EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0051

2012/51/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Marzu 2011 dwar għajnuna mill-Istat C 39/07 implimentata mill-Italja għal Legler S.p.A. (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1758) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 27, 31.1.2012, p. 12–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/51(1)/oj

31.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Marzu 2011

dwar għajnuna mill-Istat C 39/07 implimentata mill-Italja għal Legler S.p.A.

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1758)

(Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/51/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem, it-Trattat), u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 108(2) ta’ dan,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) ta’ dan,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1),

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fil-5 t’April 2007, sitt xhur wara l-għoti ta’ għajnuna ta’ salvataġġ approvata bħala kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni (2), l-Italja nnotifikat pjan ta’ ristrutturazzjoni għal Legler S.p.A.

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni rigward il-pjan ta’ Ristrutturazzjoni (3). L-osservazzjonijiet mill-Italja waslu fit-30 ta’ Novembru 2007.

(3)

Fl-10 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda. Hija trażmettiet il-kummenti lill-Italja permezz ta’ ittra datata 3 ta’ Marzu 2008. L-Italja pprovdiet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra datata 20 ta’ Mejju 2008.

(4)

Fit-23 ta’ Lulju 2008, l-awtoritajiet Taljani rtiraw in-notifika tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni, billi ddikjaraw li l-pjan kien ġie abbandunat.

(5)

Il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni mill-awtoritajiet Taljani fit-8 t’Awwissu 2008, it-22 t’Ottubru 2008, id-9 ta’ Frar 2009, l-4 ta’ Settembru 2009 u s-17 ta’ Marzu 2010, u għal dawn l-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta’ ittri datati 26 ta’ Settembru 2008, 1 ta’ Diċembru 2008, 3 ta’ Ġunju 2009, 6 t’Ottubru 2009, 24 ta’ Frar 2010 u 20 t’April 2010.

II.   DESKRIZZJONI

II.1.   Benefiċjarju

(6)

Leger S.p.A. hija l-kumpanija possedenti ta’ grupp Taljan ta’ manifattura ta’ tessuti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala: “Legler”, “il-grupp” jew “il-kumpanija”) imwaqqfa fl-1863 li, fiż-żmien li nbdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kienet tinkludi bosta entitajiet legali, jiġifieri: Legler Ottana S.p.A., Legler Siniscola S.p.A. u Legler Macomer S.p.A.. Legler S.p.A. kellha sehem minoritarju f’Legler Maroc SA u sehem ta’ 40 % f’Legler Ottana S.p.A. Is-sehem maġġoritarju f’Legler S.p.a kien f’idejn il-kumpanija holding Piltar Ltd (minn hawn ‘il quddiem imsejħa bħala: “Piltar”).

(7)

Fl-2007, Legler impjegat 1 213-il (4) persuna u kellha impjanti fir-Reġjun ta’ Sardinja (f’Macomer – fil-provinċja ta’ Oristano, u f’Siniscola u Ottana – fil-provinċja ta’ Nuoro) u fir-Reġjun tal-Lombardija (f’Ponte San Pietro – fil-provinċja ta’ Bergamo). Il-qligħ tal-grupp kien ta’ EUR 101 miljun fl-2006 u EUR 30,9 miljun f’Settembru 2007.

(8)

L-attività ewlenija ta’ Legler kienet il-manifattura ta’ tessut tad-denim ta’ kwalità għolja, settur li fih il-kumpanija kienet attur ewlieni fl-Italja u l-Ġermanja u produttur importanti għal Franza u l-Benelux. Skont l-awtoritajiet Taljani, is-suq tad-denim jinkludi żewġ segmenti: il-prêt-à-porter għall-marki magħrufa (dan kien is-settur ewlieni ta’ Legler) u prodotti tas-suq tal-massa, fejn il-kompetizzjoni prinċipalment hija bbażata fuq il-prezzijiet. Il-kompetituri ewlenin ta’ Legler kienu bbażati fl-Italja, il-Greċja, Franza, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Ġappun. Legler beda jkollha diffikultajiet fl-2003, meta parti sinifikanti tal-produzzjoni ġiet rilokata fl-Asja jew in-Nofsinhar tal-Mediterran.

(9)

Fit-30 ta’ Mejju 2007, f’laqgħa tal-bord ta’ SFIRS S.p.A., kumpanija ta’ investiment tar-Reġjun ta’ Sardinja, ġie deċiż li SFIRS kellha tixtri mingħand Intex S.p.A., f’likwidazzjoni, għall-prezz ta’ EUR 450 000, dejn ta’ valur nominali ta’ EUR 17-il miljun li kellu jitħallas minn Legler S.p.A. u Legler Siniscola S.p.A.

(10)

Fl-istess laqgħa, SFIRS iddeċidiet ukoll li tikkonverti parti mid-dejn ta’ EUR 17-il miljun ta’ Legler, għal ammont ta’ EUR 14,5 miljun, f’parteċipazzjoni fl-ekwità ta’ Legler.

(11)

Fil-31 ta’ Mejju 2007, saret is-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità f’laqgħa tal-azzjonisti ta’ Legler. Billi kkonvertiet parti mid-dejn ta’ Legler (għal valur effettiv ta’ EUR 14,5 miljun) f’kapital ta’ Legler, SFIRS akkwistat 49 % tal-ishma ordinarji (u 100 % tal-ishma straordinarji (5)) f’Legler S.p.A. Il-51 % li kien fadal inżammu minn Piltar.

(12)

F’Jannar 2008, SFIRS iddeċidiet li tirrinunzja sehemha f’Legler S.p.A., u mill-bqija tad-dejn tal-grupp ta’ Legler, u nediet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għax-xiri konġunt tal-ekwità u d-dejn ta’ Legler.

(13)

L-offerta rebbieħa, sottomessa mill-kumpanija Ferratex s.r.l. (minn hawn ‘il quddiem imsejħa bħala: “Ferratex”) kienet ta’ ammont totali ta’ EUR 2 000 001. Skont l-awtoritajiet Taljani, dan il-prezz kien jirrifletti l-valur tas-suq tal-ammont riċevibbli totali ta’ SFIRS mingħand Legler u s-sussidjarji tagħha, li l-valur ikkalkulat tiegħu skont espert indipendenti kien ta’ EUR 2 miljun, kif ukoll il-prezz simboliku ta’ EUR 1 għall-holding ta’ SFIRS fl-ekwità ta’ Legler, ibbażata wkoll fuq stima ta’ espert indipendenti. Il-bejgħ sar fil-25 ta’ Jannar 2008.

(14)

Madankollu, Legler waqqfet l-operazzjonijiet fl-impjanti kollha tagħha fil-perjodu bejn Diċembru 2007 u Awwissu 2008 u minn dakinhar l-impjanti kollha tagħha baqgħu inattivi.

(15)

Fit-23 ta’ Lulju 2008 Legler S.p.a bidlet isimha għal Texfer S.p.A. L-ismijiet tas-sussidjarji tagħha ta’ Sardinja ġew ukoll mibdula rispettivament għal Texfer Ottana S.p.A., Texfer Siniscola S.p.A. u Texfer Macomer S.p.A.

(16)

Fit-18 t’Awwissu tal-2008 il-kumpanija possedenti tal-grupp ġiet iddikjarata insolventi mill-qorti kompetenti, u fit-13 ta’ Novembru 2008 ġiet ammessa fil-proċeduri kollettivi ta’ insolvenza magħrufa bħala “amministrazione straordinaria”, flimkien mas-sussidjarji tagħha.

(17)

Il-garanzija ta’ għajnuna ta’ salvataġġ ġiet imsejħa mill-bank ftit wara n-nuqqas min-naħa ta’ Legler li tħallas lura s-self ta’ salvataġġ sal-iskadenza. Konsegwentement, il-Ministeru kompetenti ħallas lura s-self kif ukoll l-interessi fis-16 ta’ Settembru 2008.

(18)

Fil-21 t’Ottubru 2010 Texfer S.p.A. ġiet iddikjarata falluta. Fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2010 Texfer Ottana S.p.A., Texfer Siniscola S.p.A. u Texfer Macomer S.p.A. ġew iddikjarati falluti wkoll.

Sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju

(19)

Fl-2006, l-ekwità ta’ Legler, EUR - 8,6 miljun, kienet negattiva meta mqabbla mal-valur li kien għadu pożittiv ta’ EUR 17,2 miljun fl-2005. Il-kumpanija rrapurtat telf ta’ EUR 25,9 miljun fl-2006 u ta’ EUR 28,1 miljun fl-2005. Il-qligħ tagħha kien jammonta għal EUR 101,4 miljun fl-2006 waqt li kien ta’ EUR 124,2 miljun fl-2005. L-EBITDA kien jammonta għal - 10,9 fl-2006 u - 0,7 fl-2005. L-ispejjeż tal-interessi kienu qegħdin jiżdiedu wkoll.

(20)

Fit-30 ta’ Novembru 2007, l-ekwità ta’ Legler kienet negattiva għal ammont ta’ EUR 16,3 miljun. It-telf matul il-perjodu 2003-2007 kien laħaq EUR 94,9 miljun u s-sitwazzjoni tal-kumpanija kienet qiegħda tmur għall-agħar b’pass mgħaġġel, b’telf li kien qed jiżdied u qligħ li dejjem kien qed jonqos.

(21)

Fit-13 ta’ Novembru 2008 il-grupp ġie soġġett għal proċeduri kollettivi ta’ insolvenza taħt il-liġi nazzjonali, li spiċċaw f’falliment (ara l-premessi (16) - (18)).

II.2.   Il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni

(22)

Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni (piano industriale) innotifikat mill-Italja (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ukoll “il-pjan”) kopra perjodu ta’ 3 snin (2007-2009) u kien jikkonsisti fi tliet miżuri: (i) EUR 13-il miljun fil-forma ta’ garanzija fuq perjodu medju għall-perjodu ta’ ristrutturazzjoni, li tieħu post il-garanzija ta’ 6 xhur awtorizzata bħala għajnuna ta’ salvataġġ (6), (ii) EUR 13,2 miljun fil-forma ta’ għotja diretta u (iii) EUR 13-il miljun fil-forma ta’ konverżjoni ta’ dejn f’ekwità. Madankollu, fil-31 ta’ Mejju 2007 SFIRS implimentat is-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità għal ammont nominali ta’ EUR 14,5 miljun.

(23)

Minkejja li l-awtoritajiet Taljani kienu ssottomettew pjan ta’ ristrutturazzjoni (piano industriale) għall-perjodu 2007-2009, huma sostnew li l-perjodu effettiv ta’ ristrutturazzjoni kellu jkun mill-1 ta’ Ġunju 2007 sal-aħħar tal-2012. L-unika dejta pprovduta sabiex jiġi mmappjat il-progress tar-ristrutturazzjoni tal-kumpanija mill-2009 sal-2012 kienet il-flussi tal-flus u l-evoluzzjoni tal-obbligi tal-kumpanija li għadha kif twaqqfet (NewCo).

(24)

F’dan il-perjodu usa’ ta’ żmien, l-ispejjeż ġenerali għat-twaqqif ta’ kumpanija ġdida mill-fużjoni ta’ Legler S.p.A. u s-sussidjarji ta’ Sardinja tagħha kienu jammontaw għal EUR 106,2 miljun, inklużi EUR 86,7 miljun għar-riorganizzazzjoni estensiva tal-grupp, waqt li l-bilanċ għandu jirrestawra l-kapital u jkopri t-telf.

(25)

L-attività ta’ New Co għandha tiffoka fuq in-negozju ewlieni tradizzjonali tal-kumpanija, jiġifieri d-denim ta’ kwalità għolja, billi ż-żewġ linji l-oħra ta’ produzzjoni (il-korduroj u l-qoton ċatt) għandhom jingħalqu. Il-post ġeografiku tal-grupp għandu jkun ikkonċentrat ukoll f’żewġ impjanti biss ta’ produzzjoni (Siniscola u Ottana), li jinsabu fl-istess reġjun. L-assi li jifdal għandhom jinbiegħu sabiex Legler tkun tista’ tipprovdi l-kontribut tagħha stess u tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija, it-trasport u l-persunal. L-impjant ta’ Macomer ma ġiex inkluż fil-pjan (7).

(26)

Fil-pjan kien previst ukoll id-dħul ta’ azzjonist ieħor flimkien ma’ SFIRS, u indika l-ħtieġa li jinkisbu intestaturi ta’ kreditu minn sorsi privati għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ riorganizzazzjoni.

II.3.   Raġunijiet sabiex tinbeda l-proċedura

(27)

Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni kellha dubji jekk is-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità kinitx ħielsa minn elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni kellha dubji jekk investitur privat kienx jaċċetta s-sostituzzjoni ta’ dejn b’ishma fil-kumpanija fiċ-ċirkostanzi, b’mod speċjali billi kien jidher li parti mill-attivitajiet tal-kumpanija kienu ġew sospiżi għal diversi xhur u l-awtoritajiet Taljani ma kienu ssottomettew lill-Kummissjoni l-ebda xenarju kontrafattwali li jappoġġja s-suppożizzjoni ta’ SFIRS li investiment f’Legler u l-irfigħ tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni tagħha kienu ħafna iżjed kost-effettivi mil-likwidazzjoni tal-grupp.

(28)

Għal dak li jirrigwarda l-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern fuq il-bażi tal-Community Guidelines on State Aid for Rescuing and Restructuring Firms in Difficulty  (8) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa bħala l-“Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni”), l-ewwel nett il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk id-diffikultajiet ta’ Legler setgħux jiġu solvuti minn Piltar, l-azzjonista maġġoritarju, u jekk kinitx saret allokazzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fil-grupp.

(29)

It-tieni nett, il-Kummissjoni kellha dubji jekk il-pjan kienx ikun kapaċi jirrestawra l-vijabilità fuq perjodu twil, billi kien jidher li l-privazzjoni ppjanata mill-assi u l-linji ta’ produzzjoni kienet pjuttost indeterminata u ħafna suppożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-operat futuri ma kinux realistiċi, meta wieħed jikkunsidra s-sospensjoni tal-produzzjoni ta’ Legler. Il-Kummissjoni ddubitat ukoll jekk il-miżuri kumpensatorji proposti kinux reali u kinux imorru lil hinn mill-miżuri meħtieġa sabiex tiġi restawrata l-vijabilità, jekk il-livell ta’ kontribut proprju kienx biżżejjed u jekk il-prinċipju ta’ non-rikorrenza kienx ġie rrispettat.

(30)

Finalment, il-Kummissjoni talbet lil-awtoritajiet Taljani sabiex jissottomettu informazzjoni li tikkonċerna d-dubji mqajma (l-oriġini tal-kreditu ta’ SFIRS, informazzjoni dettaljata dwar Piltar u dwar l-allokazzjoni ta’ spejjeż fil-grupp, dwar il-miżuri kumpensatorji, dwar il-probabbiltà effettiva li Legler issib azzjonist ġdid u dwar l-aċċess għall-finanzjament privat meħtieġ għal organizzazzjoni mill-ġdid ta’ Legler).

III.   KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI

(31)

B’ittra datata 14 ta’ Diċembru 2007, parti interessata ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-parti terza sostniet li l-miżuri inkwistjoni setgħu joħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u ssottolineat li s-settur kien affettwat minn kapaċità produttiva għola sew minn dak li hu meħtieġ. Hija pprovdiet figuri dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ denim madwar id-dinja għas-sena 2006, fejn uriet li kienet teżisti kapaċità żejda globali ta’ 27 %.

IV.   KUMMENTI MILL-ITALJA

(32)

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Taljani spjegaw kif SFIRS kienet saret l-azzjonista maġġoritarju f’Legler. F’Marzu tal-2007 SFIRS xtrat dejn ta’ Legler S.p.a u Legler Siniscola S.p.A. mingħand il-kumpanija Intex S.p.A., kumpanija f’likwidazzjoni, għall-prezz ta’ EUR 450 000. Fil-31 ta’ Mejju 2007 SFIRS ikkonvertiet parti minn dak id-dejn, li kellu valur nominali ta’ EUR 14,5 miljun, f’ekwità ta’ Legler, u b’hekk akkwistat 49 % tal-ishma ordinarji ta’ Legler (waqt li Piltar żammet il-51 % li kien fadal) u 100 % tal-ishma straordinarji tagħha (9).

(33)

It-tieni nett, l-awtoritajiet Taljani spjegaw li Piltar kienet sempliċement strument ikkontrollat minn persuni naturali. Kienet ġiet stabbilita esklużivament għall-għan li jinkiseb sehem f’Legler u ma kienet involuta fl-ebda attività oħra ta’ negozju. L-awtoritajiet Taljani żiedu jgħidu li Piltar kienet iċċarat żmien ilu li ma kellha l-ebda pjan li tappoġġja l-kumpanija finanzjarjament u li l-għan tagħha kien li tirrinunzja sehemha fil-grupp b’mod gradwali. Tabilħaqq, jidher li flimkien mas-sehem ta’ 49 % SFIRS kienet akkwistat id-dritt li tixtri l-51 % tal-ishma ordinarji ta’ Legler li kien fadal.

(34)

It-tielet nett, l-awtoritajiet Taljani wiegħdu li jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri kumpensatorji.

(35)

Ir-raba’ nett, l-Italja ddikjarat li s-segmenti tas-suq fil-mira tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Legler għar-restawr tal-vijabilità finanzjarja, deskritti fil-premessa (25) kienu qegħdin juru tendenzi inkuragġanti. L-awtoritajiet Taljani semmew ukoll l-intenzjoni tal-kumpanija li tiggarantixxi linji ta’ kreditu privati u azzjonista ġdid sabiex tiġi ffinanzjata parti mill-pjan, u ddikjaraw li kienu diġà ttieħdu passi f’dak ir-rigward.

(36)

Wara, bħala tweġiba għall-kummenti tal-parti terza, l-awtoritajiet Taljani ssottolineaw li s-sehem mis-suq ta’ Legler fis-sena 2006 kien jasal biss sa 0,27 %. Huma żiedu li bħala miżura kumpensatorja, il-pjan kien jinvolvi tnaqqis ta’ 22 % fil-kapaċità tal-kumpanija meta mqabbla mal-2006 u tnaqqis ta’ 40 % meta mqabbla mal-2005. Għalhekk, huma kkunsidraw li l-għajnuna ma kelliex tgħawweġ il-kompetizzjoni sal-punt li jkun kontra l-interess komuni.

(37)

Fis-sottomissjonijiet tagħhom wara l-irtirar tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-awtoritajiet Taljani sostnew li s-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità ma kellhiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat kif mifhum fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, billi SFIRS kienet aġixxiet b’konformità mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq. Skont l-awtoritajiet Taljani investitur privat kien jaġixxi bl-istess mod sabiex jevita l-falliment u jirkupra mill-inqas parti mill-kreditu tiegħu bl-iżjed mod effettiv possibbli, jiġifieri billi jikkonvertih f’kapital u jirristruttura l-kumpanija flimkien ma’ investitur privat ġdid u linja ta’ kreditu ġdida.

V.   EVALWAZZJONI

(38)

Taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (10), l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirtira n-notifika kif mifhum fl-Artikolu 2 fil-ħin qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 4 jew 7.

(39)

F’dan il-każ, fejn il-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħlaq dik il-proċedura skont l-Artikolu 8(2) tal-istess Regolament.

(40)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għotja diretta ta’ EUR 13,2 miljun ma ġietx implimentata mill-Italja u li l-Italja mhijiex se tkompli tmexxi ‘l quddiem dan il-pjan ta’ għajnuna. Billi l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ġie rtirat, il-proċedura formali ta’ investigazzjoni li nfetħet fuq din il-miżura ma għadha sservi għall-ebda għan.

(41)

Billi ż-żewġ miżuri l-oħra ta’ ristrutturazzjoni nnotifikati ġew implimentati b’mod illegali mill-Italja, sabiex tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat kif mifhum fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u jekk huwa hekk, jekk din l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern.

(42)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistabbilixxi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(43)

Fejn tkun se tingħata jew tkun ingħatat għajnuna mill-Istat kif mifhum fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat lil kumpanija f’diffikultà, il-kompatibilità ta’ din l-għajnuna għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u Ristrutturazzjoni. Konsegwentement, l-għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat biss jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

V.1.   Eżistenza ta’ għajnuna

L-estensjoni tal-garanzija ta’ għajnuna ta’ salvataġġ għad-durata kollha tal- perjodu ta’ ristrutturazzjoni

(44)

Il-garanzija ta’ għajnuna ta’ salvataġġ fl-ammont ta’ EUR 13-il miljun ma ġietx terminata mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt xhur li għalih kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni, iżda baqgħet fis-seħħ wara li ġiet irtirata n-notifika tal-pjan (ara l-premessa (17)).

(45)

L-estensjoni tal-garanzija tal-għajnuna ta’ salvataġġ ġiet notifikata bħala miżura mogħtija mir-riżorsi tal-Ministeru kompetenti, iffinanzjati mill-baġit tal-Istat. Għalhekk, ingħatat mir-riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat. Il-garanzija tikkostitwixxi vantaġġ selettiv billi hija ppermettiet lil Legler li taċċedi għal riżorsi finanzjarji li, meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, ma kienx ikollha l-possibbiltà li tikseb b’mod ieħor. Għalhekk, hija ħelset lil Legler mill-ispejjeż li kieku kien ikollha terfa’. Barra dan, billi Legler kienet qiegħda timplimenta proċess ta’ ristrutturazzjoni bl-għan li terġa’ tibda l-produzzjoni, l-għajnuna kellha l-potenzjal li tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-effett distorsiv tal-miżura ġie ssottolineat minn parti terza, li ssottolineat ukoll li s-settur isofri minn kapaċità żejda.

(46)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-estensjoni tal-garanzija tal-għajnuna ta’ salvataġġ, li hija wkoll miżura ta’ ristrutturazzjoni, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kif mifhum fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(47)

Meta tkun qiegħda tiddetermina l-ammont ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tfakkar il-paragrafu 4.1(a) tal-Avviż ta’ Garanzija (11), li jiddikjara li “għal kumpaniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element tal-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija.”

(48)

Fid-dawl tad-diffikultà finanzjarja serja ta’ Legler fiż-żmien li saret il-garanzija (telf li kien qed jiżdied, qligħ li kien qed jonqos u ekwità negattiva kif deskritt fil-premessi 19 sa 21 u 52), il-Kummissjoni tikkunsidra li kien wisq improbabbli li l-kumpanija kienet tkun kapaċi tikseb self mingħand bank fis-suq mingħajr l-intervent tal-Istat; għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ammont ta’ għajnuna jikkorrispondi għat-totalità tal-ammont tas-self (12).

Sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità

(49)

Il-Kummissjoni tosserva li s-sostituzzjoni ġiet implimentata minn SFIRS, entità pubblika li l-azzjonista ewlieni tagħha, ir-Reġjun ta’ Sardinja, jeżerċita influwenza dominanti fuq id-deċiżjonijiet tagħha (13). L-Italja qatt ma ċaħdet dan il-fatt. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat u ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Din il-miżura hija wkoll selettiva billi tiffavorixxi kumpanija waħda, Legler. Barra dan, billi l-għan ta’ Legler kien proċess ta’ ristrutturazzjoni bil-mira li tinbeda mill-ġdid il-produzzjoni, l-għajnuna potenzjalment setgħet tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. L–impatt potenzjalment distorsiv tal-miżura ġie enfasizzat ukoll fil-kummenti sottomessi minn parti terza, li ssottolineat ukoll li s-settur isofri minn kapaċità żejda.

(50)

Fit-tweġiba tagħha, l-Italja sostniet li l-miżura inkwistjoni ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ lil Legler billi, fl-opinjoni tagħha, kienet konformi mal-prinċipju tal-investitur tal-ekonomija tas-suq.

(51)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita (14), sabiex jiġi determinat jekk Legler irċevietx jew le vantaġġ mir-riżorsi tal-Istat huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk, f’ċirkostanzi simili, investitur privat b’karatteristiċi paragunabbli għal dawk ta’ SFIRS kienx ikun lest li jwettaq sostituzzjoni simili ta’ dejn għal ekwità, b’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fid-data li fiha ġiet implimentata t-tranżazzjoni.

(52)

L-ewwel nett, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Legler, il-Kummissjoni tinnota li fl-2007 il-kumpanija kellha kapital ta’ EUR 1,8 miljun u ekwità negattiva ta’ EUR - 16,2 miljun; matul il-perjodu mill-2003 sal-2007 it-telf laħaq EUR 94,9 miljun u kien jidher ċar li s-sitwazzjoni tal-kumpanija kienet sejra lura, b’telf li kien qed jiżdied u qligħ li kien qed jonqos.

(53)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li minkejja s-sitwazzjoni finanzjarja kritika deskritta fil-qosor hawn fuq, SFIRS ma wettqitx analiżi komprensiva tal-ispejjeż/benefiċċji u evalwazzjoni tar-riskji għat-tranżazzjoni. Fil-fatt, minkejja t-talbiet numerużi mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani qatt ma ssottomettew xenarju kontrafattwali ssustanzjat li juri li l-għażla ta’ SFIRS kienet preferibbli mix-xenarju tal-likwidazzjoni ta’ Legler.

(54)

Tabilħaqq, kummenti simili saru mill-Bank tal-Italja f’rapport (15) maħruġ wara investigazzjoni fl-attività ta’ SFIRS. Ir-rapport ikkritika l-imġiba ta’ SFIRS għan-nuqqas ta’ kompletezza tal-analiżi tagħha ta’ qabel tas-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità u għall-kontradizzjoni inerenti li jsir “investiment” li ma joffri l-ebda prospetti konkreti ta’ rkupru.

(55)

Irrispettivament minn din l-evalwazzoni, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kienet tali li f’ekonomija tas-suq l-ebda investitur privat raġjonevoli ma kien jidħol fi tranżazzjoni simili.

(56)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni (Piano industriale) innotifikat mill-kumpanija ma jistax jiġi kkunsidrat bħala bażi realistika sabiex tiġi prevista l-prestazzjoni futura tal-kumpanija. Il-fatt biss li l-pjan kopra parti biss mill-perjodu ta’ ristrutturazzjoni minflok il-perjodu kollu, u ma pprovda l-ebda informazzjoni dwar il-progress sussegwenti tar-ristrutturazzjoni (ara l-premessa 23), juri biċ-ċar li nuqqas bħal dan ta’ informazzjoni iddiswada lil kwalunkwe investitur privat milli jidħol fit-tranżazzjoni inkwistjoni.

(57)

It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-prospetti effettivi ta’ SFIRS li tirkupra l-flus li Legler għandha tagħtiha, billi saret azzjonista permezz tas-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità SFIRS effettivament dgħajfet il-pożizzjoni tal-pretensjoni tagħha, meta mqabbla mal-pożizzjoni tagħha ta’ qabel bħala kreditur preferenzjali.

(58)

Il-valur u l-prospetti futuri tal-investiment ta’ ekwità ta’ SFIRS fil-mument tas-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità kienu jidhru limitati żżejjed sabiex jagħmlu tajjeb għar-riskji deskritti fil-qosor hawn fuq, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja kritika tal-kumpanija. Dan ġie enfasizzat b’mod ċar minn evalwazzjoni indipendenti tal-kumpanija, li tagħtiha l-figura simbolika ta’ EUR 1.

(59)

Minn dan ta’ hawn fuq jista’ jiġi konkluż li fit-twettiq tas-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità SFIRS ma aġixxietx bħala investitur privat li kien qed jopera taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Investitur privat ma kienx jidħol għal tranżazzjoni bħal din mingħajr valutazzjoni kredibbli u realistika minn qabel li turi li kien ikun iżjed kost-effettiv li d-dejn jiġi sostitwit b’ekwità minflok ma jibqa’ kreditur preferenzjali tal-kumpanija.

(60)

Għaldaqstant, bit-twettiq tas-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità, SFIRS ipprovdiet vantaġġ lil Legler.

(61)

Minn dan isegwi li s-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kif mifhum fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(62)

Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat hija limitata għal għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi pubbliċi. L-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur tas-suq tad-dejn li SFIRS ikkonvertiet f’ekwità ta’ Legler. Għalhekk, jekk it-total tal-valur nominali tad-dejn ta’ Legler ma’ SFIRS kien ta’ EUR 17-il miljun, waqt li fil-jum ta’ qabel is-sostituzzjoni l-valur tas-suq tiegħu kien ta’ EUR 450 000, il-valur tas-suq tat-tranżazzjoni li biha SFIRS ikkonvertiet 85,3 % tal-kreditu totali tagħha, jiġifieri valur nominali ta’ EUR 14,5 miljun, f’ekwità, kien ta’ EUR 383 850 (jiġifieri 85,3 % ta’ EUR 450 000). Għalhekk, il-vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat kien ta’ EUR 383 850. Min-naħa l-oħra, il-valur nominali tal-kreditu sostitwit ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ minbarra f’termini purament ta’ kontabilità.

V.2   Kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern

(63)

Billi nstab li ż-żewġ miżuri notifikati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kif mifhum fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk din l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern.

(64)

Il-kompatibilità tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni mas-suq intern għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

(65)

Għal dak li jirrigwarda l-garanzija pubblika, sabiex tiġi evalwata l-kompatibilità tagħha għandha ssir distinzjoni min-naħa waħda bejn l-estensjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ, u min-naħa l-oħra l-provvista ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanzija fuq perjodu medju, li hija wkoll miżura ta’ ristrutturazzjoni (għad-durata tal-perjodu ta’ ristrutturazzjoni).

(66)

Għal dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ, il-punt 26 tal-Linji Gwida jipprovdi li fejn l-Istat Membru jkun issottometta pjan ta’ ristrutturazzjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-awtorizzazzjoni jew, fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata, mill-implimentazzjoni tal-miżura, l-iskadenza għar-rimborż tas-self jew għat-twaqqif tal-garanzija tiġi estiża sakemm il-Kummissjoni tilħaq id-deċiżjoni tagħha dwar il-pjan, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix li estensjoni bħal din mhijiex ġustifikata.

(67)

In-notifika tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppermettiet li l-għajnuna ta’ salvataġġ titkompla lil hinn minn 6 xhur. Madankollu, iżjed tard l-Italja rtirat din in-notifika. Skont il-punt 26 tal-Linji Gwida in-notifika ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni hija kundizzjoni sine qua non għal estensjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk, jekk pjan ta’ ristrutturazzjoni notifikat jiġi rtirat iżjed tard, l-estensjoni permessa għall-għajnuna ta’ salvataġġ għandha tintemm.

(68)

Skont il-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (il-każijiet Ernault  (16) u Huta Cynku  (17)) jekk la pjan ta’ ristrutturazzjoni u lanqas pjan ta’ likwidazzjoni ma jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni jew, bħal fil-każ preżenti, jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jkun ġie rtirat, l-estensjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ inkwistjoni ma tistax tinżamm lil hinn mid-data li fiha l-Istat Membru jkun irtira n-notifika tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

(69)

Billi l-garanzija għal perjodu medju (għad-durata tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni), maħsuba bħala għajnuna ta’ ristrutturazzjoni notifikata, kienet estensjoni tal-garanzija tal-għajnuna ta’ salvataġġ, hija kienet kompatibbli sakemm l-Italja rtirat in-notifika tagħha.

(70)

Għalhekk, il-kompatibilità tal-garanzija estiża tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern għandha tiġi evalwata mill-jum wara dak li fih l-Italja rtirat in-notifika tagħha (jiġifieri mill-24 ta’ Lulju 2008).

Eliġibbiltà tal-kumpanija għal għajnuna ta’ ristrutturazzjoni

(71)

L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil kumpanija f’diffikultà tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat biss jekk jiġu rispettati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

(72)

Skont il-punti 12(a) u 14 tal-Linji Gwida, l-impriżi f’diffikultà biss huma eliġibbli għal għajnuna ta’ ristrutturazzjoni.

(73)

Taħt il-punt 9 tal-Linji Gwida, impriża, irrispettivament mid-daqs tagħha, tiġi kkunsidrata f’diffikultà meta ma tkunx kapaċi, permezz tar-riżorsi proprji jew bil-fondi li tkun kapaċi tikseb mill-azzjonisti tagħha jew mis-suq, li twaqqaf it-telf li, mingħajr intervent minn barra min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, kważi ċertament ikun se jikkundannaha għall-għeluq tan-negozju tagħha.

(74)

Taħt il-punt 10 tal-Linji Gwida impriża tiġi kkunsidrata f’diffikultà fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ kumpanija ta’ responsabbiltà limitata, fejn iżjed min-nofs tal- kapital irreġistrat ikun sparixxa u iżjed minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef matul it-12-il xahar ta’ qabel,

(b)

fil-każ ta’ kumpanija fejn mill-inqas ċerti membri jkollhom responsabbiltà mingħajr limitu għad-dejn tal-kumpanija, fejn iżjed minn nofs il-kapital tagħha skont il-kontijiet tal-kumpanija jkun sparixxa u iżjed minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef fit-12-il xahar ta’ qabel,

(c)

tkun liema tkun it-tip ta’ kumpanija kkonċernata, fejn tilħaq il-kriterji taħt il-liġi domestika sabiex tkun is-suġġett ta’ proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza.

(75)

Isegwi mill-punt 10(a) tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni li mingħajr intervent minn barra kumpanija li jkollha telf enormi ta’ kapital irreġistrat inevitabilment ma tkunx tista’ tinnegozja iżjed fil-perjodu qasir jew medju. F’deċiżjoni li saret iktar kmieni (18) l-Kummissjoni kkonkludiet li kumpanija li jkollha ekwità negattiva tiġi kkunsidrata a fortiori bħala waħda li tkun f’diffikultà. Fis-sentenza ta’ Biria tagħha (19) l-Qorti Ġenerali kkonfermat ukoll li telf enormi ta’ kapital huwa tabilħaqq sinjal ta’ diffikultà, u li l-Kummissjoni kellha raġun li tikkonkludi li kumpanija b’ekwità negattiva hija kumpanija f’diffikultà.

(76)

Legler laħqet il-kriterju tal-punt 10(a) tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni billi kellha ekwità negattiva fis-sena 2006 (ara l-premessa (19)).

(77)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li Legler diġà kienet ikkunsidrata bħala impriża f’diffikultà kif mifhum fil-punt 10(a) tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni fit-22 ta’ Mejju 2007, meta l-għajnuna ta’ salvataġġ ġiet awtorizzata.

(78)

Minn hemm ‘il quddiem, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Legler ma marritx għall-aħjar. Fil-fatt, ġiet iddikjarata insolventi mill-qorti kompetenti fl-2008 (ara l-premessa 16).

(79)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li Legler mhijiex impriża li għadha kif inħalqet kif mifhum fil-punt 12 tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

(80)

Skont il-punt 13 tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, impriża li tkun il-proprjetà ta’ jew tittieħed minn grupp kummerċjali ikbar ma tistax bi prinċipju tibbenefika minn għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturazzjoni, minbarra meta jkun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-impriża huma intrinsiċi u mhumiex ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja ta’ spejjeż fil-grupp, u li d-diffikultajiet ikunu serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-grupp innifsu.

(81)

Il-Kummissjoni tinnota li Piltar kienet sempliċement strument kummerċjali, li l-eżerċizzju tagħha ma kien jinvolvi l-ebda attività ta’ negozju minbarra ż-żamma ta’ ishma f’Legler. L-ebda informazzjoni minn dik disponibbli għall-Kummissjoni ma tissuġġerixxi li d-diffikultajiet tal-kumpanija kienu r-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja ta’ spejjeż fil-grupp. Barra dan, billi Piltar kienet il-proprjetà sħiħa ta’ individwi privati u ma kienet involuta fl-ebda attività kummerċjali minbarra l-investiment ta’ ekwità tagħha f’Legler, ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni ta’ Legler.

(82)

Fuq il-bażi tal-preċedenti, jista’ jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 9 tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ntlaħqu.

(83)

Billi Legler hija eliġibbli għal għajnuna ta’ ristrutturazzjoni, issa għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 32 sa 51 tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni għall-kompatibilità tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni intlaħqux jew le.

Konsegwenza tal-irtirar tal-pjan fuq il-kompatibilità tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni

(84)

Madankollu, l-Italja rtirat il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ Legler, u għalhekk ma għadha impenjata għall-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni kif mifhum fil-punt 35 tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tevalwa l-għajnuna illegali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punti 32 sa 51 tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni.

(85)

Barra dan, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-garanzija pubblika u s-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità ma jistawx jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern fuq l-ebda bażi legali oħra.

VI.   KONKLUŻJONI

(86)

Il-proċedura formali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għotja diretta ta’ EUR 13,2 miljun, għandha tintemm billi l-Italja rtirat in-notifika tagħha u mgħandhiex l-intenzjoni li tkompli dan il-proġett ta’ għajnuna.

(87)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija pubblika u s-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità jaqgħu taħt l-ambitu tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(88)

Dawn iż-żewġ miżuri ġew implimentati mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(89)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta sabet li l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern il-Kummissjoni tkun kompetenti li tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat għandu jirrevokaha jew ibiddilha (20). Il-Qorti sostniet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat li jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern huwa maħsub sabiex tiġi restawrata s-sitwazzjoni eżistenti qabel (21). F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li l-għan ikun intlaħaq ladarba r-reċipjent ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk ikun qed jirrinunzja l-vantaġġ li kien qed igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tiġi restawrata (22).

(90)

Skont dak il-każ ta’ ġurisprudenza, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 (23) stabbilixxa li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

(91)

Għalhekk, billi l-miżuri disponibbli għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna llegali u mhux kompatibbli mas-suq intern, l-ammonti ta’ għajnuna ta’ dawn iż-żewġ miżuri, jiġifieri EUR 13-il miljun u EUR 383 850 rispettivament, għandhom jiġu rkuprati sabiex tiġi restawrata s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna.

(92)

F’dak li jirrigwarda l-garanzija pubblika, l-irkupru għalhekk għandu jsir mill-jum wara l-irtirar min-naħa tal-Italja tan-notifika tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni, jiġifieri mill-24 ta’ Lulju 2008, u għandha tkun tinkludi l-imgħax għall-irkupru sakemm jiġu effettivament irkuprati.

(93)

F’dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni tad-dejn bl-ekwità, is-somom li jkollhom jiġu rkuprati għandhom ikunu jinkudu l-imgħax mid-data li fiha l-għajnuna tkun tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, jiġifieri mill-31 ta’ Mejju 2007, sakemm jiġu effettivament irkuprati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Il-proċedura formali tal-investigazzjoni taħt l-Artikolu 108(2) tat-Trattat rigward l-għotja diretta ta’ EUR 13,2 miljun lill-kumpanija Legler S.p.A. hija magħluqa.

Artikolu 2

Il-garanzija pubblika li tammonta għal EUR 13-il miljun u s-sostituzzjoni tad-dejn b’ekwità ta’ EUR 383 850 rispettivament, mogħtija mill-Italja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat favur Legler S.p.A. jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.   L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom ikunu jinkludu l-imgħax sad-data tal-irkupru effettiv tagħhom.

F’dak li jirrigwarda l-garanzija pubblika, imgħax bħal dan għandu jiġi kkalkulat mill-jum wara l-irtirar min-naħa tal-Italja tan-notifika tal-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni.

F’dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni tad-dejn b’ekwità, imgħax bħal dan għandu jiġi kkalkulat mid-data li fiha l-għajnuna saret disponibbli lill-benefiċjarju.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (24) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (25) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   L-Italja għandha tikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Italja għandha tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (prinċipal u imgħax) li jkollu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda jew ippjanati sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat li jħallas lura l-għajnuna.

2.   L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irkuprata kompletament. Hija għandha tissottometti minnufih, mat-talba min-naħa tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 289, 1.12.2007, p. 22.

(2)  ĠU C 159, 12.7.2007, p. 2. L-għajnuna ta’ salvataġġ ġiet approvata għall-perjodu 5 t’Ottubru 2006 – 5 t’April 2007.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(4)  Din il-figura tirrappreżenta n-numru ta’ persuni li ħadmu full-time għall-kumpanija matul il-perjodu kollu li qed jiġi kkunsidrat.

(5)  L-ishma straordinarji taw lill-azzjonista dritt preferenzjali fl-allokazzjoni tal-profitt u l-ħlas lura tal-kapital fl-eventwalità tad-dissoluzzjoni tal-kumpanija.

(6)  jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(7)  Fil-pjan kien hemm previst pjan industrijali separat għal dan il-post.

(8)  Community Guidelines on State Aid for Rescuing and Restructuring Firms in Difficulty, (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prolongazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunià dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà, (ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3).

(9)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna hawn fuq.

(10)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(11)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji, (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(12)  Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ C 59/07 tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ lil Ixfin, (ĠU L 167, 1.7.2010, p. 39).

(13)  SFIRS S.p.A. (intermedjarju finanzjarju taħt l-Artikoli 106 u 107 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 tal-1 ta' Settembru 1993) tipprepara pjanijiet u programmi, u tfassal linji gwida tar-Reġjun Awtonomu ta’ Sardinja li l-mira tagħhom hija l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-Reġjun. SFIRS hija strument operattiv tar-Reġjun Awtonomu ta’ Sardinja li hija l-proprjetarja ta’ 93 % tal-ishma tagħha. SFIRS hija amministrata minn bord ta’ diretturi maħtura mir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardinja. Barra dan, SFIRS hija soġġetta għall-istess setgħa ta’ direzzjoni u kontroll tal-amministrazzjoni tar-Reġjun Awtonomu ta’ Sardinja.

(14)  Il-każ C-482/99 Franza v il-Kummissjoni, punt 70. Il-każ C-42/93 Spanja v il-Kummissjoni, punt 13.

(15)  Sottomess mill-Italja bħala anness mal-ittra tagħha tad-29 ta' Mejju 2009.

(16)  Il-każ C 32/05 (ex N 250/05) tal-4 t’April 2007 (ĠU L 277, 20.10.2007, p. 25).

(17)  Il-każ C 32/06 (ex N 179/06) tal-25 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 36).

(18)  C 38/07 (ex NN 45/07) Arbel Fauvet Rail SA, tas-7 t’Ottubru 2010 (ĠU C 249, 24.10.2007, p. 17).

(19)  T-102/07 Freistaat Sachsen v il-Kummissjon u T-120/07 MB Immobilien Verwaltungs and MB System & Co. (T-120/07) v il-Kummissjoni.

(20)  Il-każ C-70/72 Il-Kummissjoni v il-Ġermanja, punt 13.

(21)  Il-każijiet konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja v il-Kummissjoni, punt 75.

(22)  Il-każ C-75/97 Il-Belġju v il-Kummissjoni, punti 64-65.

(23)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(24)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(25)  ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.


Top