Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0761

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 761/2011 tad- 29 ta’ Lulju 2011 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 200, 3.8.2011, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/761/oj

    3.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 200/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 761/2011

    tad-29 ta’ Lulju 2011

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ miżuri tariffarji u oħrajn relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhix konformi ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Konnekter magħmul minn kisja (casing) tal-plastik b’fetħiet fuq iż-żewġ naħat biex jippermetu l-fluss 'il ġewwa u 'l barra tal-likwidi. Huwa mgħammar b’tapp tal-kamin u sokra fil-forma ta’ valv ta’ kontroll (unidirezzjonali).

    Il-konnekter huwa użat f’settijiet ta’ infużjoni medika. Naħa għandha tkun imqabbda ma’ tubu u l-oħra ma’ siringa jew tubu għall-infużjoni. Is-sokra tiftaħ meta l-konnekter ikun imqabbad mas-siringa jew mat-tubu għall-infużjoni u tagħlaq meta jitneħħa, b'hekk tipprevjeni l-ħruġ tal-likwidu u d-dħul tal-arja waqt l-infużjoni.

    Il-konnekters huma preżentati f’pakketti sterilizzati jew mhux.

     (*) Ara l-istampa

    8481 30 99

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 1(g) tal-Kapitolu 90, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċi tan-NM 8481 , 8481 30  u 8481 30 99 .

    Fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, il-karatteristiċi li għandu u l-mod li jopera, il-konnekter huwa kkunsidrat bħala valv ta' kontroll (unidirezzjonali) tas-sotto-intestatura 8481 30 , ladarba huwa użat biex jirregola l-fluss tal-likwidi billi tkun miftuħa jew magħluqa s-sokra u l-likwidu jitħalla jagħddi minnu f'direzzjoni waħda biss (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata mal-intestatura 8481 )

    Minħabba n-Nota 1(g) mal-Kapitolu 90, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9018 bħala strumenti u tagħmir użat fix-xjenzi mediċi hija eskluża.

    Barra minn hekk, anke meta preżentat f’paketti sterilizzati, il-prodott mhux identifikabbli bħala prodott tal-intestatura 9018 .

    Dan il-prodott għandu għalhekk ikun klassifikat taħt il-kodiċi ta' NM 8481 30 99 bħala valv ta’ kontroll (unidirezzjonali) tal-plastik.

    Image

    (*)  L-istampa qed tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


    Top