tal-miżuri għall-istabilizzazzjoni tas-settur finanzjarju fuq id-defiċit fis-sena ta’ qabel.

    Il-Programm ta’ Stabbiltà Ġermaniż tal-2012 jippjana li d-defiċit jibqa' 1 % tal-PDG fl-2012 u jaqa għal ½ % tal-PDG fl-2013, li b’mod ġenerali jikkonforma mal-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ defiċit ta' 0,9 % tal-PDG fl-2012 u ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2013. B’hekk id-defiċit għandu jibqa’ ferm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG. Barra minn hekk, skont il-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit baġitarju aġġustat ċiklikament, nett wara tnaqqis ta’ miżuri ta’ darba biss u miżuri temporanji oħrajn, se jkun ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2012 u ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2013. Sadanittant, ir-rata tat-tkabbir fin-nefqa tal-gvern, netta wara tnaqqis minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul hija prevista li fl-2012 se taqbeż il-valur referenzjali tan-nefqa kif speċifikat fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (6), filwaqt li tirrispettah fl-2013.

    Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tela’ drastikament b’8,6 punti perċentwali għal 83,0 % fl-2010, notevolment minħabba t-trasferiment ta’ assi deprezzati lil banek b’assi deterjorati (bad banks) fil-kuntest tal-istabilizzazzjoni tas-settur finanzjarju. Wara li waqa’ għal 81,2 % tal-PDG fl-2011, id-dejn gross huwa mistenni li jerġa’ jiżdied għal 82,0 % tal-PDG fl-2012 bħala riżultat tal-miżuri ta’ stabilizzazzjoni fiż-żona tal-euro, skont il-Programm ta’ Stabbiltà, qabel ma jaqa’ għal 80 % tal-PDG fl-2013 u sussegwentement ikompli x-xejra tiegħu ’l isfel. B’mod ġenerali din hija konformi mal-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ proporzjon ta’ dejn mal-PDG ta’ 82,2 % fl-2012 u ta’ 80,7% fl-2013, li ma tqisx il-qligħ potenzjali mill-istralċ tal-banek b’assi deterjorati (bad banks).

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat.

    (7)

    Il-Kunsill ifakkar li b’bidu mis-sena wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tagħha, il-Ġermanja tinsab f’perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin (2012-2014), li matulu r-rekwiżit skont il-kriterju tad-dejn għandu jitqies bħala sodisfatt jekk il-pajjiż jagħmel progess suffiċjenti lejn il-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis fid-dejn, f’konformità mal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. L-aġġustament fiskali ppjanat mill-Ġermanja fil-programm ta’ stabbiltà tagħha huwa konsistenti mal-progress suffiċjenti lejn il-konformità mal-valur referenzjali tat-tnaqqis fid-dejn fit-tmiem tat-tranżizzjoni.

    (8)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Ġermanja ġie kkorreġut u d-Deċiżjoni 2010/285/UE għandha għalhekk tiġi revokata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Ġermanja ġiet ikkorreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2010/285/UE hija b’dan revokata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. SHIARLY


    (1)  ĠU L 125, 21.5.2010, p. 38.

    (2)  Id-defiċit ġenerali u d-dejn tal-gvern għall-2009 sussegwentement ġew riveduti u attwalment qiegħdin 3,2 % tal-PDG u 74,4 % tal-PDG rispettivament.

    (3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

    (5)  F’konformità mal-“Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and Guidelines on the format and content of Stability and Convergence Programmes”, kif miftiehma mill-Kunsill fl-24 ta’ Jannar 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf

    (6)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.


    Top