Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0301

2012/301/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Ġunju 2012 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar ċerti gassijiet serra industrijali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 3717)

ĠU L 152, 13.6.2012, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/301/oj

13.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Ġunju 2012

dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar ċerti gassijiet serra industrijali

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3717)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(2012/301/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra bid-data tat-13 ta’ Frar 2012 u skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni li d-Danimarka biħsiebha żżomm id-dispożizzjonijet nazzjonali tagħha dwar ċerti gassijiet serra industrijali li huma aktar stretti mir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1) saħansitra wara l-31 ta’ Diċembru 2012, id-data tat-tmiem tal-awtorizzazzjoni bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/62/KE (2), adottata skont l-Artikolu 95(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE) (li issa huwa l-Artikolu 114(6) TFUE).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (gassijiet F) għandu l-għan li jipprevjeni u jrażżan l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet F (HFCs, PFCs u SF6) koperti bil-Protokoll ta’ Kjoto. Fih ukoll għadd limitat ta’ projbizzjonijiet ta’ użu u tqegħid fis-suq fejn l-alternattivi tqiesu disponibbli u kosteffiċjenti fil-livell tal-Komunità u fejn it-titjib fit-trażżin u l-irkupru kien meqjus bħala mhux possibbli.

(3)

Ir-Regolament għandu bażi legali doppja, l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE (li issa huwa l-Artikolu 192(1) tat-TFUE) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha minbarra l-Artikoli 7, 8 u 9, li huma bbażati fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE (li issa huwa l-Artikolu 114 tat-TFUE) minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom f’termini tal-moviment ħieles tal-prodotti fi ħdan is-suq uniku tal-Unjoni.

(4)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Danimarka dwar ċerti gassijiet serra fluworurati ilhom mill-2002 u d-Danimarka nnotifikat dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2006. Il-projbizzjoni ġenerali fuq l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta’ prodotti ġodda li fihom il-gassijiet F hija akkumpanjata minn derogi speċifikati fl-Anness I tal-Ordni. Dawn id-derogi għandhom x’jaqsmu ma’ għadd ta’ applikazzjonijiet speċifiċi ħafna u, u għal għadd ta’ applikazzjonijiet aktar komuni, huma bbażati fuq il-kwantità ta’ gassijiet serra użati fis-sistemi rispettivi, u b’hekk jeżentaw, pereżempju, l-unitajiet ta’ refriġerazzjoni, il-pompi tas-sħana jew l-unitajiet tal-arja kundizzjonata b’ċarġ ta’ refriġerant li tvarja bejn 0,15 kg u 10 kg kif ukoll sistemi ta’ refriġerazzjoni bl-irkupru tas-sħana b’ċarġ ta’ 50 kg jew inqas. Prodotti għall-bastimenti u għall-użu militari kif ukoll l-użu tal-SF6 f’unitajiet ta’ vultaġġ għoli huma eżentati. Fit-8 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet b’referenza għall-Artikolu 95(6) tat-Trattat tal-KE (li issa huwa l-Artikolu 114(6) tat-TFUE) li tawtorizza lid-Danimarka żżomm id-dispożizzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(5)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/62/KE ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet aktar stretti, kif stipulati f’dik id-Deċiżjoni, baqgħu jgħoddu. Ir-regoli nazzjonali jibqgħu parti minn strateġija usa’ li ġiet stabbilita mid-Danimarka sabiex tilħaq il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto u l-ftehim sussegwenti dwar il-qsim tal-piżijiet adottat fil-livell tal-Unjoni. Skont dan l-arranġament, id-Danimarka ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b’21 % tul il-perjodu 2008-2012 meta mqabbel mas-sena ta’ bażi, 1990. Ġie rrapportat li l-miżuri nnotifikati kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-HFC fid-Danimarka. Fid-deċiżjonijiet adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (3), id-Danimarka ntrabtet li ulterjorment tnaqqas l-emissjonijiet b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2005.

(6)

Id-derogi previsti bl-Ordni, kif ukoll il-possibbiltà li f’każijiet speċifiċi ħafna jingħataw eżenzjonijiet individwali mill-projbizzjoni ġenerali, jiżguraw il-proporzjonalità tal-miżura. Barra minn hekk, tikkonċerna biss it-tagħmir il-ġdid u tippermetti l-użu ta’ gassijiet F għas-servisjar u l-manutenzjoni ta’ tagħmir eżistenti sabiex jiġi evitat l-abbandun mhux meħtieġ tat-tagħmir.

(7)

Filwaqt li tinnota li l-Ordni għandha implikazzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-prodotti fl-Unjoni, id-dispożizzjonijiet huma ġenerali u japplikaw bl-istess mod għall-prodotti nazzjonali u importati. Ma hemm l-ebda evidenza li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati ntużaw jew se jintużaw bħala mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja bejn l-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni. Fid-dawl tar-riskji għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tal-gassijiet F, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni tagħha li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jikkostitwux ostaklu sproporzjonat għall-funzjonament tas-suq intern b’rabta mal-għanijiet imfittxija, b’mod partikolari meta jitqiesu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni reċenti tal-applikazzjoni, l-effetti u l-adegwatezza tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 (4) li jindikaw li huma meħtieġa aktar miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet F biex jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra maqbula fl-Unjoni kollha.

(8)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-talba tar-Repubblika tad-Danimarka, imressqa fit-13 ta’ Frar 2012, biex iżżomm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha aktar stretta mir-Regolament (KE) Nru 842/2006 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u tagħmir li fihom, jew li t-tħaddim tagħhom jiddependi fuq il-gassijiet F, hija ammissibbli.

(9)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma d-Deċiżjoni 2007/62/KE tagħha li d-dispożizzjonijiet nazzjonali fl-Ordni Nru 552 tat-2 ta’ Lulju 2002:

jissodisfaw ħtiġijiet abbażi tal-ħarsien tal-ambjent,

iqisu l-eżistenza u d-disponibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi għall-applikazzjonijiet ipprojbiti fid-Danimarka,

x’aktarx li l-impatt ekonomiku li jħallu jkun limitat,

mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja,

ma jikkostitwux restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u

għaldaqstant huma kompatibbli mat-Trattat.

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li jistgħu jiġu approvati.

(10)

Il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe ħin tivvaluta mill-ġdid il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni biex tara jkunux għadhom qed jiġu ssodisfati. Dan jista’, b’mod partikolari, isir rilevanti fil-każ ta’ bidliet sostanzjali lir-Regolament (KE) Nru 842/2006 jew lid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE. Meta jitqiesu din il-possibbiltà u l-impenji fuq terminu twil tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, limitu tad-dewmien tal-approvazzjoni għal data speċifika ma jitqiesx neċessarju.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ċerti gassijiet serra fluworurati, li r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra bid-data tat-13 ta’ Frar 2012, u li huma aktar stretti mir-Regolament (KE) Nru 842/2006 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li t-tħaddim tagħhom jiddependi fuq il-gassijiet F, huma b’dan approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 130.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

(4)  Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, l-effetti u l-adegwatezza tar-Regolament dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (ir-Regolament (KE) Nru 842/2006), COM(2011) 581 finali.


Top