Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0716

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 716/2011 tad- 19 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2011/2012

    ĠU L 193, 23.7.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/716/oj

    23.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 193/11


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 716/2011

    tad-19 ta’ Lulju 2011

    li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2011/2012

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Qabdiet Totali Permessi (TACs) għal kull tip ta’ sajd jew grupp ta’ sajd. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu distribwiti fost l-Istati Membri b’tali mod li f’kull Stat Membru tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva ta’ attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew grupp ta’ stokkijiet u billi jitqiesu adegwatament l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1).

    (2)

    Għall-finijiet ta’ġestjoni adegwata u ssimplifikata tal-istokk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti TAC u kwoti għall-Istati Membri għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay (is-Subżona VIII tal-ICES VIII) għal staġun ta’ ġestjoni annwali mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara, minflok perjodu ta’ ġestjoni ta’ sena kalendarja.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 (2) jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut għall-2011, eskluża l-inċova fil-Bajja ta’ Biscay.

    (4)

    It-TAC għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2011/2012 għandha tkun stabbilita abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjo-ekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.

    (5)

    Sabiex tipprovdi għal pjan multiannwali għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay li jkopri l-istaġun tas-sajd u jistabbilixxi r-regola tal-kontroll tal-ħsad li tapplika biex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, fid-29 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk. B’kunsiderazzjoni ta’ dik il-proposta tal-Kummissjoni u billi l-valutazzjoni tal-impatt li fuqha hija bbażata l-proposta tipprovdi għall-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-impatt ta’ deċiżjonijiet fuq l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay, huwa xieraq li tiġi stabbilita TAC għal dak l-istokk skont dan. Il-parir mill-STECF maħruġ fil-15 ta’ Lulju 2011 jistma l-bijomassa tal-istokk għal madwar 98 450 tunnellata. B’riżultat ta’ dan, it-TAC għall-istaġun tas-sajd mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012 għandha tiġi stabbilita għal 29 700 tunnellata.

    (6)

    Minħabba l-ambitu speċifiku u ż-żmien tal-applikazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dawk l-opportunitajiet tas-sajd permezz ta’ Regolament separat. Is-sajd għandu, madankollu jibqa’ suġġett għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 57/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-kwota.

    (7)

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jdaħħal kundizzjonijiet addizzjonali għal ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti (3), huwa meħtieġ li jiġi stabbilit sa fejn l-istokk tal-inċova fil-Bajja ta’ Biscay huwa suġġett għall-miżuri stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (8)

    Minħabba l-bidu tal-istaġun tas-sajd 2011/2012 u għall-finijiet tar-rappurtar annwali tal-qabdiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih u japplika mill-1 ta’ Lulju 2011,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay

    1.   Il-qabda totali permissibbli (TAC) u l-allokazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri għall-istaġun tas-sajd mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012 għall-istokk tal-inċova fis-Subżona VIII tal-ICES kif iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandhom ikunu kif ġej (spjegati f’tunnellati ta’ piż ta’ ħut ħaj):

    Speċi

    :

    Inċova

    Engraulis encrasicolus

    Żona tal-ICES

    :

    VIII

    (ANE/08.)

    Spanja

    26 730

    TAC Analitika

    Franza

    2 970

    L-UE

    29 700

    TAC

    29 700

    2.   L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbilita fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 9, 12 u 14 tar-Regolament (UE) Nru 57/2011.

    3.   L-istokk imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqies bħala suġġett għal TAC analitiku għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 847/96. L-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SAWICKI


    (1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (2)  ĠU L 24, 27.1.2011, p. 1.

    (3)  ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

    (4)  Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).


    Top