EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0247

2012/247/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Mejju 2012 li ġġib fi tmiemu l-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi l-pajpijiet u t-tubi, mingħajr saldaturi, ta’ azzar li ma jissaddadx, u li joriġinaw mill-Belarus

ĠU L 121, 8.5.2012, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/247/oj

8.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Mejju 2012

li ġġib fi tmiemu l-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi l-pajpijiet u t-tubi, mingħajr saldaturi, ta’ azzar li ma jissaddadx, u li joriġinaw mill-Belarus

(2012/247/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fis-16 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) waslilha ilment dwar id-dumping, allegatament ta’ ħsara, ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi l-pajpijiet u t-tubi, mingħajr saldaturi, ta’ azzar li ma jissaddadx, u li joriġinaw mill-Belarus (“il-pajjiż ikkonċernat”).

(2)

L-ilment tressaq mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f’dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi.

(3)

L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment ta’ antidumping.

(4)

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) bdiet proċediment ta’ antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar u li joriġinaw mill-Belarus.

(5)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni, lill-produttur esportatur fil-Belarus, lill-importaturi, u lill-awtoritajiet tal-Belarus. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jistqarru fehmiethom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta’ bidu.

(6)

Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li ppreżentaw raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

B.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(7)

Il-kwerelant irtira formalment l-ilment tiegħu permezz ta’ ittra datata s-26 ta’ Jannar 2012 u indirizzata lill-Kummissjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, meta ilment jiġi rtirat, il-proċediment jista’ jinġieb fi tmiemu, u dan kemm-il darba t-tali tmiem ta’ proċediment ikun imur kontra l-interessi tal-Unjoni.

(9)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jinġieb fi tmiemu peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda konsiderazzjonijiet li juru li dan it-tmiem imur kontra l-interessi tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu ebda kummenti li jindikaw li dan it-tmiem imur kontra l-interessi tal-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar u li joriġinaw mill-Belarus, għandu jintemm,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi, mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, esklużi l-pajpijiet u t-tubi, mingħajr saldaturi, ta’ azzar li ma jissaddadx, bi profil trasversali ċirkulari, ta’ dijametru estern li ma jaqbiżx l-406,4 mm b’Valur Ekwivalenti tal-Karbonju (CEV) li ma jaqbiżx iż-0,86 skont il-formula u l-analiżi kimika tal-Istitut Internazzjonali tal-Iwweldjar (IIW) (3), li joriġinaw mill-Belarus, u li bħalissa huma kklassifikati mal-kodiċi tan-NM ex 7304 19 10, ex 7304 19 30, ex 7304 23 00, ex 7304 29 10, ex 7304 29 30, ex 7304 31 80, ex 7304 39 58, ex 7304 39 92, ex 7304 39 93, ex 7304 51 89, ex 7304 59 92 u ex 7304 59 93, huwa b’dan miġjub fi tmiemu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 187, 28.6.2011, p. 22.

(3)  Is-CEV għandu jiġi determinat b’konformità mar-Rapport Tekniku, 1967, IIW doc. IX-535-67, ippubblikat mill-Istitut Internazzjonali tal-Iwweldjar (IIW).


Top