Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1205

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2011 tat- 22 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS) 7 Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 305, 23.11.2011, p. 16–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1205/oj

    23.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/16


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1205/2011

    tat-22 ta’ Novembru 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS) 7

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu jeżistu fil-15 ta’ Ottubru 2008.

    (2)

    Fis-7 ta' Ottubru 2010, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ippubblika Emendi għall-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar – Trasferimenti tal-Assi Finanzjarji, minn hawn 'il quddiem "l-Emendi". L-Emendi huma maħsuba biex jgħinu lill-utenti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jevalwaw aħjar l-iskopertura għar-riskju relatata mat-trasferimenti tal-assi finanzjarji u l-effett ta' dawk ir-riskji fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta' entità. L-għan tagħhom huwa l-promozzjoni tat-trasparenza fir-rapportar tat-tranżazzjonijiet tat-trasferimenti, partikolarment dawk li jinvolvu t-titolizzazzjoni tal-assi finanzjarji.

    (3)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-Emendi jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulata fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] fil-qasam tal-kontabbiltà biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja [Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju] (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u lill-Kummissjoni taha l-parir li din hija bbilanċjata sew u oġġettiva.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    Standard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

    (2)

    IFRS 1 Adozzjoni tal-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju huwa emendat f'konformità mal-emendi fl-IFRS 7 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda wara t-30 ta’ Ġunju 2011.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


    ANNESS

    STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABBILTÀ

    IFRS 7

    Emendi fl-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar – Trasferimenti tal-Assi Finanzjarji

    “Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB fuq is-sit tal-internet www.iasb.org”

    EMENDI GĦAL

    Strumenti Finanzjarji tal-IFRS 7: Divulgazzjonijiet

    TRASFERMINETI TAL-ASSI FINANZJARJI

    42A

    Ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni fil-paragrafi 42B–42H marbuta mat-trasferimenti tal-assi finanzjarji jissuplimentaw ir-rekwiżiti l-oħrajn tad-divulgazzjoni ta' din l-IFRS. Entità għandha tippreżenta d-divulgazzjonijiet rekwiżiti permezz tal-paragrafi 42B-42H f'nota waħda fir-rapporti finanzjarji tagħha. Entità għandha tipprovdi d-divulgazzjonijiet rekwiżiti għall-assi finanzjarji kollha ttrasferiti li għalihom ma ġiex irtirat ir-rikonoxximent u għal kwalunkwe involviment kontinwu f'assi trasferit, li jeżisti fid-data ta' rappurtar, irrispettivament ta' meta seħħet it-tranżazzjoni relatata tat-trasferiment. Għall-finijiet li jiġu applikati r-rekwiżiti tad-divulgazzjoni f'dawk il-paragrafi, entità tittrasferixxi l-assi finanzjarju kollu jew parti minnu (l-assi finanzjarju trasferit), jekk, u jekk biss:

    (a)

    tittrasferixxi d-drittijiet kuntrattwali biex tirċievi l-flussi ta' flus ta' dak l-assi finanzjarju; jew

    (b)

    iżżomm id-drittijiet kuntrattwali biex tirċievi l-flussi ta' flus ta' dak l-assi finanzjarju, iżda tassumi obbligu kuntrattwali biex tħallas il-flussi ta' flus lil riċevitur wieħed jew aktar f'arranġament.

    42B

    Entità għandha tiddivulga informazzjoni li tgħin lill-utenti tar-rapporti finanzjarji tagħha:

    (a)

    biex jifhmu r-relazzjoni bejn l-assi finanzjarji trasferiti li għalihom ma jkunx ġie rtirat ir-rikonoxximent fl-intier tagħhom u l-obbligazzjonijiet assoċjati; u

    (b)

    biex tevalwa n-natura ta', u r-riskji assoċjati ma', l-involviment kontinwu tal-entità f'assi finanzjarji li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent.

    42C

    Għall-finijiet li jiġu applikati r-rekwiżiti tad-divulgazzjoni fil-paragrafi 42E–42H, entità jkollha involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit jekk, bħala parti mit-trasferiment, l-entità żżomm xi drittijiet kuntrattwali jew obbligi inerenti fl-assi finanzjarju trasferit jew tikseb xi drittijiet kuntrattwali jew obbligi ġodda marbuta mal-assi finanzjarju trasferit. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni fil-paragrafi 42E–42H, dawn li ġejjin ma jikkostitwixxux involviment kontinwu:

    (a)

    rappreżentazzjonijiet u garanziji normali marbuta ma' trasferiment doluż u kunċetti ta' raġonevolezza, rieda tajba u negozjar ġust li b'riżultat ta' azzjoni legali jistgħu jinvalidaw trasferiment.

    (b)

    kuntratti forward, tal-opzjoni jew oħrajn biex jerġgħu jiksbu l-assi finanzjarju trasferit li għalih il-prezz tal-kuntratt (jew il-prezz tal-eżerċizzju) ikun il-valur ġust tal-assi finanzjarju trasferit; jew

    (c)

    arranġament li bih entità żżomm id-drittijiet kuntrattwali biex tirċievi l-fluss ta' flus ta' assi finanzjarju, iżda tassumi obbligu kuntrattwali biex tħallas il-flussi ta' flus lill-entità waħda jew aktar u l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 19(a)–(c) tal-IAS 39 jintlaħqu.

    Assi finanzjarji trasferiti li għalihom ma ġiex irtirat ir-rikonoxximent fl-intier tagħhom

    42D

    Entità tista' tkun ittrasferiet assi finanzjarji b'tali mod li l-assi finanzjarji kollha jew parti minnhom ma jikkwalifikawx għall-irtirar tar-rikonoxximent. Biex tilħaq l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 42B(a), l-entità għandha tiddivulga f'kull data ta' rappurtar għal kull klassi ta' assi finanzjarji trasferiti li għalihom ma ġiex irtirat ir-rikonoxximent fl-intier tagħhom:

    (a)

    in-natura tal-assi trasferiti.

    (b)

    in-natura tar-riskji u l-gwadanji tas-sjieda li għalihom l-entità tkun skoperta.

    (c)

    deskrizzjoni tan-natura tar-relazzjoni bejn l-assi trasferiti u l-obbligazzjonijiet assoċjati, inkluż ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-trasferiment fuq l-użu tal-assi trasferiti mill-entità relatriċi.

    (d)

    meta kontroparti (kontropartijiet) għall-obbligazzjonijiet assoċjati tista' (jistgħu) jduru biss għall-assi trasferiti, għal skeda li tissettja l-valur ġust tal-assi trasferiti, il-valur ġust tal-obbligazzjonijiet assoċjati u l-pożizzjoni netta (id-differenza bejn il-valur ġust tal-assi trasferiti u l-obbligazzjonijeit assoċjati).

    (e)

    meta l-entità tkompli tirrikonoxxi l-assi kollha trasferiti, l-ammonti miżmuma fil-kotba tal-assi trasferiti u l-obbligazzjonijiet assoċjati.

    (f)

    meta l-entità tkompli tirrikonoxxi l-assi sal-firxa tal-involviment kontinwu tagħha, (ara l-paragrafi 20(c)(ii) u 30 tal-IAS 39), l-ammont totali riportat tal-assi oriġinali qabel it-trasferiment, l-ammont riportat tal-assi li l-entità tkompli tirrikonoxxi, u l-ammont riportat tal-obbligazzjonijiet assoċjati.

    Assi finanzjarji trasferiti li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent fl-intier tagħhom

    42E

    Biex tilħaq l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 42B(b), meta entità tirtira r-rikonoxximent tal-assi finanzjarji trasferiti fl-intier tagħhom (ara l-paragrafu 20(a) u (c)(i) tal-IAS 39) imma għandha involviment kontinwu fihom, l-entità għandha tiddivulga, tal-inqas, għal kull tip ta' involviment kontinwu f'kull data ta' rappurtar:

    (a)

    l-ammont riportat tal-assi u l-obbligazzjonijiet li huma rikonoxxuti fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-entità u jirrappreżentaw l-involviment kontinwu tal-entità fl-assi finanzjarji li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent, u l-entrati f'linja li fihom huwa rikonoxxut l-ammont riportat ta' dawk l-assi u l-obbligazzjonijiet.

    (b)

    il-valur ġust tal-assi u l-obbligazzjonijiet li jirrappreżentaw l-involviment kontinwu tal-entità fl-assi finanzjarji li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent.

    (c)

    l-ammont li jirrappreżenta l-aħjar l-iskopertura massima tal-entità għal telf mill-involviment kontinwu tagħha fl-assi finanzjarji li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent, u informazzjoni li turi kif tiġi determinata l-iskopertura massima għat-telf.

    (d)

    il-ħruġ mhux skontat ta' flus li jkunu jew jistgħu jkunu meħtieġa jirriakkwistaw l-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent (eż. il-prezz tal-eżerċitar fi ftehim ta' opzjoni) jew ammonti oħrajn pagabbli liċ-ċessjonarju fir-rigward tal-assi trasferiti. Jekk il-ħruġ tal-flus ikun varjabbli, l-ammont divulgat għandu jkun ibbażat fuq il-kundizzjonijiet li jeżistu f'kull data ta' rappurtar.

    (e)

    analiżi tal-maturità tal-ħruġ mhux skontat ta' flus li huma jew jistgħu jkunu meħtieġa jirriakkwistaw l-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent jew ammonti oħrajn pagabbli liċ-ċessjonarju fir-rigward tal-assi trasferiti, li turi l-maturitajiet kuntrattwali li jifdal tal-involviment kontinwu tal-entità.

    (f)

    informazzjoni kwalitattiva li tispjega u tappoġġa d-divulgazzjonijiet kwantitattivi meħtieġa f'(a)–(e).

    42F

    Entità tista' taggrega l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 42E fir-rigward ta' assi partikolari jekk l-entità għandha aktar minn tip wieħed ta' involviment kontinwu f'dak l-assi finanzjarju li għalih ġie rtirat ir-rikonoxximent, u tirrapportah taħt tip wieħed ta' involviment kontinwu.

    42G

    Barra minn hekk, entità għandha tiddivulga għal kull tip ta' involviment kontinwu:

    (a)

    il-qligħ jew telf rikonoxxut fid-data tat-trasferiment tal-assi.

    (b)

    l-introjtu u l-ispejjeż rikonoxxuti, kemm fil-perjodu ta' rappurtar u b'mod kumulattiv, mill-involviment kontinwu tal-entità fl-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent (eż. bidliet ta' valur ġust fl-istrumenti derivattivi).

    (c)

    jekk l-ammont totali ta' rikavat mill-attività tat-trasferiment (li tikkwalifika għall-irtirar tar-rikonoxximent) f'perjodu ta' rappurtar ma jkunx imqassam b'mod ekwu matul il-perjodu ta' rappurtar (eż. jekk proporzjon sostanzjali tal-ammont totali tal-attività tat-trasferiment iseħħ fil-ġranet ta' qabel l-għeluq ta' perjodu ta' rappurtar):

    (i)

    meta l-ikbar attività tat-trasferiment iseħħ matul dak il-perjodu ta' rappurtar (eż l-aħħar ħamest ijiem qabel it-tmiem tal-perjodu ta' rappurtar).

    (ii)

    l-ammont (eż. qligħ jew telf relatati) rikonoxxut mill-attività tat-trasferiment f'dik il-parti tal-perjodu ta' rappurtar, u

    (iii)

    l-ammont totali ta' rikavat minn attività ta' trasferiment f'dik il-parti tal-perjodu ta' rappurtar.

    Entità għandha tipprovdi din l-informazzjoni għal kull perjodu li għalih ikun ippreżentat rapport tal-introjtu komprensiv.

    Informazzjoni supplimentari

    42H

    Entità għandha tiddivulga kwalunkwe informazzjoni addizjonali li tikkunsidra neċessarja biex tilħaq l-għanijiet tad-divulgazzjoni fil-paragrafu 42B.

    DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

    Il-paragrafu 44M huwa miżjud

    44M

    Divulgazzjonijiet—Trasferiment tal-Assi Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7), maħruġ f'Ottubru tal-2010, tneħħa l-paragrafu 13 u ġew miżjuda l-paragrafi 42A–42H u B29–B39. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fi jew wara l-1 ta' Lulju 2011. Hija permessa applikazzjoni bikrija. Jekk entità tapplika l-emendi minn data bikrija, għandha tiddivulga dak il-fatt. Entità ma għandhiex għalfejn tipprovdi d-divulgazzjonijiet meħtieġa minn dawk l-emendi għal kwalunkwe perjodu ppreżentat li jibda qabel id-data tal-applikazzjoni inizzjali tal-emendi.

    Appendiċi B

    Gwida għall-applikazzjoni

    Wara l-paragrafu B28, jiddaħħlu l-intestaturi u l-paragrafi B29–B39.

    IRTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT (IL-PARAGRAFI 42C–42H)

    Involviment kontinwu (il-paragrafu 42C)

    B29

    Il-valutazzjoni tal-involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit għall-finijiet tar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni fil-paragrafi 42E–42H issir fil-livell tal-entità li qed tirrapporta. Pereżempju, jekk sussidjarja tittrasferixxi assi finanzjarju fejn il-kumpanija prinċipali tas-sussidjarja jkollha involviment kontinwu, lill-parti terza mhux relatata, is-sussidjarja ma tinkludix l-involviment tal-kumpanija prinċipali fil-valutazzjoni dwar jekk għandhiex involviment kontinwu fl-assi ttrasferit fir-rapporti finanzjarji awtonomi tagħha (jiġifieri meta s-sussidjarja tkun l-entità relatriċi). Madankollu, kumpanija prinċipali tkun tinkludi l-involviment kontinwu tagħha (jew dak ta' membru ieħor tal-grupp) f'assi finanzjarju trasferit mis-sussidjarja tagħha fid-determinazzjoni dwar jekk ikollhiex involviment kontinwu f'assi trasferit fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha (jiġifieri meta l-entità relatriċi tkun il-grupp).

    B30

    Entità ma jkollhiex involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit jekk, bħala parti mit-trasferiment, la żżomm xi drittijiet kuntrattwali jew obbligi inerenti fl-assi finanzjarju trasferit u lanqas takkwista xi drittijiet kuntrattwali jew obbligi ġodda marbuta mal-assi finanzjarju trasferit. Entità ma jkollhiex involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit jekk la għandha interess fil-prestazzjoni futura tal-assi finanzjarju trasferit u lanqas responsabbiltà taħt kwalunkwe ċirkostanza biex fil-futur tagħmel pagamenti fir-rigward tal-assi finanzjarju trasferit.

    B31

    L-involviment kontinwu f'assi finanzjarju trasferit jista' jirriżulta minn dispożizzjonijiet kuntrattwali fil-ftehim tat-trasferiment jew fi ftehim separat maċ-ċessjonarju jew parti terza mdaħħla f'konnessjoni mat-trasferiment.

    Assi finanzjarji trasferiti li għalihom ma ġiex irtirat ir-rikonoxximent fl-intier tagħhom

    B32

    Il-paragrafu 42D jirrikjedi divulgazzjonijiet meta parti minn jew l-assi finanzjarji trasferiti kollha ma jikkwalifikawx għall-irtirar tar-rikonoxximent. Dawk id-divulgazzjonijiet huma meħtieġa f'kull data ta' rappurtar li fiha l-entità tkompli tirrikonoxxi l-assi finanzjarji trasferiti, irrispettivmanet minn meta jkunu saru t-trasferimenti.

    Tipi ta' involviment kontinwu (il-paragrafi 42E–42H)

    B33

    Il-paragrafi 42E–42H jirrikjedu divulgazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi għal kull tip ta' involviment kontinwu fl-assi finanzjarji li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent. Entità għandha taggrega l-involviment kontinwu tagħha f'tipi li jkunu rappreżentattivi tal-iskopertura tal-entità għar-riskji. Pereżempju, entità tista' taggrega l-involviment kontinwu tagħha skont it-tip ta' strument finanzjarju (eż. garanziji jew opzjonijiet ta' eżerċizzju) jew skont it-tip ta' trasferiment (eż. il-fatturament tar-riċevibbli, titolizzazzjonijiet u self b'titoli).

    Analiżi tal-maturità għall-ħruġ mhux skontat ta' flus għar-riakkwist tal-assi trasferiti (il-paragrafu 42E(e))

    B34

    Il-paragrafu 42E(e) jirrikjedi entità biex tiddivulga analiżi tal-maturità tal-ħruġ mhux skontat ta' flus għar-riakkwist tal-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent jew ammonti oħrajn pagabbli liċ-ċessjonarju fir-rigward tal-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent, li juri l-maturitajiet kuntrattwali li jifdal tal-involviment kontinwu tal-entità. Din l-analiżi tiddistingwi l-flussi tal-flus li huma meħtieġa biex jitħallsu (eż. il-kuntratti forward), flussi ta' flus li l-entità tista' tkun meħtieġa tħallas (eż. opzjonijiet put bil-miktub) u flussi ta' flus li l-entità tista' tagħżel li tħallas (eż. opzjonijiet ta’ eżerċizzju akkwistati).

    B35

    Entità għandha tuża l-ġudizzju tagħha biex tiddetermina għadd xieraq ta' twieqi ta' żmien meta tipprepara l-analiżi tal-maturità meħtieġa skont il-paragrafu 42E(e). Pereżempju, entità tista’ tiddetermina li dawn it-twieqi ta’ żmien tal-maturità li ġejjin huma xierqa:

    (a)

    mhux iktar tard minn xahar,

    (b)

    iktar tard minn xahar iżda mhux iktar tard minn tliet xhur;

    (c)

    iktar tard minn tliet xhur iżda mhux iktar tard minn sitt xhur;

    (d)

    iktar tard minn sitt xhur iżda mhux iktar tard minn sena;

    (e)

    iktar tard minn sena iżda mhux iktar tard minn tliet snin;

    (f)

    iktar tard minn tliet snin iżda mhux iktar tard minn ħames snin; u

    (g)

    iktar minn ħames snin.

    B36

    Jekk ikun hemm firxa ta' maturitajiet possibbili, il-flussi tal-flus jiġu inklużi abbażi tal-iktar data kmieni li fiha l-entità tista' tkun meħtieġa jew permessa tħallas.

    Informazzjoni kwalitattiva (il-paragrafu 42E(f))

    B37

    L-informazzjoni kwalitattiva meħtieġa mill-paragrafu 42E(f) tinkludi deskrizzjoni tal-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent u n-natura u l-iskop tal-involviment kontinwu miżmum wara t-trasferiment ta' dawk l-assi. Tinkludi wkoll deskrizzjoni tar-riskji li għalihom hija skoperta l-entità, inkluż:

    (a)

    deskrizzjoni ta' kif l-entità timmaniġġja ir-riskju inerenti fl-involviment kontinwu tagħha fl-assi finanzjarji li għalihom ġie rtirat ir-rikonoxximent.

    (b)

    jekk l-entità hijiex meħtieġa li ġġarrab telf qabel partijiet oħrajn, u l-gradazzjoni u l-ammonti ta' telf imġarrab mill-partijiet li l-interessi tagħhom jiggradaw aktar 'l isfel mill-interess tal-entità fl-assi (jiġifieri l-involviment kontinwu tagħha fl-assi).

    (c)

    deskrizzjoni ta' kwalunkwe skattatur assoċjat mal-obbligi biex jipprovdi appoġġ finanzjarju jew biex jirriakkwista assi finanzjarju trasferit.

    Qligħ jew telf fl-irtirar tar-rikonoxximent (il-paragrafu 42G(a))

    B38

    Il-paragrafu 42G(a) jirrikjedi entità biex tiddivulga l-qligħ jew telf fl-irtirar tar-rikonoxximent marbut ma' assi finanzjarji li għalihom l-entità jkollha involviment kontinwu. L-entità għandha tiddivulga jekk qligħ jew telf fl-irtirar tar-rikonoxximent irriżulta minħabba l-valuri ġusti tal-komponenti tal-assi li qabel kien rikonoxxut (jiġifieri l-interess fl-assi li għalih ġie rtirat ir-rikonoxximent u l-interess miżmum mill-entità) kienu differenti mill-valur ġust tal-assi li qabel kien rikonoxxut fis-sħiħ. F'dik is-sitwazzjoni, l-entità għandha tiddivulga wkoll dwar jekk il-kejl tal-valur ġust kienx jinkludi inputs sinifikanti li ma kinux bbażati fuq dejta osservabbli tas-suq, kif deskritt fil-paragrafu 27A.

    Informazzjoni supplimentari (il-paragrafu 42H)

    B39

    Id-divulgazzjonijiet meħtieġa fil-paragrafi 42D–42G jistgħu ma jkunux suffiċjenti biex jilħqu l-għanijiet tad-divulgazzjoni fil-paragrafu 42B. Jekk dan ikun il-każ, l-entità għandha tiddivulga kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa biex tissodisfa l-għanijiet tad-divulgazzjoni. L-entità għandha tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tagħha, kemm għandha bżonn tipprovdi informazzjoni addizzjonali biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-utenti u kemm għandha tagħmel enfasi fuq aspetti differenti tal-informazzjoni addizzjonali. Huwa neċċessarju li jintlaħaq bilanċ bejn ir-rapporti finanzjarji onerużi ma’ dettall eċċessiv li jista' jkun li ma jgħinx lill-utenti tar-rapporti finanzjarji u joskura l-informazzjoni b'riżultat ta’ wisq aggregazzjoni.

    EMENDI GĦALL-IFRS 1

    Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju

    Il-paragrafu 39C huwa miżjud.

    DATA EFFETTIVA

    39F

    Divulgazzjonijiet—Trasferimenti tal-Assi Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7), maħruġin f'Ottubru tal-2010, il-paragrafu miżjud E4. Entità għandha tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew minn jew wara l-1 ta’ Lulju 2011. Hija permessa applikazzjoni bikrija. Jekk entità tapplika l-emenda għal perjodu bikri għandha tiddivulga dan il-fatt.

    Appendiċi E

    Eżenzjonijiet mill-IFRSs għal terminu ta' żmien qasir

    Il-paragrafu E4 u nota tal-qiegħ huma miżjuda.

    Divulgazzjonijiet dwar strumenti finanzjarji

    E4

    Min jadotta għall-ewwel darba jista' japplika d-dispożizzjonijiet tranżitorji fil-paragrafu 44M tal-IFRS 7. (*).


    (*)  Il-paragrafu E4 ġie miżjud b'konsegwenza tad-Divulgazzjonijiet—Trasferimenti tal-Assi Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7), maħruġ f'Ottubru tal-2010. Biex ikun evitat l-użu potenzjali tat-tagħlim tard wisq wara riżultati skoretti (hindsight) u biex jiġi żgurat li min jadotta għall-ewwel darba ma jkunx fi żvantaġġ meta mqabbel ma' dawk li preżentament ippreparaw l-IFRS, il-Bord iddeċieda li min jadotta għall-ewwel darba għandu jkun permess juża l-istess dispożizzjonijet tranżitorji permessi lil preparaturi eżistenti tar-rapporti finanzjarji skont l-IFRSs li huma inklużi fid-Divulgazzjonijiet—Trasferimenti tal-Assi Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7).


    Top