Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0298

    2012/298/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' Ġunju 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    ĠU L 151, 12.6.2012, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/298/oj

    12.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 151/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-7 ta' Ġunju 2012

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    (2012/298/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 153(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), (“il-Ftehim ŻEE”) fih dispożizzjonijiet u arranġamenti speċifiċi rigward kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

    (2)

    Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim tiġi estiża biex tinkludi d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) (3).

    (3)

    Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2012.

    (4)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BØDSKOV


    (1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

    (2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (3)  ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE,

    dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, (“il-Ftehim ŻEE)”, u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim tiġi estiża biex tinkludi d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) (1).

    (2)

    Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din l-estensjoni ta’ kooperazzjoni tkun tista’ sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2012,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.

    Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   L-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu sehem fil-programmi u azzjonijiet tal-Komunità msemmijin fl-ewwel żewġ inċiżi tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar 1996, fil-programm imsemmi fit-tielet inċiż tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tas-sena 2000, fil-programm imsemmi fir-raba’ inċiż tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tal-2001, fil-programmi msemmijin fil-ħames u s-sitt inċiżi tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tal-2002, fil-programmi msemmijin fis-seba’ u t-tmien inċiżi tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tal-2004, fil-programmi msemmijin fid-disa’, l-għaxar u l-ħdax-il inċiżi tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tal-2007, fil-programm imsemmi fit-tnax-il inċiż tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tal-2009 u fil-programm imsemmi fit-tlettax-il inċiż tal-paragrafu 8 mill-1 ta’ Jannar tal-2012.”

    2.

    L-inċiż li ġej jiżdied fil-paragrafu 8:

    “—

    32011 D 0940: Id-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) (ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5).”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi … dment li jkunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikoli 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

    Din għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu.

    Magħmul fi Brussell,.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Is-Segretarji għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


    (1)  ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5.

    (*)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali mhuma indikati.] [Hemm rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]


    Top