Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0030

    2012/832/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 10 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2010/21 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2012/30)

    ĠU L 356, 22.12.2012, p. 93–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/12/2016; Imħassar b' 32016D0035(01)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/832/oj

    22.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 356/93


    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-10 ta’ Diċembru 2012

    li temenda d-Deċìżjoni BĊE/2010/21 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew

    (BĊE/2012/30)

    (2012/832/UE)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 26.2 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (1) tistabbilixxi r-regoli għat-tħejjija tal-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

    (2)

    Artikolu 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/21 jispeċifika illi l-assunzjonijiet bażiċi tal-kontabilità ddefiniti fl-Artikolu 3 tal-Linja Gwida BĊE/2010/20 tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (2) japplikaw ukoll għall-finijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2010/21. Dan japplika inter alia għall-Artikolu 3(c) tal-Linja Gwida BĊE/2010/20 fir-rigward ta’ avvenimenti li jseħħu wara l-karta tal-bilanċ, li jistipula illi l-attiv u l-passiv jiġi aġġustat għal avvenimenti li jseħħu bejn id-data tal-karta tal-bilanċ annwali u d-data li fiha r-rapporti finanzjarji jiġu approvati mill-korpi relevanti jekk jeffettwaw il-kundizzjoni tal-attiv jew il-passiv fid-data tal-karta tal-bilanċ.

    (3)

    Jeħtieġ li jiġi ċċarat għall-kontijiet annwali tal-BĊE illi avvenimenti li jseħħu wara l-karta tal-bilanċ għandhom jiġu kkunsidrati biss sad-data li fiha jiġi awtorizzat il-ħruġ tar-rapporti finanzjarji, jiġifieri id-data li fiha l-Bord Eżekuttiv jawtorizza l-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-BĊE lill-Kunsill Governattiv għall-approvazzjoni.

    (4)

    Id-Deċiżjoni BĊE/2010/21 għandha għalhekk tiġi emendata f’dan is-sens,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emenda

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/21 huwa mibdul b’li ġej:

    “Artikolu 3

    Prinċipji bażiċi tal-kontabilità

    Il-prinċipji tal-kontabilità fundamentali ddefiniti fl-Artikolu 3 tal-Linja Gwida BĊE/2010/20 għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni. Bħala deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(c) tal-Linja Gwida BĊE/2010/20, avvenimenti li seħħew wara l-karta tal-bilanċ għandhom jiġu kkunsidrati biss sad-data li fiha jiġi awtorizzat il-ħruġ tar-rapporti finanzjarji, jiġifieri id-data li fiha l-Bord Eżekuttiv jawtorizza l-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-BĊE lill-Kunsill Governattiv għall-approvazzjoni.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Diċembru 2012.

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 35, 9.2.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 35, 9.2.2011, p. 31.


    Top