EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1216

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1216/2011 tal- 24 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 691/2010 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għal servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 310, 25.11.2011, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32013R0390

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1216/oj

25.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1216/2011

tal-24 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 691/2010 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għal servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (2), jistipula l-Indikaturi ta' Prestazzjoni Ewlenin (Key Performance Indicators (KPI) u miri vinkolanti dwar l-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kost-effiċjenza.

(2)

L-iffisar tal-miri tal-indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza għall-blokk nazzjonali jew funzjonali tal-ispazju tal-ajru (functional airspace block - FAB) stabbilita fl-Anness 1 għar-Regolament (UE) nru 691/2010, jinkludi: l-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza kif imkejla b'metodoloġija bbażata fuq il-Qafas tal-Istħarriġ tal-Maturità tas-Sikurezza tal-ATM; l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-gravità tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju li tippermetti rapportar armonizzat tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-Ksur Minimu tas-Separazzjoni, tal-Inkursjonijiet fuq ir-Runway u tal-Avvenimenti Tekniċi Speċifiċi tal-ATM; u r-rapportar ta' kultura ġusta.

(3)

Skont l-Anness 1 għar-Regolament (UE) Nru 691/2010, dawk il-KPIs tas-sikurezza għandhom ikunu żviluppati aktar flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Organizzazzjoni għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), u għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni qabel l-ewwel perjodu ta' referenza.

(4)

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta' Ħidma li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-EASA, tal-Eurocontrol u tal-Kummissjoni (magħrufa bħala l-“E3-Task Force”). Dak il-grupp ta' ħidma pproduċa rapport tekniku intitolat “Metrics for Safety Key Performance Indicators for the Performance Scheme” (Metrika għall-Indikaturi ta' Prestazzjoni Ewlenin tas-Sikurezza għall-Iskema ta' Prestazzjoni) Dak ir-rapport kien żviluppat iktar abbażi tal-kummenti li waslu mill-Istati Membri u mill-partijiet konċernati u jikkostitwixxi l-kunċett tekniku għal dan ir-Regolament u għall-Mezzi Aċċettabbli ta' Konformità (Acceptable Means of Compliance - AMC) u l-Materjal ta' Gwida (Guidance Material - GM) assoċjati tiegħu.

(5)

Xogħol li diġà sar fir-rigward ta' inizjattivi oħra bħall-Pjan ta' Azzjoni tas-Sikurezza tal-EASA u l-Istrument għall-Analiżi tar-Riskju u l-Qafas tal-Istħarriġ ta' Maturità ta' Sikurezza tal-Eurocontrol għandhom ikunu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-KPIs tas-sikurezza.

(6)

L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni gradwali tal-iskema ta' prestazzjoni turi li ż-żmien allokat għall-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-miri ta' prestazzjoni riveduti għandhom jiżdiedu fid-dawl tax-xogħol iġġenerat mill-valutazzjoni ddettaljata tal-pjanijiet ta' prestazzjoni u sabiex isir id-djalogu neċessarju mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u biex tkun żgurata ġustifikazzjoni xierqa tar-riżultati tal-valutazzjoni.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 691/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 691/201 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-kelma “xahrejn” hija sostitwita b' “erba' xhur”;

(b)

Fil-paragrafu 2, il-kelma “xahrejn” hija sostitwita b' “erba' xhur”;

(c)

Fil-paragrafu 3, il-kelma “xahrejn” hija sostitwita b' “erba' xhur”;

(2)

F'Anness I, il-punt 1 tat-Taqsima 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   INDIKATURI TA’ PRESTAZZJONI EWLENIN TAS-SIKUREZZA

(a)

L-ewwel KPI tas-sikurezza nazzjonali/tal-FAB għall-ewwel perjodu ta' referenza għandu jkun l-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza kif imkejla b’metodoloġija bbażata fuq il-Qafas tal-Istħarriġ tal-Maturità tas-Sikurezza tal-ATM.

Fir-rigward tal-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom u l-fornituri tas-servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, iċċertifikati biex jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru, jew servizzi ta' komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza, dan il-KPI għandu jkun imkejjel bil-livell ta' implimentazzjoni tal-Objettivi ta' Ġestjoni li ġejjin:

Politika u objettivi tas-sikurezza;

Ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza;

Assigurazzjoni tas-sikurezza;

Promozzjoni tas-sikurezza;

Kultura tas-Sikurezza.

(b)

It-tieni KPI tas-sikurezza nazzjonali/FAB għall-ewwel perjodu ta' referenza għandu jkun l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-gravità li tidher hawn taħt ibbażata fuq il-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju, għar-rapportar ta', bħala minimu, tliet kategoriji ta' okkorrenzi: il-Ksur Minimu tas-Separazzjoni, l-Inkursjonijiet fuq ir-Runway u l-Avvenimenti Tekniċi Speċifiċi tal-ATM fiċ-Ċentri ta' Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru kollha u fl-ajruporti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-metodu f’ajruporti b’inqas minn 50 000 moviment kummerċjali tat-trasport tal-ajru fis-sena.

Meta jirrapportaw l-okkorrenzi ta' hawn fuq, l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jużaw il-klassifikazzjoniijiet gravità li ġejjin:

Inċident serju.

Inċident kbir

Inċident sinifikanti

L-ebda effett fuq is-sikurezza

Mhux determinat Pereżempju informazzjoni insuffiċjenti disponibbli, jew evidenza inkonklussiva jew konflinġenti pprekludiet din id-determinazzjoni.

Ir-rapportar dwar l-applikazzjoni tal-metodu għandu jsir għal okkorrenzi individwali.

(c)

It-tielet KPI tas-sikurezza nazzjonali/FAB għall-ewwel perjodu ta' referenza għandu jkun ir-rapportar mill-Istati Membri u l-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru tagħhom permezz ta' kwestjonarju stabbilit skont il-paragrafu (e), li jkejjel il-livell ta' preżenza u l-livell korrispondenti ta' nuqqas ta' kultura ġusta.

(d)

Matul l-ewwel perjodu ta' referenza, mhu se jkun hemm l-ebda mira ta' prestazzjoni tas-sikurezza għall-UE kollha. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miri korrispondenti għal dawn il-KPIs tas-sikurezza.

(e)

Sabiex ikunu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-kejl tal-KPIs tas-sikurezza, EASA – f'konsultazzjoni mal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni – għandha tadotta qabel il-bidu tal-ewwel perjodu ta' referenza mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida f'konformità mal-proċedura adottata skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(f)

Il-Eurocontrol għandu jipprovdi b'mod puntwali, l-informazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tad-dokumenti msemmija fil-punt (e), inkluża mill-inqas l-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju u l-iżvilupp ulterjuri tagħha u d-dettalji tal-metodoloġija tal-Qafas tal-Istħarriġ tal-Maturità tas-Sikurezza u l-fatturi ta' kejl tiegħu.

(g)

Il-kejl annwali tal-KPIs imsemmi fil-punti (a) u (c) (kwestjonarji dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza u l-kultura ġusta) minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali u fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ikunu rrapportati lill-EASA għas-sena preċedenti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali qabel l-1 ta' Frar ta' kull sena. Dan il-kejl annwali għandu jintuża bħala kontribut għall-funzjonijiet ta' monitoraġġ deskritti fil-punti (h) u (i). L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jippreżentaw kwalunkwe bidla li sseħħ fil-kejl annwali tal-KPIs qabel ma jkun ippreżentat ir-rapport annwali ta' wara.

(h)

L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-kejl tal-KPIs tas-sikurezza mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, skont il-proċeduri għas-sorveljanza tas-sikurezza stabbiliti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1034/2011 (*1).

(i)

Fil-kuntest tal-ispezzjonijiet ta' standardizzazzjoni tagħha, l-EASA għandha timmonitorja l-implimentazzjoni u l-kejl tal-KPIs tas-sikurezza mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali skont il-metodi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. L-EASA għandha tinforma lill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni bl-eżitu ta' dawn l-ispezzjonijiet.

(*1)   ĠU L 271, 18.10.2011, p. 15.” "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin (20) jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.


Top