Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0019

    2012/19/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

    ĠU L 6, 10.1.2012, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/19(1)/oj

    10.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 6/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Diċembru 2011

    dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

    (2012/19/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Soġġett għall-konformità tagħhom mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (minn hawn ’il quddiem “il-Venezwela”) operaw fl-ilmijiet tal-UE fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana għal ħafna għexieren ta’ snin.

    (2)

    L-industrija tal-ipproċessar ibbażata fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark minn dawk il-bastimenti tas-sajd u għalhekk il-kontinwità ta’ dawk l-operazzjonijiet għandha tiġi żgurata.

    (3)

    Sabiex tiġi żgurata tali kontinwità hu meħtieġ li l-Unjoni tagħmel dikjarazzjoni indirizzata lill-Venezwela li tikkonferma r-rieda tagħha li toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela bil-kondizzjoni li jkunu konformi mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (minn hawn ’il quddiem “id-Dikjarazzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tad-Dikjarazzjoni jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tinnotifika/jinnotifikaw din id-Dikjarazzjoni lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SAWICKI


    Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża

    1.

    L-Unjoni Ewropea għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela biex jistadu fil-parti taż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża li tinsab aktar minn 12-il mil nawtiku mil-linji ta’ bażi, soġġett ġħall-kondizzjonijiet imniżżla f’din id-Dikjarazzjoni.

    2.

    F’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (1), il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtaru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom, meta jistadu fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni Ewropea dwar il-konservazzjoni u l-miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona.

    3.

    B’mod akar partikolari, il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom jikkonformaw ma’ kwalunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea li jispeċifikaw inter alia l-istokkijiet tal-ħut li jistgħu jkunu fil-mira, l-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati u l-proporzjon ta’ qabdiet li għandhom jiżbarkaw fil-portijiet fil-Gujana Franċiża.

    4.

    Mingħajr preġudizzju għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil bastimenti tas-sajd individwali li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela minħabba nuqqas tagħhom li jikkonformaw ma’ kawlunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ fi kwalunkwe ħin tirtira, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, l-impenn speċifiku espress f’din id-Dikjarazzjoni li tagħti opportunitajiet tas-sajd.


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.


    Top