Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1206

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1206/2011 tat- 22 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 305, 23.11.2011, p. 23–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/10/2023; Imħassar b' 32023R1770

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1206/oj

    23.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/23


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1206/2011

    tat-22 ta’ Novembru 2011

    li jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni ta’ inġenji tal-ajru għas-sorveljanza fl-Ajru Uniku Ewropew

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta’ interoperabilità) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni tat mandat lill-Eurocontrol skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2) biex tiżviluppa rekwiżiti għall-prestazzjoni u l-interoperabilità tas-sorveljanza fi ħdan in-netwerk Ewropew għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (l-EATMN). Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rapport tad-9 ta’ Lulju 2010 li rriżulta minn dan il-mandat.

    (2)

    L-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru individwali għandha tkun stabbilita skont il-proċeduri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) qabel ma servizzi tat-traffiku tal-ajru li jużaw sistema ta’ sorveljanza jiġu pprovduti lill-inġenju tal-ajru.

    (3)

    Operazzjonijiet bla intoppi jiddependu fuq identifikazzjoni mhux ambigwa u kontinwa ta’ inġenji tal-ajru individwali li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali taħt ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (instrument flight rules – IFR) fl-ispazju tal-ajru kollu tal-ajru uniku Ewropew.

    (4)

    Il-metodu attwali li bih tiġi stabbilita l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru juża kodiċijiet tat-transponder tar-radar ta’ sorveljanza sekondarji diskreti ("kodiċijiet SSR"), assenjati skont il-proċeduri tal-ICAO u l-pjan ta’ navigazzjoni tal-ajru għar-reġjun Ewropew.

    (5)

    Iż-żieda fit-traffiku matul dan l-aħħar deċennju wasslet għal nuqqas abitwali ta’ kodiċijiet SSR diskreti disponibbli biex tiġi ssodisfata d-domanda matul il-perjodi tal-ogħla domanda, u għalhekk, fil-preżent, l-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru individwali fl-ispazju tal-ajru Ewropew ma tistax tiġi ggarantita.

    (6)

    Il-kapaċità operattiva inizjali għall-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għandha tintuża b’mod armonizzat fi ħdan volum definit ta’ spazju tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew sabiex titnaqqas id-domanda ġenerali għall-assenjazzjonijiet tal-kodiċijiet SSR diskreti biex tinkiseb identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru individwali.

    (7)

    Sabiex tiġi ottimizzata d-disponibilità tal-kodiċijiet SSR diskreti, għandhom jintużaw kapaċitajiet imtejba u armonizzati għall-assenjazzjoni awtomatika ta’ kodiċijiet SSR għall-inġenji tal-ajru minn dawk il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-arju li ma jkollhomx il-kapaċità li jużaw il-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali.

    (8)

    Għandha tintuża kapaċità li l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali tintuża fl-ispazju tal-ajru uniku Ewropew kollu, sabiex ma tibqax il-ħtieġa li jintużaw kodiċijiet SSR diskreti għall-identifikazzjoni tat-traffiku tal-ajru ġenerali li jopera taħt regoli tat-titjir bl-istrumenti.

    (9)

    It-tnaqqis fil-ħtieġa għal assenjazzjonijiet ta’ kodiċijiet SSR diskreti waqt l-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali jista' jiġi milħuq bl-aħjar mod mis-sistema ta’ pproċessar tal-pjanijiet tat-titjiriet inizjali integrata li tidentifika dawk it-titjiriet li huma eliġibbli għall-assenjazzjoni ta’ kodiċi ta’ konspikwità miftiehem u fuq il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jassenjaw il-kodiċi ta’ konspikwità miftiehem lil dawk it-titjiriet eliġibbli meta l-identifikazzjoni bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali taħdem b’suċċess.

    (10)

    Il-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali tista' biss tintuża għall-kisba ta’ identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jużaw sensers ta’ sorveljanza xierqa, il-funzjonalità tas-sistema tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni tad-dejta, il-funzjonalità tas-sistema tal-ipproċessar tad-dejta tat-titjiriet, il-komunikazzjonijiet tal-ajru mal-art u tal-art mal-art, il-funzjonalità tad-displej tal-kontrollur, u tipprovdi għall-proċeduri u t-taħriġ tal-persunal.

    (11)

    Il-livell ta' kemm il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jistgħu jimpjegaw attwalment il-kapaċità li jużaw il-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għat-tnaqqis tar-rekwiżit għall-assenjazzjoni ta’ kodiċijiet SSR diskreti jiddependi fuq il-livell ta’ ekwipaġġ tal-inġenju tal-ajru bil-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali, fuq kemm ir-rotot ta’ dawk l-inġenji tal-ajru huma fi ħdan kopertura kontigwa tas-sistemi li jipprovdu l-kapaċità, u fuq ir-rekwiżit ġenerali li jiġu żgurati operazzjonijiet effiċjenti u siguri.

    (12)

    Twissijiet dwar id-dupplikazzjoni mhux intenzjonali tal-assenjazzjonijiet tal-kodiċi SSR lil iktar minn inġenju wieħed tal-ajru jew iżjed għandhom jingħataw lill-kontrolluri sabiex tiġi evitata l-identifikazzjoni ħażina potenzjali tal-inġenji tal-ajru.

    (13)

    L-applikazzjoni uniformi ta’ proċeduri speċifiċi fl-ispazju tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew hija kritika għall-kisba tal-interoperabilità u ta' operazzjonijiet bla intoppi.

    (14)

    Il-bidliet kollha għall-faċilitajiet u s-servizzi li jsiru bħala riżultat tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu riflessi mill-Istati Membri fil-Pjan ta’ Navigazzjoni tal-Ajru Ewropew tal-ICAO permezz tal-proċedura normali għal emenda.

    (15)

    Dan ir-Regolament ma għandux ikopri l-operazzjonijiet u t-taħriġ militari kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

    (16)

    Bil-għan li jinżammu jew jitjiebu l-livelli ta’ sikurezza eżistenti tal-operazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jwettqu valutazzjoni tas-sigurtà inkluż l-identifikazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni tar-riskji u l-proċessi ta’ mitigazzjoni. L-implimentazzjoni armonizzata ta’ dawn il-proċessi għas-sistemi koperti minn dan ir-Regolament teħtieġ l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti tas-sigurtà speċifiċi għar-rekwiżiti kollha ta’ interoperabilità u prestazzjoni.

    (17)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-interoperabilità għandhom jiddeskrivu l-proċeduri speċifiċi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jridu jintużaw għall-valutazzjoni jew tal-konformità jew inkella tal-idoneità għall-użu tal-komponenti kif ukoll il-verifika tas-sistemi.

    (18)

    Fil-każ tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru pprovduti primarjament għal inġenji tal-ajru li jtiru bħala traffiku tal-ajru ġenerali taħt superviżjoni militari, ir-restrizzjonijiet fuq l-akkwisti jistgħu jipprevjenu l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (19)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għas-sistemi li jikkontribwixxu għall-għoti ta’ informazzjoni dwar is-sorveljanza, il-komponenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati sabiex tiġi żgurata identifikazzjoni individwali mhux ambigwa u kontinwa tal-inġenji tal-ajru fl-EATMN.

    Artikolu 2

    Ambitu

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-katina ta' sorveljanza magħmula minn:

    (a)

    komponenti tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-ajru u l-proċeduri assoċjati tagħhom;

    (b)

    sistemi ta’ sorveljanza bbażati fuq l-art, il-komponenti u l-proċeduri assoċjati tagħhom;

    (c)

    sistemi u proċeduri għas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, b’mod partikolari s-sistemi għall-ipproċessar tad-dejta tat-titjiriet, is-sistemi għall-ipproċessar tad-dejta tas-sorveljanza u s-sistemi ta’ interfaċċja bejn il-bniedem u l-magna;

    (d)

    sistemi ta’ komunikazzjoni bejn l-art u l-art u bejn l-ajru u l-art, il-komponenti u l-proċeduri assoċjati tagħhom użati għad-distribuzzjoni tad-dejta tas-sorveljanza.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-titjiriet kollha li joperaw bħala traffiku tal-ajru ġenerali skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti fl-ispazju tal-ajru definiti fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    1.

    “identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru’ tfisser grupp ta” ittri, numri jew kombinazzjoni ta’ dawn, liema grupp ikun jew identiku għal, jew l-ekwivalent kodifikat ta’ is-sinjal ta’ sejħa tal-inġenju tal-ajru li jrid jintuża f’komunikazzjonijiet tal-ajru mal-art, u li jintuża għall-identifikazzjoni fil-komunikazzjonijiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru mill-art għall-art;

    2.

    “kodiċi SSR” tfisser wieħed mill-4 096 kodiċi tal-identità tar-radar tas-sorveljanza sekondarji li jistgħu jiġu trasmessi mill-komponenti fl-arju tas-sistemi ta’ sorveljanza;

    3.

    “kodiċi SSR diskret” tfisser kodiċi tal-identità tar-radar tas-sorveljanza sekondarju b’erba’ ċifri li l-aħħar żewġ ċifri tiegħu mhumiex “00”;

    4.

    “identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali” tfisser identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru trasmessa mill-komponenti tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-ajru permezz ta’ sistema ta’ sorveljanza mill-ajru għall-art;

    5.

    “kodiċi ta’ konspikwità” tfisser kodiċi SSR individwali ddisinjat għal skopijiet speċjali;

    6.

    “titjira ta” transitu (over-flight)’ tfisser titjira li tidħol fi spazju tal-ajru definit minn settur biswit, li mbagħad taqsam l-ispazju tal-ajru definit u toħroġ mill-ispazju tal-ajru definit għal ġo settur biswit fuq barra;

    7.

    “titjira li tasal” tfisser titjira li tidħol fi spazju tal-ajru definit minn settur biswit, imbagħad taqsam l-ispazju tal-ajru definit u tinżel f’destinazzjoni fl-ispazju tal-ajru definit;

    8.

    “titjira li titlaq” tfisser titjira li toriġina f’ajrudrom fi ħdan spazju tal-ajru definit, imbagħad tgħaddi minn ġol-ispazju tal-ajru definit u jew tinżel f’ajrudrom fl-ispazju tal-ajru definit jew toħroġ mill-ispazju tal-ajru definit għal ġo settur biswit fuq barra;

    9.

    “operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża impenjata jew li toffri li timpenja ruħha f’operazzjoni ta’ inġenju tal-ajru;

    10.

    “lista ta” allokazzjonijiet tal-kodiċi’ tfisser dokument li jispeċifika d-distribuzzjoni ġenerali tal-kodiċijiet SSR lill-Istati Membri u lill-unitajiet ta-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS) li jkun hemm qbil fuqha mill-Istati Membri u li hija ppubblikata fil-pjan tan-navigazzjoni tal-ajru għar-Reġjun Ewropew tal-ICAO;

    11.

    “katina ta” sorveljanza kooperattiva’ tfisser katina ta’ sorveljanza li tirrikjedi kemm komponenti tal-art kif ukoll li jinġarru fl-ajru biex ikunu stabbiliti l-elementi tad-dejta ta’ sorveljanza;

    12.

    “sistema integrata għall-ipproċessar tal-pjan iniżjali tat-titjira” tfisser sistema fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru li permezz tagħha jiġi pprovdut servizz iċċentralizzat ta’ pproċessar u tqassim tal-ippjanar tat-titjiriet, li jittratta r-riċeviment, il-validazzjoni u t-tqassim tal-pjanijiet tat-titjiriet, fi ħdan l-ispazju tal-ajru kopert minn dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Rekwiżiti ta’ prestazzjoni

    1.   L-Istati Membri responsabbli għall-għoti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru definit fl-Anness I għandhom jiżguraw li tiġi implimentata l-kapaċità sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita identifikazzjoni unika tal-inġenji tal-ajru bl-użu tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għal:

    (a)

    mill-inqas 50 % tat-titjiriet kollha ta’ transitu tal-ispazju tal-ajru definit tal-Istat Membru individwali u;

    (b)

    mill-inqas 50 % tan-numru totali kkombinat tat-titjiriet kollha li jaslu u li jitilqu fl-ispazju tal-ajru definit tal-Istat Membru individwali.

    2.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li, mill-inqas, sat-2 ta’ Jannar 2020, il-katina ta’ sorveljanza kooperattiva jkollha l-kapaċità neċessarja sabiex tippermettilhom jistabbilixxu identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali.

    3.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jistabbilixxu l-identifikazzjoni individwali tal-inġenju tal-ajru billi jużaw il-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għandhom jiżguraw li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

    4.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jistabbilixxu l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru bl-użu ta’ kodiċijiet SSR diskreti barra mill-ispazju tal-ajru definit fl-Anness I għandhom jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

    5.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li:

    (a)

    is-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) jintużaw kif meħtieġ sabiex jappoġġjaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu;

    (b)

    sistemi jew proċeduri msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) jew proċeduri jintużaw kif meħtieġ sabiex jiġu nfurmati l-kontrolluri meta l-kodiċijiet SSR jiġu duplikati b’mod mhux intenzjonali.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    il-volumi tal-ispazju tal-ajru jiġu ddikjarati lis-servizz ċentralizzat tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ippjanar tat-titjiriet imsemmi fil-punt 1 tal-Anness II bħala appoġġ għar-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu u l-punt (b) ta' dan il-paragrafu;

    (b)

    is-sistema integrata ta’ pproċessar tal-pjanijiet tat-titjiriet inizjali tikkomunika lill-fornituri kollha affettwati tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru dawk it-titjiriet li huma eliġibbli għall-użu tal-kodiċi ta’ konspikwità msemmi fil-punt (c);

    (c)

    isir qbil dwar kodiċi ta’ konspikwità wieħed mill-Istati Membri kollha f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej għall-assenjazzjoni biss lil inġenju tal-ajru fejn l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru tiġi stabbilita bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali.

    Artikolu 5

    Rekwiżiti tas-sigurtà

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fis-sistemi eżistenti msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) jew l-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda tkun preċeduta minn valutazzjoni tas-sigurtà, inkluż l-identifikazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji, immexxija mill-partijiet ikkonċernati.

    2.   Matul il-valutazzjonijiet identifikati fil-paragrafu 1, bħala minimu għandha tingħata kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV.

    Artikolu 6

    Konformità jew idoneità għall-użu tal-komponenti

    Qabel joħorġu dikjarazzjoni ta’ konformità jew ta’ idoneità għall-użu tal-KE prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004, il-manifatturi tal-komponenti tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni, għandhom jivvalutaw il-konformità jew l-idoneità għall-użu ta’ dawk il-komponenti b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.

    Madankollu, il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandhom jitqiesu wkoll bħala proċeduri aċċettabbli għall-valutazzjoni tal-konformità tal-komponenti jekk dawn jinkludu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    Verifika tas-sistemi

    1.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jistgħu juru jew li urew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI għandhom iwettqu verifika tas-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII.

    2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li ma jistgħux juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI għandhom jissottokuntrattaw lil korp notifikat verifika tas-sistemi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1). Din il-verifika għandha titmexxa f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B tal-Anness VII.

    3.   Il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jitqiesu bħala proċeduri aċċettabbli għall-verifika tas-sistemi jekk dawn jinkludu evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 8

    Rekwiżiti addizzjonali għall-fornituri tas-servizzi tan-nagivazzjoni tal-ajru

    1.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiżguraw li l-persunal ikkonċernat kollu jkun debitament konxju tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u li jkun imħarreġ kif xieraq għall-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

    2.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom:

    (a)

    jiżviluppaw u jżommu manwali tal-operat li fihom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni neċessarji li jippermettu lill-persunal relatat kollu japplika dan ir-Regolament;

    (b)

    jiżguraw li l-manwali msemmija fil-punt (a) jkunu aċċessibbli u jinżammu aġġornati u li l-aġġornament u d-distribuzzjoni tagħhom ikunu soġġetti għal ġestjoni xierqa tal-kwalità u tal-konfigurazzjoni tad-dokumentazzjoni;

    (c)

    jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri tal-operat jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Rekwiżiti addizzjonali għall-operaturi

    1.   L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-persunal li jopera u jmantni t-tagħmir ta’ sorveljanza jkun konxju tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u li jkun mħarreġ kif xieraq għall-funzjonijiet tax-xogħol tiegħu, u li l-istruzzjonijiet dwar kif jintuża dak it-tagħmir ikunu disponibbli fil-kabina tal-pilota.

    2.   L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali tingħata meta meħtieġ għal raġunijiet operattivi kif stabbilit fl-Artikolu 4(1) u (2).

    3.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbiliment tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali msemmija fil-paragrafu 4 jikkonforma mal-punt 7 'identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru' tal-pjan tat-titjiriet imsemmi fil-punt 2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1033/2006 (5).

    4.   L-operaturi ta’ dawk l-inġenji tal-ajru li għandhom il-kapaċità li jbiddlu l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali msemmija fil-paragrafu 2 meta jkunu fl-ajru għandhom jiżguraw li l-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali ma tiġix mibdula matul it-titjira sakemm dan ma jkunx mitlub mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-arju.

    Artikolu 10

    Rekwiżiti addizzjonali għall-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti fil-pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni dwar l-ajrunawtika nazzjonali.

    Artikolu 11

    Eżenzjonijiet

    1.   Għall-każ speċifiku ta’ żoni ta’ approċċ fejn is-servizzi tat-traffiku tal-ajru jingħataw minn unitajiet militari jew taħt superviżjoni militari u meta r-restrizzjonijiet fuq l-akkwist jipprevjenu l-konformità mal-Artikolu 4(2), l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017, id-data ta’ konformità mal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali li ma għandhiex tkun aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2025.

    2.   Wara konsultazzjoni mal-Maniġer tan-Netwerk u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-eżenzjonijiet ikkomunikati taħt il-paragrafu 1 li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-EATMN.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mid-9 ta’ Frar 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

    (2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20

    (4)  ĠU L 79, 19.3.2008, p.1

    (5)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 46.


    ANNESS I

    L-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 4(1) u 4(4)

    L-ispazju tal-ajru msemmi fl-Artikolu 4(1) u 4(4) għandu jinkludi r-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar Titjir (Flight Information Regions - FIR) u r-Reġjuni Ogħla ta’ Informazzjoni dwar Titjir (Upper Flight information Regions - UIR):

    (1)

    Wien FIR;

    (2)

    Praha FIR;

    (3)

    FIR/UIR ta' Brussell;

    (4)

    FIRs ta’ Bordeaux, Brest, Marseille, Pariġi u Reims, u UIR ta’ Franza;

    (5)

    FIRs ta’ Bremen, Langen u Munchen, u UIRs ta’ Hannover u Rhein;

    (6)

    FIR ta' Athinai u UIR ta' Hellas;

    (7)

    FIR ta' Budapest;

    (8)

    FIR/UIR, ta' Brindisi, FIR/UIR ta' Milan u FIR/UIR ta' Ruma;

    (9)

    FIR ta' Amsterdam;

    (10)

    FIR ta' Bucharest.


    ANNESS II

    Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3)

    1.

    Il-volumi tal-ispazju tal-ajru fejn l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru tiġi stabbilita bl-użu tal-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali għandhom jiġu ddikjarati lis-servizz ċentralizzat tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ippjanar tat-titjiriet sabiex jiddaħħlu fis-sistema integrata ta’ pproċessar tal-pjan tat-titjiriet inizjali.

    2.

    Minbarra meta tapplika waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (3), il-kodiċijiet tal-konspikwità stabbiliti skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(6) għandhom jiġu assenjati lil inġenji tal-ajru li jitilqu jew lil inġenji tal-ajru li għalihom, skont il-punt 6, hija meħtieġa bidla tal-kodiċi, fejn japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ajru b’konnessjoni dixxendentali taqbel mal-entrata korrispondenti fil-pjan tat-titjira għal dak l-inġenju tal-ajru;

    (b)

    is-sistema integrata tal-ipproċessar tal-pjanijiet tat-titjiriet inizjali tkun ikkomunikat li l-inġenju tal-ajru huwa eliġibbli għall-assenjazzjoni tal-kodiċi tal-konspikwità.

    3.

    Il-kodiċi tal-konspikwità ma għandux jiġi assenjat lill-inġenji tal-ajru msemmija fil-punt 2 jekk tapplika xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-miżuri ta’ kontinġenza li jeħtieġu l-assenjazzjoni ta’ kodiċijiet SSR diskreti lill-inġenji tal-ajru ġew implimentati minn fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru li jesperjenza qtugħ mhux ippjanat tas-senser tas-sorveljanza tal-art;

    (b)

    miżuri ta’ kontinġenza militari eċċezzjonali jeħtieġu lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru sabiex jassenjaw kodiċijiet SSR diskreti lill-inġenji tal-ajru jew;

    (c)

    inġenju tal-ajru li huwa eliġibbli għall-assenjazzjoni tal-kodiċi tal-konspikwità stabbilit skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(6) joħroġ jew inkella jiġi żvijat ’il barra mill-volum tal-ispazju tal-ajru msemmi fil-punt (1).

    4.

    L-inġenji tal-ajru li ma jiġux assenjati l-kodiċi tal-konspikwità stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 4(6) għandhom jiġu assenjati kodiċi SSR li jikkonforma ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej.

    5.

    Meta kodiċi SSR ikun ġie assenjat lil inġenju tal-ajru, għandha ssir verifika mal-ewwel opportunità sabiex jiġi kkonfermat li l-kodiċi SSR stabbilit mill-pilota huwa identiku għal dak assenjat lit-titjira.

    6.

    Il-kodiċijiet SSR assenjati lill-inġenji tal-ajru li jkunu qegħdin jiġu trasferiti minn fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fi Stati ġirien għandhom jiġu kkontrollati awtomatikament sabiex jiġi vverifikat jekk l-assenjazzjonijiet jistgħux jinżammu f’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej.

    7.

    Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti formali, bil-kontenut minimu li ġej, mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru tal-viċinat li jkunu qed jistabbilixxu l-identifikazzjoni individwali tal-inġenji tal-ajru bl-użu ta’ kodiċijiet SSR diskreti:

    (a)

    obbligu li l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru tal-viċinat jittrasferixxu inġenji tal-ajru bil-kodiċijiet SSR diskreti vverifikati assenjati f’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u f’koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej;

    (b)

    obbligu ta’ avviż lill-unitajiet ta’ aċċettazzjoni dwar kwalunkwe irregolarità li tiġi osservata fl-operat tal-komponenti tas-sistemi ta’ sorveljanza fl-ajru.


    ANNESS III

    Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4)

    Is-sistemi individwali użati għall-assenjazzjoni tal-kodiċijiet SSR għandu jkollhom il-kapaċitajiet funzjonali li ġejjin:

    (a)

    il-kodiċijiet SSR għandhom jiġu assenjati awtomatikament lil inġenju tal-ajru b’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi miftiehma mill-Istati Membri u kkoordinata ma’ pajjiżi terzi Ewropej;

    (b)

    il-kodiċijiet SSR assenjati lil inġenju tal-ajru li jkun qiegħed jiġi ttrasferit mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fi Stati tal-viċinat għandhom jiġu kkontrollati sabiex jiġi vverifikat jekk l-assenjazzjonijiet jistgħux jinżammu b’konformità ma’ lista ta’ allokazzjoni tal-kodiċi li jkun hemm qbil dwarha bejn l-Istati Membri u kkoordinata ma’ pajjiżi terzi Ewropej;

    (ċ)

    il-kodiċijiet SSR għandhom jiġu kklassifikati f’kategoriji differenti li jippermettu assenjazzjoni tal-kodiċi differenzjata;

    (d)

    il-kodiċijiet SSR mill-kategoriji differenti msemmija fil-punt (c) għandhom jiġu assenjati skont id-direzzjonijiet tat-titjiriet;

    (e)

    assenjazzjonijiet simultanji multipli tal-istess kodiċi SSR għandhom isiru lil titjiriet li joperaw f’direzzjonijiet ħielsa minn kunflitti.


    ANNESS IV

    Ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5

    1.

    Ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni speċifikati fl-Artikolu 4(3), (4), (5)(b) u (6).

    2.

    Ir-rekwiżiti addizzjonali speċifikati fl-Artikolu 9(1), (2), (3) u (4).


    ANNESS V

    Ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-konformità jew tal-idoneità għall-użu tal-komponenti msemmija fl-Artikolu 6

    1.

    L-attivitajiet ta’ verifika tal-konformità għandhom juru l-konformità jew l-idoneità għall-użu tal-komponenti mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament filwaqt li dawn il-komponenti jkunu qed jintużaw fl-ambjent tat-test.

    2.

    Il-manifattur għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika ta’ konformità u għandu b’mod partikolari:

    (a)

    jiddetermina l-ambjent tat-test xieraq;

    (b)

    jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-komponenti fl-ambjent tat-test;

    (c)

    jivverifika li l-pjan tat-test jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti applikabbli;

    (d)

    jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u l-pjan tat-test;

    (e)

    jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;

    (f)

    iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet skont il-pjan tat-test;

    (g)

    jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.

    3.

    Il-manifattur għandu jiżgura li l-komponenti msemmija fl-Artikolu 6, integrati fl-ambjent tat-test, jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

    4.

    Malli jissodisfa t-tmiem tal-verifika ta’ konformità u ta’ idoneità għall-użu, il-manifattur għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, iħejji dikjarazzjoni ta’ konformità jew ta’ idoneità għall-użu tal-KE li tispeċifika b’mod partikolari r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament issodisfati mill-komponenti u l-kundizzjonijiet ta’ użu assoċjati tiegħu skont il-punt 3 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


    ANNESS VI

    Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) u (2)

    1.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jkollu fis-seħħ metodi ta’ rapportar stabbiliti fi ħdan l-organizzazzjoni li jiżguraw u juru l-imparzjalità u l-indipendenza ta’ ġudizzju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ verifika.

    2.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jwettaq il-verifiki bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli u jkun ħieles minn kwalunkwe pressjoni u inċentiv, b’mod partikolari ta’ tip finanzjarju, li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju tiegħu jew ir-riżultati tal-kontrolli tiegħu, b’mod partikolari minn persuni jew gruppi ta’ persuni affettwati mir-riżultati tal-verifiki.

    3.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika jkollu aċċess għat-tagħmir li jippermettilu jwettaq sew il-kontrolli meħtieġa.

    4.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika, ikollu taħriġ tekniku u vokazzjonali tajjeb, għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-verifiki li jrid iwettaq, esperjenza xierqa ta’ operazzjonijiet bħal dawn, u l-kapaċità li jħejji d-dikjarazzjonijiet, ir-rekords u r-rapporti li juru li l-verifiki twettqu.

    5.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li l-persunal involut fil-proċessi ta’ verifika huwa kapaċi jwettaq il-kontrolli tiegħu b’mod imparzjali. Ir-remunerazzjoni tiegħu ma għandhiex tiddependi fuq in-numru ta’ kontrolli mwettqa, jew fuq ir-riżultati ta’ tali kontrolli.


    ANNESS VII

    PARTI A

    Ir-rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 7(1)

    1.

    Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha turi l-konformità ta’ dawk is-sistemi mar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawk is-sistemi.

    2.

    Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha titwettaq skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.

    3.

    L-għodod tat-test użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandu jkollhom il-funzjonalitajiet xierqa.

    4.

    Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġa mill-punt (3) tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 552/2004, inklużi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;

    (b)

    ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet miksuba qabel ma bdiet tintuża s-sistema.

    5.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

    (a)

    jiddetermina l-ambjent ta’ valutazzjoni operattiva u teknika xieraq li jirrifletti l-ambjent operattiv;

    (b)

    jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva u teknika;

    (c)

    jivverifika li l-pjan tat-test jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament;

    (d)

    jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tat-test;

    (e)

    jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-istallazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;

    (f)

    iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet kif speċifikat fil-pjan tat-test;

    (g)

    jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.

    6.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiżgura li s-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) operati f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

    7.

    Malli tiġi kompletata b’mod sodisfaċenti l-verifika ta’ konformità, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom iħejju dikjarazzjoni ta’ verifika tas-sistemi tal-KE u jissottomettuha lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali flimkien mal-fajl tekniku kif meħtieġ bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.

    PARTI B

    Ir-rekwiżiti għall-verifika tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 7(2)

    1.

    Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandhom juru l-konformità ta’ dawk is-sistemi mar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament f’ambjent ta’ valutazzjoni li jirrifletti l-kuntest operattiv ta’ dawk is-sistemi.

    2.

    Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha titwettaq skont prattiki ta’ ttestjar xierqa u rikonoxxuti.

    3.

    L-għodod tat-test użati għall-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandu jkollhom il-funzjonalitajiet xierqa.

    4.

    Il-verifika tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) għandha tipproduċi l-elementi tal-fajl tekniku meħtieġa mill-punt 3 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 552/2004 inklużi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tal-implimentazzjoni;

    (b)

    ir-rapport tal-ispezzjonijiet u t-testijiet miksuba qabel ma bdiet tintuża s-sistema.

    5.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu jiddetermina l-ambjent xieraq ta’ valutazzjoni operattiva u teknika li jirrifletti l-ambjent operattiv u għandu jkollu l-attivitajiet ta’ verifika mwettqa minn korp notifikat.

    6.

    Il-korp notifikat għandu jiġġestixxi l-attivitajiet ta’ verifika u għandu b’mod partikolari:

    (a)

    jivverifika li l-pjan tat-test jiddeskrivi l-integrazzjoni tas-sistemi identifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva u teknika;

    (b)

    jivverifika li l-pjan tat-test jipprovdi kopertura sħiħa tar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà applikabbli ta’ dan ir-Regolament;

    (c)

    jiżgura l-konsistenza u l-kwalità tad-dokumentazzjoni teknika u tal-pjan tat-test;

    (d)

    jippjana l-organizzazzjoni tat-test, il-persunal, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni tal-pjattaforma tat-test;

    (e)

    iwettaq l-ispezzjonijiet u t-testijiet skont fil-pjan tat-test;

    (f)

    jikteb ir-rapport li jippreżenta r-riżultati tal-ispezzjonijiet u t-testijiet.

    7.

    Il-korp notifikat għandu jiżgura li s-sistemiidentifikati fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) operati f’ambjent ta’ valutazzjoni operattiva jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sigurtà ta’ dan ir-Regolament.

    8.

    Malli jiġu kompletati l-kompiti ta’ verifika, il-korp notifikat għandu jħejji ċertifikat ta’ konformità relatat mal-kompiti mwettqa.

    9.

    Il-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandu sussegwentement jħejji dikjarazzjoni ta’ verifika tas-sistema tal-KE u jissottomettiha lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali flimkien mal-fajl tekniku kif meħtieġ bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004.


    Top