Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0339

    2012/339/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Lulju 2011 dwar l-għajnuna mill-istat Nru SA.26117 — C 2/10 (ex NN 62/09) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4916) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 166, 27.6.2012, p. 83–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/339(1)/oj

    27.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 166/83


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Lulju 2011

    dwar l-għajnuna mill-istat Nru SA.26117 — C 2/10 (ex NN 62/09) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4916)

    (It-test bil-Griega biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/339/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (1),

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    I.   PROĊEDURA

    (1)

    F’Lulju 2008 il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti li allegaw li ngħatat għajnuna favur Aluminium of Greece u s-suċċessur tagħha Aluminium SA, 100 % suċċessur ta’ Aluminium of Greece fil-produzzjoni tal-aluminju minn Lulju 2007 (minn issa ’l quddiem imsejħa flimkien bħala AoG). L-ilmenti kienu jikkonċernaw żewġ miżuri allegati ta’ għajnuna mill-Istat: tariffa tal-elettriku preferenzjali u l-kostruzzjoni ta’ pajp tal-gass bejn AOG u n-netwerk prinċipali.

    (2)

    Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-Greċja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFUE’) fir-rigward tal-miżuri.

    (3)

    Il-Greċja ressqet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2010.

    (4)

    Id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri.

    (5)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati: minn AOG fit-12 ta’ Mejju 2010 u l-4 ta’ Mejju 2011 u mill-Public Power Corporation (minn issa ’l quddiem: PPC), il-kumpanija tal-istat li applikat waħda mill-miżuri allegati (tariffa tal-elettriku preferenzjali), fis-17 ta’ Mejju 2010. Il-kummenti ntbagħtu lill-Greċja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu fis-16 ta’ Lulju 2010, is-6 ta’ Awwissu 2010 u s-16 ta’ Mejju 2011.

    (6)

    Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Griegi fl-1 ta’ Diċembru 2010, li l-Greċja wieġbet għal dan permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2011.

    II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA ALLEGATA

    II(a)   IL-BENEFIĊJARJU

    (7)

    AOG hija kumpanija kbira, bis-sede tagħha fiż-żona ta’ Viotia, il-Greċja. Hija attiva fil-produzzjoni tal-aluminju bħala materja prima. F’Lulju 2007, AoG inqasmet f’żewġ kumpaniji li kienu għadhom kemm twaqqfu, wara diviżjoni tas-setturi: (a) Aluminium SA u (b) Endessa Hellas SA. Aluminium ħadet il-produzzjoni tal-aluminju u Endessa Hellas ħadet il-produzzjoni tal-elettriku (AoG kienet kisbet il-permessi għall-produzzjoni tal-elettriku ftit snin qabel). Għalhekk, Aluminium hija s-suċċessur 100 % ta’ AoG fil-produzzjoni tal-aluminju. AoG għandha wkoll tliet unitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, li jinsabu ħdejn l-impjant tal-aluminju tagħha. Fl- 2009 kellha fatturat ta’ EUR 427,3 miljun (b’EBT ta’ EUR 34,4 miljun) u 960 impjegat. Fl-2006 (sena qabel il-miżuri tal-għajnuna taħt skrutinju) hija kellha fatturat ta’ EUR 470,9 miljun (żieda ta’ 23 % mill-2005), b’EBT ta’ EUR 102,5 miljun (żieda ta’ 39 % mill-2005), u 1 047 impjegat. Hija ilha tappartjeni għall-grupp tan-negozju privat “Mitilineos SA” mill-2005.

    II(b)   MIŻURA 1: TARIFFA TAL-ELETTRIKU PREFERENZJALI

    (8)

    AOG twaqqfet fl-1960, b’ċerti privileġġi mogħtija mill-Istat Grieg, inkluża l-provvista tal-elettriku b’rata mnaqqsa. Skont it-termini tal-istatuti li jistabbilixxu l-privileġġi, il-provvista tal-elettriku b’rata mnaqqsa kellha tiskadi f’Marzu 2006, sakemm PPC tat lil AOG avviż xieraq dwar dan sentejn qabel. Fis-26 ta’ Frar 2004 (jiġifieri aktar minn sentejn qabel l-iskadenza tal-privileġġ), PPC avżat debitament lil AOG, u wara dan PPC waqfet tapplika r-rata preferenzjali fl-aħħar ta’ Marzu 2006.

    (9)

    Konsegwentement, minn Marzu 2006 sa Jannar 2007, AoG ħallset it-tariffa standard tal-elettriku applikabbli għall-konsumaturi industrijali l-kbar.

    (10)

    Madankollu, AoG ikkontestat il-waqfa tar-rata preferenzjali fil-qorti u f’Jannar 2007, qorti tal-Prim’Istanza ordnat bħala miżura interim li r-rata preferenzjali terġa’ tibda sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu. Din id-deċiżjoni interim min-naħa tagħha ġiet appellata minn PPC u ġiet ikkonfutata f’Marzu 2008 (sentenza dwar il-mertu għadha pendenti).

    (11)

    Il-konsegwenza prattika tad-deċiżjonijiet tal-qorti kienet li r-rata preferenzjali ġiet applikata mill-ġdid lil AoG minn Jannar 2007 sa Marzu 2008. F’dan il-perjodu, skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Griegi, AoG ħallset EUR 17,4 miljun inqas milli kien ikollha tħallas taħt it-tariffa “standard” għall-konsumaturi industrijali l-kbar.

    II(c)   MIŻURA 2: ESTENSJONI TAN-NETWERK TAL-GASS GĦAL AoG

    (12)

    Is-sistema nazzjonali tat-trażmissjoni tal-gass fil-Greċja tista’ tiġi estiża fuq talba ta’ klijent (potenzjali) sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    għandha tingħata opinjoni favorevoli mill-Awtorità Regolatorja għall-Enerġija (minn issa ’l quddiem “RAE”), ir-regolatur tal-enerġija Griega;

    l-operatur tan-netwerk għandu jkun sodisfatt li, biż-żmien, se jkun jista’ jirkupra l-ispejjeż tal-estensjoni permezz tad-dħul tat-tariffi min-netwerk.

    (13)

    Fil-każ ta’ AoG, in-netwerk nazzjonali ġie estiż permezz tal-bini ta’ pipeline ta’ 29,5 km li jgħaqqad lil AoG wara opinjoni favorevoli mill-RAE (15 ta’ April 2005) u approvazzjoni mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni (13 ta’ Ġunju 2005) (3). L-operazzjonijiet tal-pipeline tal-gass bdew fis-16 ta’ Mejju 2008.

    (14)

    L-ispiża totali tal-bini tal-estensjoni kienet ta’ EUR 12,64 miljun. Minn dawn, EUR 9,04 miljun tħallsu mill-Operatur tas-Sistema Nazzjonali tal-Gass, (minn issa ’l quddiem: “NGSO”), EUR 3,3 miljun minn AOG u EUR 3,6 miljun permezz tal-Qafas Komunitarju ta’ Sostenn 2000-2006 (4).

    III.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (15)

    Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tas-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni staqsiet jekk it-tariffa preferenzjali tal-elettriku mitluba llil AoG minn PPC wara Marzu 2006 kinitx fl-istess livell għall-konsumaturi industrijali l-kbar kollha. Ir-raġuni għad-dubji tal-Kummissjoni kienet li t-tariffa preferenzjali kellha tiskadi f’Marzu 2006, skont it-termini tal-istatuti tat-twaqqif ta’ AoG li jistabbilixxu l-privileġġi. Saret referenza għall-fatt li PPC kienet debitament ippruvat ittemm il-privileġġ, madankollu dan tal-aħħar ġie estiż b’deċiżjoni tal-qorti.

    (16)

    Fir-rigward tal-miżura li testendi s-sistema nazzjonali tat-trażmissjoni tal-gass lil AoG, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tas-27 ta’ Jannar 2010 il-Kummissjoni staqsiet għaliex l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-pipeline kienu prinċipalment ġew sostnuti mill-istat u mhux minn AoG. Dawn id-dubji tqajmu minħabba li l-Greċja ma tat ebda informazzjoni, minkejja t-talbiet ripetuti tal-Kummissjoni; din kienet ukoll ir-raġuni għaliex id-Deċiżjoni tal-Ftuħ inkludiet inġunzjoni ta’ informazzjoni għall-Greċja.

    IV.   KUMMENTI MILL-GREĊJA U L-PARTIJIET INTERESSATI

    IV(a)   KUMMENTI MILL-GREĊJA U L-BENEFIĊJARJU

    Miżura 1:   Tariffa preferenzjali tal-elettriku

    (17)

    Il-Greċja tirrikonoxxi li għall-perjodu bejn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-qorti (Jannar 2007-Marzu 2008), AoG ħallset EUR 131,4 miljun, taħt it-tariffa preferenzjali, minflok EUR 148,8 miljun, li kien ikun il-ħlas taħt it-tariffa “standard” għall-konsumaturi industrijali l-kbar.

    (18)

    Madankollu, il-Greċja ssostni li anki jekk il-prezzijiet preferenzjali ta’ AoG kienu kkunsidrati bħala għajnuna, dan kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

    (19)

    F’dan ir-rigward, AoG ssostni li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali ta’ Jannar 2007 ma kienet tinvolvi ebda emenda sostanzjali fil-ftehim oriġinali u li l-qorti sempliċement ddeċidiet li “tissospendi” l-avviż biex ittemm ir-rata preferenzjali u tipposponi d-deċiżjoni tal-qorti fuq il-merti tal-kawża bejn AoG u PPC.

    Miżura 2:   Estensjoni tan-netwerk tal-gass lil AoG

    (20)

    Il-Greċja tinnega li AoG irċeviet vantaġġ selettiv permezz tas-sussidju tal-ispiża tal-bini tal-pipeline tal-gass tagħha. B’mod partikolari, il-Greċja targumenta li r-regoli nazzjonali fuq liema bażi ġiet deċiża l-estensjoni tan-netwerk huma applikabbli fuq termini ugwali għall-utenti finali kollha tal-gass, għalhekk AoG ma ngħatat ebda vantaġġ selettiv.

    (21)

    Barra minn hekk, il-Greċja ssostni li l-pipeline inkwistjoni mhuwiex iddedikat għal AoG iżda huwa miftuħ għal utenti finali industrijali u domestiċi oħra fiż-żona. Dan huwa parti mill-kapaċità tas-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali tal-gass u l-proprjetà tal-NGSO. Barra minn hekk, il-kapaċità tagħha jaqbeż il-konsum annwali ta’ AoG (1,7 biljun Nm3/sena kontra 0,7 biljun Nm3/sena).

    (22)

    AoG argumentat li l-konsum annwali tal-gass kuntrattwali tagħha huwa ta’ 13,5 % tal-konsum nazzjonali totali u li l-konsum annwali tal-gass attwali tagħha huwa ta’ 10,5 % tal-konsum nazzjonali totali. AoG tiddikjara wkoll li l-investiment jiġġenera dħul annwali tat-tariffa ta’ EUR 11,6 miljun għall-operatur tan-netwerk, li jagħmel l-investiment attraenti u profitabbli ħafna għall-operatur tan-netwerk. Dawn iċ-ċifri ġew ikkonfermati mill-awtoritajiet Griegi.

    IV(b)   KUMMENTI MINN PPC

    (23)

    PPC tappoġġja l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura tat-tariffa tal-elettriku. PPC tikkonferma li l-vantaġġ lil AoG ikun ta’ EUR 17,4 miljun.

    V.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

    (24)

    Fuq il-bażi tal-fatti msemmija hawn fuq u tal-argumenti tal-Greċja u partijiet terzi oħra, il-Kummissjoni se tivvaluta l-miżuri inkwistjoni f’din it-taqsima. L-ewwel, il-Kummissjoni se tivvaluta l-preżenza ta’ għajnuna fil-miżuri taħt skrutinju, sabiex jiġi konkluż jekk hemmx għajnuna jew le (subsezzjoni V(a). Fit-tieni lok, meta miżura fil-fatt tinvolvi l-għajnuna, il-Kummissjoni se tevalwa l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (subsezzjoni V(b)).

    V(a)   PREŻENZA TA’ GĦAJNUNA FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 107(1) TFUE

    (25)

    L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jiddikjara li “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

    (26)

    Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta hawn taħt jekk il-miżuri kkontestati favur AOG jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jew le.

    Miżura 1:   Tariffa preferenzjali tal-elettriku

    (a)   Vantaġġ

    (27)

    Il-Kummissjoni tosserva li t-tariffa mħallsa minn AoG hija aktar baxxa mit-tariffa standard imħallsa minn konsumaturi industrijali kbar oħra. Il-Kummissjoni tikkunsidra li bejjiegħ fl-ekonomija tas-suq ma jaċċettax li jħallas tariffa fix-xahar mnaqqsa mingħajr ġustifikazzjoni speċifika. F’dan ir-rigward, il-Greċja ma ssottomettiet ebda argument konvinċenti li jiġġustifika l-konklużjoni li din it-tariffa preferenzjali kienet tariffa tas-suq għalkemm il-Kummissjoni qajmet din il-kwistjoni formalment fil-korrispondenza tagħha. Għall-kuntrarju, żewġ fatturi sinifikanti jindikaw li t-tariffa mħallsa minn AoG ma tistax titqies bħala prezz stabbilit mill-forzi tas-suq:

    (a)

    L-ewwel indikazzjoni tirreferi għall-imġieba ta’ PPC. Fil-fatt, malli setgħet tinħeles mill-kostrinġiment legali impost mill-istatuti tal-1960 li jistabbilixxu l-privileġġi għal AoG, PPC ħadet id-deċiżjoni li tiċċaqlaq immedjatament lil hinn mit-tariffa preferenzjali u bdiet timponi r-rata standard tal-klijenti industrijali l-kbar. Dan jintwera bir-rinunzja ta’ PPC notifikata lil AoG fi Frar 2004 (ara l-paragrafu 8 fuq). Il-Kummissjoni tqis li dan jikkostitwixxi indikazzjoni tajba li t-tariffa stabbilita mill-istatuti tal-1960 ma tirriflettix il-prezz tas-suq għal PPC;

    (b)

    It-tieni indikazzjoni tirriżulta minn Deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni. Fis-16 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni approvat sussidju ta’ massimu ta’ EUR 178 miljun, biex jingħataw mill-Greċja lil PPC (kawża N133/2001 (5)). L-għan tas-sussidju kien li jippermetti li PPC tiġi kkumpensata għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati li kellha tħallas fil-kuntest tat-tariffa preferenzjali tal-1960 favur AoG, sal-iskadenza tagħha f’Marzu 2006. Is-sussidju ġie approvat bħala li ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lil PPC, minħabba li dan kien biss kumpens għal żvantaġġ li kellha ġġarrab. Id-deċiżjoni inkludiet ukoll kumment li jekk is-sussidju kellu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna, din kienet tkun għajnuna favur AoG u mhux favur PPC. Bħala konklużjoni, din id-deċiżjoni tirrikonoxxi li PPC kellha tħallas tariffa preferenzjali favur AoG li ma kienx ikollha tħallas f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ għal AoG jikkonsisti fid-differenza bejn it-tariffa standard għall-konsumaturi industrijali l-kbar (li AoG kienet tħallas fin-nuqqas tat-tariffa speċjali “preferenzjali”) u t-tariffa mħallsa minn AoG bejn Jannar 2007 u Marzu 2008.

    (b)   Riżorsi tal-Istat

    (28)

    L-ipprezzar aktar baxx irriżulta fi dħul imnaqqas għal PPC. PPC SA hija kumpanija kkontrollata mill-Istat. L-Istat Grieg għandu 51 % tal-ishma u l-kumpanija hija ssorveljata mill-Ministeru Grieg għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (il-Ministeru tal-Finanzi sal-2009). L-Istat Grieg jista’ jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-Bord u huwa rappreżentat direttament fl-Assemblea Ġenerali mill-Ministru Grieg għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (il-Ministru tal-Finanzi sal-2009). Għalhekk, huma involuti r-riżorsi tal-istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni tal-estensjoni hija attribwibbli lill-Istat Grieg, peress li ġiet adottata minn qorti Griega, li hija korp statali.

    (29)

    B’hekk, il-kriterju tar-riżorsi tal-istat huwa sodisfatt.

    (c)   Selettività

    (30)

    It-tariffa preferenzjali kienet applikata biss għal AoG, għalhekk din tal-aħħar ibbenefikat b’mod selettiv mill-miżura. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija selettiva.

    (d)   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

    (31)

    AoG hija attiva f’setturi li l-prodotti tagħhom huma negozjati b’mod mifrux bejn l-Istati Membri. Hemm produzzjoni tal-aluminju f’disa’ Stati Membri minbarra l-Greċja, jiġifieri fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit (6). Il-produzzjoni tal-elettriku teżisti fl-Istati Membri bħala attività ekonomika liberalizzata. Meta l-għajnuna mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fil-livell tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawk l-impriżi l-oħra għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati minn dik l-għajnuna. Għalhekk, il-kriterju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa tabilħaqq sodisfatt.

    (32)

    La l-Greċja u lanqas il-benefiċjarju ma kkontestaw dan il-punt.

    (e)   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna fil-miżura 1

    (33)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tariffa preferenzjali tal-elettriku lil AoG tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur din tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna tammonta għal EUR 17,4 miljun, li huma d-differenza bejn (a) id-dħul ta’ PPC mit-tariffa standard li kellha tiġi applikata matul il-perjodu Jannar 2007-Marzu 2008, jiġifieri EUR 148,8 miljun, u (b) id-dħul ta’ PPC mit-tariffa li fil-fatt ġiet applikata fl-istess perjodu, jiġifieri EUR 131,4 miljun.

    (f)   Il-miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna illegali

    (34)

    AoG targumenta li l-ewwel deċiżjoni tal-qorti ta’ Jannar 2007 ma nvolvietx emenda sostanzjali fil-ftehim preferenzjali inizjali (ara l-Paragrafu 16 hawn fuq). Għalhekk, skont AoG, id-deċiżjoni ma tatx għajnuna ġdida lil AoG u l-miżura tal-prezzijiet tal-elettriku preferenzjali baqgħet bħala għajnuna eżistenti.

    (35)

    Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ AoG. It-termini inizjali tar-rata preferenzjali, li kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, ipprovdew li l-għajnuna kienet tispiċċa f’Marzu 2006 bil-kundizzjoni li PPC tat l-avviż dovut. Ladarba sar dan, l-għajnuna eżistenti waqfet, kif meħtieġ skont it-termini tal-għoti inizjali tar-rata preferenzjali. Kwalunkwe għoti ta’ rata mnaqqsa tal-elettriku li jissodisfa d-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (bħalma hu l-każ hawnhekk) huwa għalhekk għajnuna ġdida, irrispettivament mill-fatt li t-termini tiegħu jistgħu jkunu simili għall-miżura preċedenti ta’ għajnuna eżistenti. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika b’mod ċar li l-estensjoni tal-għajnuna eżistenti tikkostitwixxi għajnuna ġdida u għandha tiġi notifikata (7). A fortiori, dan huwa l-każ ukoll meta għajnuna eżistenti li tkun intemmet tiġi attivata mill-ġdid bosta xhur wara.

    (36)

    Peress li din l-għajnuna ġdida ma kinitx notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, din hija illegali.

    Miżura 2:   Estensjoni tan-netwerk tal-gass lil AoG

    (a)   Vantaġġ

    (37)

    L-investigazzjoni wriet li d-deċiżjoni li n-netwerk jiġi estiż wasslet għal żieda konsiderevoli fid-dħul għall-NGSO minn imposti fuq l-utent. Fil-fatt, il-klijenti bħal AoG għandhom iħallsu imposti lill-NGSO talli jużaw in-netwerk. Il-Kummissjoni sabet li l-miżura, jiġifieri l-bini tal-pipeline, kienet ekonomikament razzjonali għall-operatur tan-netwerk u konsegwentement ma kienet tinvolvi ebda vantaġġ għal AoG. Fil-fatt, operatur privat tan-netwerk kieku kien iwettaq l-istess investiment.

    (38)

    Skont is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni tosserva li l-investiment inkwistjoni jiġġenera dħul annwali mill-imposti fuq l-utent ta’ EUR 11,6 miljun għall-NGSO. Il-Kummissjoni qabblet dan l-ammont mal-ispiża tal-investiment (investiment ta’ darba) u l-ispejjeż operattivi (fuq bażi annwali) tal-pipeline, sabiex tivverifika jekk l-investiment huwiex konformi mal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk dan jiġġenerax dħul adegwat għall-investitur.

    (39)

    Skont is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Griegi, l-ispiża tal-investiment tal-pipeline ta’ AoG kienet ta’ EUR 12,64 miljun b’kollox (EUR 9,04 miljun imħallsa mill-NGSO u EUR 3,6 miljun iffinanzjati mill-appoġġ Komunitarju, kif deskritt fil-punt 14 hawn fuq). Minbarra l-ispiża tal-investiment ta’ darba, l-ispejjeż operattivi annwali huma stmati għal EUR 0,933 miljun. Għalhekk, huwa ċar li d-dħul annwali ta’ EUR 11,6 miljun jipprovdi lill-NGSO b’redditu għoli ħafna. Il-perjodu ta’ ħlas lura tal-investiment (inkluża l-parti ffinanzjata mill-appoġġ Komunitarju) huwa inqas minn 15-il xahar. Ir-redditu fuq l-investiment (IRR — Rata Interna ta’ Redditu) jekk wieħed jassumi, ipotetikament, perjodu ta’ sfruttament ta’ 20 sena għall-konnessjoni tal-gass, huwa ta’ 84 %. Fid-dawl tal-livell għoli tiegħu, il-Kummissjoni hija sodisfatta li r-redditu kien ikun biżżejjed biex jagħti motivazzjoni lil investitur privat biex jagħmel l-istess investiment (8). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-Istat biex jestendi n-netwerk tal-gass ma tatx vantaġġ lil AoG li ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tikseb fit-termini tas-suq.

    (40)

    B’hekk, il-kriterju tal-vantaġġ mhuwiex sodisfatt. Konsegwentement, mhuwiex meħtieġ li ssir evalwazzjoni ulterjuri tal-kriterji l-oħra li għandhom jiġu sodisfatti sabiex miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (b)   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna fil-miżura 2

    (41)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-estensjoni tan-netwerk tal-gass ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur AoG fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    V(b)   KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

    Ġenerali

    (42)

    Safejn il-miżura 1 tikkostitwixxi mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-kompatibbiltà tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu.

    (43)

    L-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE jipprovdu għal eżenzjonijiet mir-regola ġenerali li l-għajnuna mill-Istat mhix kumpatibbli mas-suq intern, li hija stabbilita fl-Artikolu 107(1).

    Eżenzjoni taħt l-Artikolu 107(2) tat-TFUE

    (44)

    L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE ma japplikawx fil-każ preżenti minħabba li din il-miżura m’għandhiex karattru soċjali, ma ngħatatx lil konsumaturi individwali, mhix imfassla biex tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali, u ma ngħatatx lill-ekonomija ta’ ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milquta mid-diviżjoni ta’ dak il-pajjiż.

    Eżenzjoni taħt l-Artikolu 107(3) tat-TFUE

    (45)

    Eżenzjonijiet oħra huma stabbiliti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE. L-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b), (d) u (e) evidentement mhumiex applikabbli, u ma ġewx invokati mill-awtoritajiet Griegi. F’dan li ġej, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà potenzjali tal-miżura 1 taħt l-Artikolu 107(3)(a) u (c).

    (46)

    L-Artikolu 107(3)(a) jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg” tista’ tiġi ddikjarata kumpatibbli mas-suq intern. AoG tinsab f’żona eliġibbli għall-għajnuna taħt l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, u għalhekk potenzjalment tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna reġjonali.

    (47)

    Il-Linji Gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali applikabbli fiż-żmien tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, jiġifieri f’Jannar 2007 (“il-Linji Gwida dwar Għajnuna Reġjonali 2006” (9)) jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ għajnuna tal-investiment reġjonali.

    (48)

    Il-Linji Gwida dwar Għajnuna Reġjonali 2006 jiddefinixxu l-għajnuna operattiva bħala għajnuna bil-għan li tnaqqas l-ispejjeż attwali ta’ kumpanija. Skont il-Linji Gwida, tista’ tingħata għajnuna operattiva f’reġjuni eliġibbli taħt id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) sakemm (i) din tkun ġustifikata fit-termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u (ii) il-livell tagħha jkun proporzjonali għall-iżvantaġġi li tipprova ttaffi, u huwa f’idejn l-Istat Membru biex juru l-eżistenza u l-importanza ta’ kwalunkwe żvantaġġi (il-paragrafu 76).

    (49)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-ispejjeż attwali mhumiex kapitali iżda ġeneralment spejjeż rikorrenti meħtieġa għat-tħaddim ta’ negozju. F’dan is-sens, it-tariffa preferenzjali tal-elettriku applikata għal AoG naqqset l-ispejjeż attwali tagħha. B’hekk, din tikkostitwixxi għajnuna operattiva, li ma kinitx awtorizzata taħt il-Linji Gwidi ta’ Għajnuna Reġjonali 2006. L-awtoritajiet Griegi ma ppreżentaw ebda evidenza biex juru li t-tnaqqis fit-tariffa tal-elettriku kien ġustifikat f’dak li jirrigwarda l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp reġjonali, jew in-natura tiegħu, u lanqas ma wrew li dan kien proporzjonat skont kwalunkwe żvantaġġi li kien jipprova jtaffi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi ma pprovdew ebda tip ta’ kejl jew kalkolu tal-iżvantaġġi tar-reġjun u tal-livell tal-għajnuna, sabiex juru li din tal-aħħar hija proporzjonali għal dawk tal-ewwel.

    (50)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kumpatibbli taħt il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali 2006.

    (51)

    F’dak li jirrigwarda l-kompatibilità tal-għajnuna taħt ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE (10), il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq il-bażi tal-figuri finanzjarji ppreżentati mill-awtoritajiet Griegi, AoG hija impriża kbira, kif muri fil-paragrafu (7) ta’ hawn fuq. Skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, għajnuna ad hoc lil kumpaniji kbar hija eskluża mill-ambitu tar-Regolament.

    (52)

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, fejn l-għajnuna koperta mir-Regolament tingħata lil impriża kbira, l-Istat Membru għandu jikkonferma l-effett ta’ inċentiv materjali tal-għajnuna, fuq il-bażi ta’ dokument li janalizza l-vijabbiltà tal-proġett jew attività benefiċjarja, bi u mingħajr l-għajnuna. Il-Kummissjoni ma ngħatatx din l-evidenza.

    (53)

    Bħala konklużjoni, l-għajnuna mogħtija lil AoG mhix kumpatibbli taħt ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

    (54)

    L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jiddikjara li “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista’ tkun iddikjarata kumpatibbli mas-suq intern.

    (55)

    Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni fl-Artikolu 107(3)(c) ma japplikax fil-każ preżenti. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ ċerti żoni ekonomiċi, AoG tinsab f’żona eliġibbli għall-għajnuna taħt l-Artikolu 107(3)(a) u mhux taħt 107(3)(c) (11). Rigward l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, il-Kummissjoni tosserva li s-settur tal-produzzjoni tal-aluminju mhuwiex suġġett għar-regoli speċifiċi tal-għajnuna mill-Istat li jistgħu jiġu applikati lill-benefiċjarju. Ir-regoli l-oħra ta’ għajnuna mill-Istat adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) huma evidentement mhux applikabbli. B’mod partikolari, AoG mhix eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ u/jew ristrutturar. Fil-fatt, AoG ma kinitx kumpanija f’diffikultà fil-mument tal-għajnuna, peress li ma kienet tissodisfa ebda kriterju fil-Punti 9-11 tal-Linji Gwida tal-Komunità tal-1999 dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà, applikabbli fiż-żmien tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali (12). Ukoll, l-għajnuna għar-ristrutturar tiddependi fuq l-eżistenza ta’ pjan sod ta’ ristrutturar. Il-Greċja ma pprovdietx dan il-pjan ta’ ristrutturar. Bħala konklużjoni, l-għajnuna mogħtija lil AoG mhix kompatibbli taħt ir-regoli tal-għajnuna għas-salvataġġ u/jew ristrutturar.

    Konklużjoni dwar il-kompatibiltà

    (56)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tal-għajnuna inkwistjoni mhix kompatibbli mat-TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li d-differenza bejn (a) id-dħul tal-PPC mit-tariffa standard li kellu jiġi applikat għal AoG matul il-perjodu Jannar 2007-Marzu 2008 u (b) id-dħul tal-PPC mit-tariffa li fil-fatt ġiet applikata għal AoG fl-istess perjodu tikkostitwixxi għajnuna inkumpatibbli favur AoG.

    VI.   KONKLUŻJONI

    (57)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni waslet ukoll għall-konklużjoni li l-estensjoni tan-netwerk tal-gass nazzjonali ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    (58)

    L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (13) jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi rigward għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju”.

    (59)

    B’hekk, peress li l-miżura inkwistjoni hija meqjusa bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi rkuprat sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. Il-punt tat-tluq għall-irkupru għandu jkun iż-żmien meta ngħata l-vantaġġ lill-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, li għandu jħallas l-interessi fuq l-irkupru sal-irkupru effettiv.

    (60)

    L-element ta’ għajnuna inkompatibbli tal-miżura huwa d-differenza bejn (a) id-dħul tal-PPC mit-tariffa standard li kellu jiġi applikat lil AoG matul il-perjodu Jannar 2007-Marzu 2008 u (b) id-dħul tal-PPC mit-tariffa li fil-fatt ġiet applikata lil AoG fl-istess perjodu. L-ammont tal-għajnuna mogħtija għalhekk lil AoG matul dan il-perjodu huwa ta’ EUR 17,4 miljun.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 17,4 miljun mogħtija illegalment mill-Greċja lil Alumnium of Greece SA u s-suċċessur tagħha Aluminium SA bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ tariffa preferenzjali tal-elettriku hija inkompatibbli mas-suq intern.

    2.   L-estensjoni tan-netwerk tal-gass nazzjonali ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    1.   Il-Greċja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) mill-benefiċjarju.

    2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom interessi mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha ġew attwalment irkuprati.

    3.   L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (14) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (15) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

    4.   Il-Greċja għandha tħassar il-pagamenti kollha pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur min-notifika tagħha.

    Artikolu 4

    1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    l-ammont totali (interessi prinċipali u ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

    (c)

    dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

    2.   Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) ikun tlesta. Hija għandha tippreżenta immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u interessi fuq l-irkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 96, 16.4.2010, p. 7.

    (2)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (3)  Dak iż-żmien, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kien il-“Public Gas Corporation” (minn issa ’l quddiem PGC), kumpanija li 65 % hu tal-istat. Is-sistema nazzjonali tat-trażmissjoni tal-gass (inkluża l-konnessjoni ma’ AoG) ġiet aktar tard trasferita lill-“Operatur Nazzjonali tas-Sistema tal-Gass” (minn issa ’l quddiem NGSO), stabbilit fit-30 ta’ Marzu 2007 bħala 100 % sussidjarju ta’ PGC.

    (4)  B’mod partikolari l-Programm Operattiv “Kompetittività”, Assi 7 “Enerġija u żvilupp sostenibbli”, Miżura 7.1 “Penetrazzjoni tal-gass natural fis-settur domestiku u terzjarju, għall-konsumaturi industrijali u fis-settur tat-trasport”.

    (5)  ĠU C 9, 15.1.2003, p. 6.

    (6)  Sors: European Aluminium Association, “Aluminium use in Europe, country profiles, 2005-2008”, http://www.eaa.net.

    (7)  Kawża 70/72, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja [1973] Ġabra 813, paragrafu 14 u s-sentenza fil-Kawża C-197/99 P, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-8461, paragrafu 109.

    (8)  Għal indikazzjoni tar-redditi fis-settur tat-trażmissjoni tal-gass, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 594/09 — Għajnuna lil Gaz-System SA għan-netwerks tat-trażmissjoni tal-gass fil-Polonja, b’mod partikolari l-Punt 17: “Ir-redditu fuq il-kapital applikabbli għal Gaz-System fl-1 ta’ Ġunju 2009 jammonta għal 10,8 %”.

    (9)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

    (10)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

    (11)  Barra minn hekk, l-għajnuna reġjonali operattiva mhix awtorizzata skont 107(3)(c) TFUE.

    (12)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (13)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (14)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

    (15)  ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.


    Top