Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0066

2012/66/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Frar 2012 dwar ir-rikonoxximent ta’ Polski Rejestr Statków S.A. (Ir-Reġistru Marittimu Pollakk) bħala soċjetà ta’ klassifikazzjoni għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (notifikata bid-dokument numru C(2012) 431) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 33, 4.2.2012, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

⏵Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/66/oj

4.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Frar 2012

dwar ir-rikonoxximent ta’ Polski Rejestr Statków S.A. (Ir-Reġistru Marittimu Pollakk) bħala soċjetà ta’ klassifikazzjoni għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 431)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/66/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 10 (1) u l-Parti II tal-Anness VII tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters nazzjonali għat-trasportazzjoni ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri permezz ta’ passaġġi interni fuq l-ilma (2),

Billi:

(1)

Bl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2008 il-Polonja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta’ Polski Rejestr Statków S.A (minn issa ’l quddiem imsejjaħ PRS) bħala soċjetà ta’ klassifikazzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva. Il-PRS għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fil-Polonja.

(2)

Flimkien mal-applikazzjoni tagħha l-Polonja ppreżentat l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun aċċertat li ntlaħqu l-kriterji tar-rikonoxximent.

(3)

Ġiet organizzata seduta fil-laqgħa konġunta tal-esperti mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (minn issa ’l quddiem “CCNR”) dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’April 2009, li matulha l-awtorità tal-Polonja u l-PRS taw preżentazzjonijiet.

(4)

Is-segretarjat tas-CCNR ġie kkonsultat kif imsemmi fil-Parti II il-paragrafu 4 tal-Anness VII għad-Direttiva 2006/87/KE.

(5)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità ta’ PRS mal-kriterji fil-Parti I tal-Anness VII għad-Direttiva 2006/87/KE u kkonkludiet li PRS tilħaq dawn il-kriterji,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-soċjetà ta’ klassifikazzjoni PRS għandha tiġi rikonoxxuta skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/87/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istat(i) Membru(i) li għandu/għandhom il-passaġġi interni fuq l-ilma kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/87/KE u lill-Polski Rejestr Statków (Ir-Reġistru Marittimu Pollakk), al. gen. J. Hallera 126, 80-416 Gdańsk, il-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)   ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 373, 31.12.1991, p. 29.


Top