EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1368

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1368/2011 tal- 21 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1121/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu, u r-Regolament (KE) Nru 1122/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ [dirett] għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid

ĠU L 341, 22.12.2011, p. 33–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Impliċitament imħassar minn 32014R0640

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1368/oj

22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/33


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1368/2011

tal-21 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1121/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu, u r-Regolament (KE) Nru 1122/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ [dirett] għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-punti (c), (l), u (n) tal-Artikolu 142,

Billi:

(1)

Abbażi tal-esperjenza miksuba u, b’mod partikolari, tat-titjib li sar fis-sistemi ta’ appoġġ li ntużaw mill-amministrazzjonijiet nazzjonali meta implimentaw ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (3) huwa xieraq li dawn iż-żewġ Regolamenti jittejbu u jiġu ssimplifikati fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-pagamenti diretti u tal-kontrolli relatati.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-informazzjoni disponibbli fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata tas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali bovini għal applikazzjoni għall-għajnuna għall-annimali bovini. Huwa xieraq li tiġi introdotta kjarifika dwar il-bidu tal-perjodu taż-żamma applikabbli skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009 fejn l-Istati Membri jkunu għamlu użu minn din il-possibbiltà. Barra minn hekk, dawn l-Istati Membri, għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, għandhom ikunu jistgħu jissostitwixxu l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni prevista fl-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament bil-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-parteċipazzjoni. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1121/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(3)

Ċerti definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom jiġu aġġornati. Barra minn hekk, il-pagament separat għall-frott artab previst fl-Artikolu 129 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jiġi introdott mill-2012. B’hekk, id-definizzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja [maż-żona] għandha tiġi emendata skont dan, u għandha tiġi prevista proċedura xierqa ta’ applikazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, l-Istati Membri jridu jiddeterminaw l-aħħar data sabiex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni unika. Wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni unika, il-bdiewa għandhom il-possibbiltà li jemendaw l-applikazzjoni tagħhom fl-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Il-kontrolli amministrattivi u l-verifiki fuq il-post jiddependu fuq li l-Istati Membri jkunu rċevew l-applikazzjonijiet finali. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jagħżlu li jiffissaw l-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet f’data qabel l-aħħar dati stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ikunu jistgħu jibdew u jiffinalizzaw il-kontrolli qabel. Dawn l-Istati Membri għalhekk għandhom jitħallew jistabbilixxu l-aħħar data għall-emendi għall-applikazzjoni unika f’data qabel l-aħħar data stabbilita fl-Artikolu 14(2). Madankollu, sabiex il-bdiewa jingħataw biżżejjed żmien ħalli jinnotifikaw il-bidliet li seta’ kien hemm, dik id-data ma għandhiex tkun qabel 15-il jum wara l-aħħar data ffissata mill-Istati Membri għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni unika.

(5)

Minħabba l-introduzzjoni ta’ appoġġ relatat mal-erja [maż-żona] diżakkoppjat mill-produzzjoni, il-verifiki fuq il-post f’bosta każijiet huma limitati għall-verifika tad-daqs u tal-istatus ta’ eliġibbiltà tal-erja [taż-żona] kkonċernata. Fil-parti l-kbira, dawk il-verifiki jitwettqu permezz ta’ telerilevament. Fl-istess waqt, l-Istati Membri regolarment jaġġornaw is-sistema ta’ identifikazzjoni tagħhom għall-ħbula agrikoli. Il-metodoloġija użata għal aġġornamenti bħal dawn tista’ tkun simili għat-twettiq ta’ verifiki fuq il-post permezz ta’ telerilevament. Għalhekk, fi spirtu ta’ simplifikazzjoni u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew iwettqu aġġornament sistematiku tas-sistemi ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli sabiex jużaw ir-riżultati tagħhom bħala sostituzzjoni ta’ parti mil-verifiki fuq il-post tradizzjonali. Sabiex ikun evitat li jinħoloq kwalunkwe riskju addizzjonali ta’ pagamenti irregolari, għandhom jiġu ddefiniti l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fl-Istati Membri li jagħżlu din il-possibbiltà. Dawk il-kriterji għandhom jindirizzaw, b’mod partikolari, l-intervalli u l-kopertura tal-aġġornament, kwalunkwe dettall dwar l-ortoimmaġni użati, il-kwalità mitluba tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli u r-rata massima ta’ żbalji fis-sena.

(6)

Ir-rekwiżit biex l-annimali bovini f’azjenda agrikola jkunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (4) jiġi kkontrollat permezz ta’ verifiki fuq il-post imwettqa taħt kundizzjonalità. Bħalissa, hemm ukoll obbligu li jiġu vverifikati l-annimali li għalihom ma ssir l-ebda talba għal għajnuna fil-kuntest tal-kontrolli ta’ eliġibbiltà tal-pagamenti diretti. Dan il-kontroll addizzjonali jiġi applikat biss f’dawk l-Istati Membri li għażlu li jżommu kwalunkwe pagament dirett akkoppjat għall-annimali bovini. Madankollu, sabiex ikun hemm piż ta’ kontroll indaqs fl-Istati Membri kollha u sabiex ikunu ssimplifikati l-verifiki fuq il-post għall-bdiewa u għall-awtoritajiet nazzjonali, huwa xieraq li tiġi abolita l-verifika tal-annimali li għalihom ma ssir l-ebda talba għal għajnuna fil-kuntest tal-kontrolli ta’ eliġibbiltà sakemm l-Istati Membri ma jagħmlux użu mill-possibbiltà prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.

(7)

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, fejn annimal jiġi mċaqlaq għal post ieħor matul il-perjodu taż-żamma, il-bidwi għandu jinforma lill-awtorità kompetenti. Sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ tnaqqis sproporzjonat fil-pagament, għandhom ikunu stabbiliti regoli dwar l-annimali iddeterminati bħala eliġibbli għall-pagament għall-każijiet fejn ma tkunx saret in-notifikazzjoni tal-movimenti tal-annimali iżda fejn il-annimali rilevanti jistgħu jiġu identifikati immedjatament fl-impriża tal-bidwi kkonċernat waqt il-verifika fuq il-post.

(8)

Ir-regoli dwar is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, it-traċċabbiltà tal-annimali. It-telf taż-żewġ lametti tal-widnejn ta’ annimal bovin kif ukoll it-telf ta’ kwalunkwe lametta tal-widnejn ta’ annimal ovin jew kaprin għandu jagħmel lill-annimal ineliġibbli għall-pagamenti u għandu jwassal ukoll għal tnaqqis skont l-Artikoli 65 u 66 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet fejn dawk il-annimali jistgħu jiġu identifikati b’mezzi oħrajn u fejn it-traċċabbiltà tal-annimali rilevanti għalhekk tkun żgurata.

(9)

Skont l-Artikolu 63(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, fejn annimal bovin iddikjarat għal pagament ikun tilef waħda miż-żewġ lametti tal-widnejn u jista’ jkun identifikat b’mod ċar u individwalment b’mezzi oħrajn tas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, dak l-annimal xorta jiġi inkluża fl-għadd ta’ annimali iddeterminati u b’hekk tkun eliġibbli għal pagament. Barra minn hekk, is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini b’mod ġenerali hija stabbilita sew. Għalhekk, fejn annimal bovin wieħed ikun tilef iż-żewġ lametti tal-widnejn u l-identità tiegħu tista’ tiġi stabbilita bla ebda dubju, huwa wkoll għandu jiġi inkluż fl-għadd ta’ annimali iddeterminati u b’hekk eliġibbli għall-pagament. Madankollu, dan għandu japplika biss jekk il-bidwi jkun ħa miżuri sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma titħabbar il-verifika fuq il-post u, sabiex ikun evitat kwalunkwe riskju ta’ pagamenti irregolari, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għandha tkun limitata għal annimal wieħed biss.

(10)

Ġiet implimentata sistema ġdida u mtejba għall-identifikazzjoni tal-annimali ovini u kaprini skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (5) u għalhekk huwa xieraq li tkun introdotta dispożizzjoni simili għall-annimali ovini u kaprini ddikjarati għal pagament.

(11)

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom jitħallew jipprovdu li n-notifikifazzjonijiet lill-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini jissostitwixxu n-notifikazzjoni mingħand dak il-bidwi fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ annimal waqt il-perjodu taż-żamma. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha.

(12)

Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 saru obsoleti u għandhom jitħassru.

(13)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli u l-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagament Diretti ma ppreżentawx opinjoni fil-limitu ta’ żmien iffissat mill-president tagħhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1121/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 61, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Madankollu, fejn Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, huwa għandu jiffissa d-data meta jibda l-perjodu msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.”

(2)

Fl-Artikolu 62, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, l-applikazzjoni għall-primjum għall-baqar li jreddgħu tista’ tieħu l-għamla ta’ dikjarazzjoni tal-parteċipazzjoni li għandha tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li dikjarazzjoni tal-parteċipazzjoni ppreżentata għal sena partikolari tkun valida għal sena sussegwenti jew aktar fejn l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni tal-parteċipazzjoni tibqa’ eżatta.”

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (12) huwa sostitwit bit-test li ġej:

“(12)

‘skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja’ tfisser l-iskema ta’ pagament uniku, il-pagamenti relatati mal-erja skont appoġġ speċifiku u l-iskemi ta’ għajnuna kollha stabbiliti skont it-Titoli IV u V tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, minbarra dawk stabbiliti skont it-Taqsimiet 7, 10, u 11 ta’ dak it-Titolu IV, minbarra l-pagament separat għaz-zokkor stabbilit fl-Artikolu 126 ta’ dak ir-Regolament, minbarra l-pagament separat għall-frott u l-ħxejjex stabbilit fl-Artikolu 127 ta’ dak ir-Regolament u minbarra l-pagament separat għall-frott artab stabbilit fl-Artikolu 129 ta’ dak ir-Regolament.”;

(b)

il-punt (21) huwa sostitwit bit-test li ġej:

“(21)

‘perjodu taż-żamma’ tfisser il-perjodu li matulu annimal li għalih tkun saret talba għall-għajnuna irid jinżamm fl-impriża agrikola, kif inhu previst fl-Artikolu 35(3) u fl-Artikolu 61 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 (*)

(*)  ĠU L 316, 2.12.2009, p.27.”"

(2)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2, 3 u 4 huma mħassra;

(b)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Fil-każ ta’ applikazzjoni għal pagamenti tranżitorji għall-frott u l-ħxejjex previsti fit-Taqsima 8 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-applikazzjoni unika għandha tinkludi kopja tal-kuntratt tal-ipproċessar jew tal-impenn ta’ provvista previst fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009.”;

(c)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   L-użi ta’ erja msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u dawk elenkati fl-Anness VI għal dak ir-Regolament jew l-erjas ddikjarati għall-appoġġ speċifiku previst fl-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, fejn dawk l-erjas ma għandhomx jiġu ddikjarati skont dan l-Artikolu, għandhom jiġu ddikjarati taħt intestatura separata fil-formola ta’ applikazzjoni unika.”

(3)

Fl-Artikolu 14(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Bħala deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw data qabel l-aħħar data biex jiġu nnotifikati l-emendi. Madankollu, dik id-data ma għandhiex tkun qabel 15-il jum kalendarju wara l-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni unika ffissata skont l-Artikolu 11(2).”.

(4)

Fit-Titolu II tal-Parti II, it-titolu tal-Kapitolu IV huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għajnuna lil produtturi tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli, il-pagament separat għaz-zokkor, il-pagament separat għall-frott u l-ħxejjex u l-pagament separat għall-frott artab” .

(5)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Rekwiżiti marbuta mal-applikazzjonijiet għall-għajnuna lil produtturi tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli, il-pagament separat għaz-zokkor, il-pagament separat għall-frott u l-ħxejjex u l-pagament separat għall-frott artab”;

(b)

Fil-paragrafu 1, il-frażi inizjali hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   Il-bdiewa li japplikaw għall-għajnuna lil produtturi tal-pitravi taz-zokkor u tal-kannamieli prevista fit-Taqsima 7 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, għall-pagament separat għaz-zokkor previst fl-Artikolu 126 ta’ dak ir-Regolament, għall-pagament separat għall-frott u l-ħxejjex previst fl-Artikolu 127 jew għall-pagament separat għall-frott artab previst fl-Artikolu 129 ta’ dak ir-Regolament għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna li tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja biex tkun stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna, u partikolarment:”

(6)

Fl-Artikolu 28(1), il-punt (f) huwa mħassar.

(7)

Artikolu 31a ġdid huwa inserit:

“Artikolu 31a

Verifiki fuq il-post ikkombinati

1.   Bħala deroga mill-Artikolu 31 u fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-iskema ta’ pagament uniku u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kif imsemmija fit-Titolu III u fit-Titolu V, il-Kapitolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, jiddeċiedu li jissostitwixxu l-verifiki tal-kampjun ta’ kontroll li għandhom ikunu stabbiliti abbażi tal-analiżi tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-Regolament bil-verifiki bbażati fuq l-ortoimmaġni użati għall-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli msemmija fl-Artikolu 6.

Id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tittieħed fuq il-livell nazzjonali jew fuq dak reġjonali. Reġjun għandu jinkludi l-erja kollha koperta minn sistema awtonoma ta’ identifikazzjoni waħda jew iktar għall-ħbula agrikoli.

L-Istati Membri għandhom jaġġornaw b’mod sistematiku s-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli u jivverifikaw lill-bdiewa kollha fl-erja kollha koperta minnha f’perjodu ta’ mhux iktar minn tliet snin, b'kopertura, fis-sena, ta' mill-inqas 25 % tal-ettari eliġibbli rreġistrati fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli. Madankollu, Stat Membru b’inqas minn 150 000 ettaru eliġibbli rreġistrati fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli jista’ jidderoga mir-rekwiżit ta’ kopertura minima fis-sena.

Qabel ma japplikaw dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom ikunu għamlu aġġornament komplut tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli kkonċernati fit-tliet snin preċedenti.

L-ortoimmaġni użati għall-aġġornament ma għandhomx ikollhom iktar minn 15-il xahar fid-data meta jintużaw għall-finijiet tal-aġġornament tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli kif jissemma fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli, kif ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 6(2) matul is-sentejn ta’ qabel l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun biżżejjed sabiex tkun żgurata verifika effettiva tal-kundizzjonijiet li fihom jingħataw l-għajnuniet.

3.   Ir-rata ta’ żbalji misjuba fil-kampjun aleatorju vverifikat fuq il-post ma għandhiex taqbeż it-2 % fis-sentejn ta’ qabel l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Barra minn hekk, ir-rata ta’ żbalji ma għandhiex taqbeż it-2 % matul sentejn konsekuttivi meta jiġi applikat dan l-Artikolu.

Ir-rata ta’ żbalji għandha tiġi ċċertifikata mill-Istat Membru skont il-metodoloġija mfassla fuq il-livell tal-Unjoni.

4.   L-Artikolu 35(1) għandu japplika għall-verifiki mwettqa skont il-paragrafi 1, 2 u 3.”

(8)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-ħbula agrikoli kollha li għalihom issir talba għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 73/2009.”

(9)

L-Artikolu 37 huwa mħassar.

(10)

L-Artikolu 41 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 41

Iż-żmien tal-verifiki fuq il-post

1.   Mill-inqas 60 % tar-rata minima tal-verifiki fuq il-post previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2)(b) għandhom jiġu mifruxa matul il-perjodu kollu taż-żamma tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata. Il-perċentwali tal-verifiki fuq il-post li jifdal għandu jiġi mifrux fuq is-sena kollha.

Madankollu, fejn il-perjodu taż-żamma jibda qabel ma tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-għajnuna jew fejn huwa ma jistax jiġi ffissat minn qabel, il-verifiki fuq il-post previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2)(b) għandhom jiġu mifruxa fuq is-sena kollha.

2.   Mill-inqas 50 % tar-rata minima ta’ verifiki fuq il-post prevista fl-Artikolu 30(2)(c) għandha tiġi mifruxa matul il-perjodu kollu taż-żamma. Madankollu, ir-rata minima totali tal-verifiki fuq il-post għandha titwettaq b’mod sħiħ u għandha tiġi mifruxa matul il-perjodu kollu taż-żamma fl-Istati Membri fejn is-sistema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 21/2004 li tikkonċerna l-ovini u l-kaprini, b’mod partikolari b’relazzjoni għall-identifikazzjoni tal-annimali u ż-żamma xierqa tar-reġistri, ma tkunx implimentata u applikata b’mod sħiħ.”

(11)

L-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   Il-verifiki fuq il-post għandhom jivverifikaw li l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà jkunu sodisfatti u jkopru lill-bhejjem kollha li għalihom ikunu ġew ippreżentati applikazzjonijiet għall-għajnuna, inklużi l-annimali sostitwiti matul il-perjodu taż-żamma, skont l-Artikolu 64 u li jkunu għadhom fl-impriża, skont l-iskemi ta’ għajnuna li għandhom jiġu vverifikati. Fil-każ ta’ verifiki tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali bovini u fejn l-Istat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 16(3), għandhom jiġu vverifikati anki l-annimali bovini potenzjalment eliġibbli.

Il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu, b’mod partikolari, verifika li l-għadd ta’ annimali preżenti fl-impriża li għalihom ikunu ġew ippreżentati applikazzjonijiet għall-għajnuna u, fejn ikun applikabbli, l-għadd ta’ annimali bovini potenzjalment eliġibbli ikun jikkorrispondi għall-għadd ta’ annimali imniżżla fir-reġistri u, fil-każ tal-annimali bovini, għall-għadd ta’ annimali innotifikat lill-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa mħassar;

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej.

“(d)

li l-annimali bovini jkunu identifikati permezz tal-lametti tal-widnejn, akkumpanjati, fejn japplika, b’passaporti tal-annimali u jitniżżlu fir-reġistru u jkunu ġew innotifikati kif jixraq lill-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini.

Il-verifiki msemmija fil-punt (d) jistgħu jsiru abbażi ta’ kampjun.”.

(12)

L-Artikoli 43 u 44 huma mħassra.

(13)

Fl-Artikolu 45, il-paragrafi 2 u 3 huma mħassra.

(14)

L-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jekk jinstab li l-erja ta’ grupp ta’ uċuħ tar-raba’ ddeterminata tkun akbar minn dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-għajnuna.”;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Mingħajr ħsara għal tnaqqis u esklużjonijiet skont l-Artikoli 58 u 60, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, jekk l-erja ddikjarata f’applikazzjoni unika tkun akbar mill-erja ddeterminata għal dak il-grupp ta’ uċuħ tar-raba’, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-erja ddeterminata għal dak il-grupp ta’ uċuħ tar-raba’.”.

(15)

Fl-Artikolu 58, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li li ġej:

“Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ uċuħ tar-raba’, l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja tkun akbar mill-erja ddeterminata skont l-Artikolu 57, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-erja ddeterminata mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ iktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja ddeterminata.”.

(16)

L-Artikoli 59 u 61 huma mħassra.

(17)

L-Artikolu 63 huwa emendat kif ġej:

(a)

Paragrafu 3a ġdid huwa inserit:

“3a.   Fejn bidwi ma jkunx informa lill-awtoritajiet kompetenti li l-annimali ġew imċaqilqa f’post ieħor waqt il-perjodu taż-żamma, kif inhu mitlub mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1), l-annimali ikkonċernati għandhom jitqiesu bħala ddeterminati jekk waqt il-verifika fuq il-post saret lokalizzazzjoni immedjata tal-annimali fl-impriża.”;

(b)

Fil-paragrafu 4, il-punt (aa) li ġej huwa inserit:

“(aa).

Fejn annimal bovin wieħed ta’ impriża jkun tilef żewġ lametti tal-widnejn, huwa għandu jitqies bħala ddeterminat sakemm dak l-annimal xorta jista’ jiġi identifikat bir-reġistru, bil-passaport tal-annimali, bil-bażi tad-dejta jew b’mezzi oħrajn stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u sakemm il-gwardjan jista’ jipprovdi evidenza li huwa jkun diġà ħa azzjoni sabiex jirrimedja għas-sitwazzjoni qabel ma tħabbret il-verifika fuq il-post;”;

(c)

Jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Annimal ovin jew kaprin li jkun tilef lametta tal-widnejn għandu jitqies bħala ddeterminat sakemm dak l-annimal xorta jista’ jiġi identifikat bl-ewwel mezz tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u sakemm ir-rekwiżiti l-oħra kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini jkunu ġew sodisfatti.”.

(18)

Fl-Artikolu 64(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi li n-notifiki lill-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini ta’ annimal li jkun ħalla l-impriża u ta’ annimali ieħor li jkun wasal fl-impriża fil-limiti ta’ żmien previsti fl-ewwel subparagrafu jistgħu jissostitwixxu l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti skont l-ewwel subparagrafu. F’dak il-każ, fejn l-Istat Membru ma jagħmilx użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 16(3), huwa għandu jiżgura ruħu bi kwalunkwe mezz li ma hemm l-ebda dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet tal-bdiewa.”.

(19)

Fl-Artikolu 65(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Fil-każ ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3), annimali potenzjalment eliġibbli li nstab li ġew identifikati jew irreġistrati b’mod mhux korrett fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini għandhom jgħoddu bħala annimali li nstabu b’irregolaritajiet.”.

(20)

Fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fejn, f’dak li jirrigwarda applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-iskema ta’ għajnuna għall-ovini/kaprini, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimal iddikjarati u dak iddeterminat skont l-Artikolu 63(3), l-Artikolu 63(3a) u l-Artikolu 63(5), l-Artikolu 65(2), l-Artikolu 65(3) u l-Artikolu 65(4) għandu japplika mutatis mutandis mill-ewwel annimal li fir-rigward tiegħu jinstabu irregolaritajiet.”.

(21)

L-Artikolu 68 huwa mħassar.

(22)

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78(2), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

fir-rigward ta’ dawk l-iskemi ta’ appoġġ li għalihom huwa ffissat limitu massimu baġitarju skont l-Artikolu 51(2), l-Artikolu 69(3), l-Artikolu 123(1) u l-Artikolu 128(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew li huwa applikat skont l-Artikolu 126(2), l-Artikolu 127(2) u l-Artikolu 129(2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istat Membru għandu jżid l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-punti (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrigwardaw is-snin tas-suq jew mal-perjodi tal-primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27.

(3)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(4)  ĠU L 204, 11.8.2000, p.1

(5)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.


Top