Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1183

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1183/2011 tal- 14 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

    ĠU L 302, 19.11.2011, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2014; Imħassar b' 32014R0559

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1183/oj

    19.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 302/3


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1183/2011

    tal-14 ta’ Novembru 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 187 u 188 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Impriża Konġunta FCH”) ġiet imwaqqfa fit-30 ta’ Mejju 2008 taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 (2) mill-membri fundaturi tagħha, l-Grupp Industrijali Ewropew tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Grupp Industrijali”) u l-Kummissjoni.

    (2)

    Il-Grupp tar-Riċerka sar membru tal- Impriża Konġunta FCH fl-14 ta’ Lulju 2008. Il-Grupp tar-Riċerka jikkontribwixxi kemm finanzjarjament kif ukoll in natura għall-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH. Peress li l-kompożizzjoni speċifika tal-Impriża Konġunta FCH kif ukoll ir-regoli u n-natura tagħha, l-objettivi u l-iskop tal-attivitajiet tagħha, il-membri tal-Grupp tar-Riċerka jistgħu jibbenefikaw mir-riżultati miksuba bl-istess mod bħall-membri tal-Grupp Industrijali. Huwa għalhekk iġġustifikat li l-kontribuzzjoni in natura kemm mill-Grupp Industrijali kif ukoll mill-Grupp tar-Riċerka tkun tgħodd bħala fondi ekwivalenti.

    (3)

    Il-Grupp tar-Riċerka sar membru tal-Impriża Konġunta FCH, huwa għalhekk xieraq li jiġi kkunsidrat li l-kontribuzzjonijiet in natura mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka (inklużi l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka) jitqabblu mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, fit-tifsira tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta FCH annessi mar-Regolament (KE) Nru521/2008 (minn hawn ’il quddiem imsejħin “Statuti”).

    (4)

    L-Impriża Konġunta FCH ilha topera għal aktar minn sentejn, u matul dan il-perjodu tlesta ċ-ċiklu operattiv sħiħ bil-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti, l-evalwazzjonijiet tal-proposti, in-negozjati tal-finanzjament u l-konklużjoni tal-ftehimiet tal-għotjiet. L-esperjenza li nkisbet matul dan il-perijodu wriet li l-livelli massimi ta’ finanzjament fil-proġetti tal-Impriża Konġunta FCH għandhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti għall-parteċipanti kollha. B’riżultat ta’ dan, il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tal-Impriża Konġunta FCH taw prova li kienu sinifikatament inqas mill-aspettattivi inizjali.

    (5)

    Il-Bord ta’ Tmexxija approva l-emendi għal dan ir-Regolament (KE) Nru 521/2008, skont l-Istatuti.

    (6)

    Il-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet in natura mill-entitajiet legali kollha li jkunu qed jipparteċipaw fl-attivitajiet jiġu kkalkulati bħala finanzjament ta’ ekwivalenza, għandha tirrikonoxxi s-sħubija tal-Grupp tar-Riċerka u ttejjeb il-livelli tal-finanzjament filwaqt li tkompli tirrispetta l-prinċipju fundamentali tal-ekwivalenza, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi applikat tnaqqis ġust u bilanċjat ta’ finanzjament lit-tipi differenti ta’ parteċipanti.

    (7)

    L-ispejjeż rikorrenti tal-Uffiċċju tal-Programm tal-Impriża Konġunta FCH (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Uffiċċju tal-Programm”) għandhom jiġu koperti mit-tliet membri tagħha. Hu xieraq li jiġi previst li l-membri kollha tal-Impriża Konġunta FCH ikollhom l-istess skeda ta’ pagamenti.

    (8)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata ċerta flessibbiltà fir-rigward tat-teħid tal-miżuri f’każ ta’ ekwivalenza insuffiċjenti.

    (9)

    Fil-preżent il-livell ta’ finazjament hu determinat wara kull evalwazzjoni tal-proposti li jkunu waslu. Sabiex tgħin lill-benefiċjarji jagħmlu stima tal-limitu tal-finanzjament potenzjali, għandu jkun possibli li għal kull sejħa jiġi speċifikat il-livell minimu ta’ finanzjament.

    (10)

    Ir-Regolament (KE) Nru 521/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif adatt,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Regolament (KE) Nru 521/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

    1.

    fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Impriża Konġunta FCH jista’ jkollha il-kapaċità fiha nnifisha li tagħmel verifiki interni.”;

    2.

    l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Minkejja l-Artikolu 12(3) tal-Anness għar-Regolament Nru 521/2008, dan ir-Regolament ta’ emenda ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-ftehimiet ta’ għotja u kuntratti oħra konklużi mill-Impriża Konġunta FCH qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, huwa ma għandux jaffettwa l-ogħla limiti ta’ finanzjament stabbiliti hemm.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, il-punt 2(a) tal-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mill-14 ta’ Lulju 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SAWICKI


    (1)  Opinjoni tat-13 ta’ Settembru 2011 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1.


    ANNESS

    L-Istatuti tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu stabbilita fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 huma b’dan emendati kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2 l-ewwel u t-tieni inċiżi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “—

    jiżgura li l-kontribuzzjoni tiegħu għar-riżorsi tal-Impriża Konġunta FCH, f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dawn l-Istatuti ssir bil-quddiem bħala kontribuzzjoni fi flus kontanti biex tkopri 50 % tal-ispejjeż rikorrenti tal-Impriża Konġunta FCH u trasferita għall-baġit tal-Impriża Konġunta FCH f’pagamenti li jkun hemm qbil dwarhom,

    jiżgura li l-kontribuzzjoni tal-industrija għas-suċċess tal-attivitajiet RTD iffinanzjati mill-Impriża Konġunta FCH flimkien mal-kontribuzzjonijiet mingħand benefiċjarji oħra tal-inqas ikunu daqs dawk tal-Unjoni,”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, ir-raba’ inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    jiżgura li l-kontribuzzjoni tiegħu għar-riżorsi tal-Impriża Konġunta FCH, f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dawn l-Istatuti ssir bil-quddiem bħala kontribuzzjoni fi flus kontanti biex tkopri 1/12 tal-ispejjeż rikorrenti tal-Impriża Konġunta FCH u trasferita għall-baġit tal-Impriża Konġunta FCH f’pagamenti li jkun hemm qbil dwarhom.”.

    2.

    L-artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta FCH għandhom jiġu koperti permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u permezz tal-kontribuzzjonijiet in natura mill-entitajiet legali li jipparteċipaw fl-attivitajiet.

    Il-kontribuzzjoni mill-entitajiet legali parteċipanti għandha mill-inqas tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

    L-irċevuti għandhom jiġu ttrattati f’konformità mar-Regoli ta’ Parteċipazzjoni mniżżlin fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE. Dan il-paragrafu għandu japplika mid-data li fiha l-Grupp tar-Riċerka sar membru tal-Impriża Konġunta FCH.”;

    (b)

    fil-paragrafu 7 it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Jekk il-valutazzjoni tiddetermina li l-kontribuzzjoni in natura mill-entitajiet legali parteċipanti ma tilħaqx il-livell meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha s-sena ta’ wara.

    Jekk jiġi determinat li, għal sentejn konsekuttivi l-kontribuzzjoni in natura mill-entitajiet legali parteċipanti ma tilħaqx il-livell meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itemm l-Impriża Konġunta FCH.”,

    3.

    issegwenti paragrafu 4 għandu jiżdied mal-Artikolu 15:

    “4.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jispeċifika livell minimu ta’ finanzjament għal kull kategorija ta’ parteċipanti għal Sejħa partikolari għal proposti.”.


    Top