Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0704

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 704/2011 tal- 20 ta’ Lulju 2011 li japprova s-sustanza attiva ażimsulfuron, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 190, 21.7.2011, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/704/oj

21.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/38


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 704/2011

tal-20 ta’ Lulju 2011

li japprova s-sustanza attiva ażimsulfuron, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għas-sustanzi attivi elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2007 tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment tal-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel grupp ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) u li jistabbilixxi l-lista ta’ dawk is-sustanzi (3), dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni għandha tapplika d-Direttiva 91/414/KEE. L-ażimsulfuron hija elenkata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 737/2007.

(2)

L-approvazzjoni tal-ażimsulfuron, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (4), tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 737/2007, tressqet notifika għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ażimsulfurom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE fil-perjodu ta’ żmien stipulat f’dak l-Artikolu.

(3)

Dik in-notifika tqieset ammissibbli permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/656/KE tat-28 ta’ Lulju 2008 dwar l-ammissibilità tan-notifiki dwar it-tiġdid tal-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tas-sustanzi attivi azimsulfuron, azoxystrobin, fluroxypyr, imazalil, kresoxim-methyl, prohexadion-calcium u spiroxamin, u t-twaqqif tal-lista tan-notifikanti kkonċernati (5).

(4)

Fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 737/2007, in-notifikant ressaq id-dejta meħtieġa skont dak l-Artikolu flimkien ma’ spjegazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ kull studju ġdid li tressaq.

(5)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport tal-valutazzjoni f’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ssottomieh lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn “il quddiem ’l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Ġunju 2009. Flimkien mal-valutazzjoni tas-sustanza attiva, dak ir-rapport jinkludi lista tal-istudji li l-Istat Membru relatur ibbaża l-valutazzjoni tiegħu fuqhom.

(6)

L-Awtorità kkomunikat ir-rapport tal-valutazzjoni lin-notifikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom u għaddiet dawn il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità għamlet ukoll ir-rapport tal-valutazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(7)

Fuq talba tal-Kummissjoni, ir-rapport tal-valutazzjoni kien rivedut mill-Istati Membri u mill-Awtorità. L-Awtorità ressqet il-konklużjoni tagħha dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ażimsulfuron (6) lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Marzu 2010. Ir-rapport tal-valutazzjoni u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew finalizzati fis-17 ta’ Ġunju 2011 fil-format tar-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni għall-ażimsulfuron.

(8)

Minn bosta eżaminazzjonijiet li saru, ħareġ ċar li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ażimsulfuron jistgħu jkunu mistennija jibqgħu jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari rigward l-użi tagħhom li ġew eżaminati u mniżżla fid-dettall fir-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi approvata l-ażimsulfuron.

(9)

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, madankollu huwa neċessarju li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet li mhumiex stipulati fl-ewwel inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(10)

Abbażi tar-rapport tar-reviżjoni, li jinnota li l-impurità tal-fenol fil-manifattura iqajjem tħassib dwar it-tossikoloġija, għandu jkun stipulat livell massimu fil-materja teknika għal din l-impurità ta’ 2 g/kg.

(11)

Mid-dejta l-ġdida li tressqet, jidher li l-ażimsulfuron u l-prodotti tad-degradazzjoni tiegħu fil-fotoliżi akwea jistgħu jkunu ta’ riskju għall-organiżmi akkwatiċi. Bla ħsara għall-konklużjoni li l-ażimsulfuron għandha tiġi approvata, b’mod partikolari huwa f’loku li tintalab aktar informazzjoni li tikkonferma dan.

(12)

Qabel l-approvazzjoni tas-sustanza, għandu jitħalla jgħaddi biżżejjed żmien sabiex ikun possibbli għall-Istati Membri u l-partijiet interessati biex iħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-approvazzjoni.

(13)

Bla ħsara għall-obbligi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bħala konsegwenza tal-approvazzjoni, meta titqies is-sitwazzjoni speċifika li nħolqot bit-tranżizzjoni mid-Direttiva 91/414/KEE tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu, madankollu, japplika dan li ġej. Wara l-approvazzjoni, l-Istati Membri għandu jingħatalhom perjodu ta’ sitt xhur biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ażimsulfuron. L-Istati Membri, skont xi jkun il-każ, għandhom ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet. Permezz tad-deroga minn din l-iskadenza, għandu jingħata perjodu itwal għat-tressiq u għall-valutazzjoni tal-aġġornament tal-fajl sħiħ tal-Anness III, kif stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi.

(14)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (7), uriet li jistgħu jinħolqu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-obbligi ta’ dawk li għandhom taħt idejhom l-awtorizzazzjonijiet eżistenti b’rabta mal-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati aktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li l-obbligi tal-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment l-obbligu li jkun verifikat li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ma’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponix obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sal-ġurnata preżenti li jemendaw l-Anness I ta’ dik id-Direttiva jew ir-Regolamenti li japprovaw is-sustanzi attivi.

(15)

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(16)

F’ġieħ iċ-ċarezza, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/54/UE tal-20 ta’ Awwissu 2010 li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tiġġedded l-inklużjoni tal-ażimsulfuron bħala sustanza attiva (8), għandha titħassar.

(17)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta’ sustanzi attivi

Is-sustanza attiva ażimsulfuron, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Revalwazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti’

1.   L-Istati Membri, fejn meħtieġ, u fi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sat-30 ta’ Ġunju 2012 għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ażimsulfuron bħala sustanza attiva.

Sa dik id-data, b’mod partikolari dawn għandhom jivverifikaw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, minbarra dawk identifikati fil-Parti B tal-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak l-Anness, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu fajl — jew aċċess għal fajl — li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu minn 13(1) sa (4) tad-Direttiva 91/414/KEE u l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ażimsulfuron jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li lkoll kienu elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri għandhom jirrevalwaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi, kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, abbażi tal-fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE u billi titqies il-parti B tal-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, dawn għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott ikunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Wara li ssir dik id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih l-ażimsulfuron bħala l-unika sustanza attiva, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li fih l-ażimsulfuron bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015 jew sad-data ffissata għal tali emenda jew irtirar fl-att jew atti rispettivi li jkunu żiedu s-sustanza jew sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, jew li jkunu approvaw dik is-sustanza jew sustanzi, skont liema waħda tkun l-aktar reċenti.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Ir-revoka

Id-Direttiva 2010/54/UE hija mħassra.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 169, 29.6.2007, p. 10.

(4)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 70.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ażimsulfuron. EFSA Journal 2010; 8(3):1554. [61 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1554. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu

(7)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.

(8)  ĠU L 220, 21.8.2010, p. 63.


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Ażimsulfuron

Nru CAS 120162-55-2

Nru CIPAC 584

1-(4,6-dimetossipirimidin-2-il)-3-[1-metil-4-(2-metil-2H-tetrażol-5-il)-pirażol-5-ilsulfonil]-urea

≥ 980 g/kg

livell massimu tal-impurità fenol 2 g/kg

fl-1 ta’ Jannar 2012

fil-31 ta’ Diċembru 2021

PARTI A

L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

L-applikazzjonijet mill-ajru ma għandhomx jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar l-ażimsulfuron, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-17 ta’ Ġunju 2011.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

(1)

lill-protezzjoni ta’ pjanti li mhumiex fil-mira;

(2)

lill-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew tal-klima;

(3)

lill-ħarsien tal-organiżmi akkwatiċi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jinkludu l-miżuri li jtaffu l-effetti fejn meħtieġ (pereżempju żoni ta’ lqugħ, fil-kultivazzjoni tar-ross, perjodi minimi ta’ żamma tal-ilma qabel ir-rilaxx).

In-notifikatur għandu jressaq informazzjoni li tikkonferma l-informazzjoni dwar:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskju għall-organiżmi akkwatiċi

(b)

l-identifikazzjoni tal-prodotti tad-degradazzjoni fil-fotoliżi akwea tas-sustanza.

In-notifikatur għandu jressaq din l-informazzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni.


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti A, titħassar l-annotazzjoni marbuta mal-ażimsulfuron.

(2)

Fil-Parti B, tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

 

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“3

Ażimsulfuron

Nru CAS 120162-55-2

Nru CIPAC 584

1-(4,6-dimetossipirimidin-2-il)-3-[1-metil-4-(2-metil-2H-tetrażol-5-il)-pirażol-5-ilsulfonil]-urea

≥ 980 g/kg

livell massimu tal-impurità fenol 2 g/kg

fl-1 ta’ Jannar 2012.

fil-31 ta’ Diċembru 2021.

PARTI A

L-użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

Applikazzjonijet mill-ajru ma għandhomx jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar l-ażimsulfuron, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fis-17 ta’ Ġunju 2011.

F'din il-valutazzjoni kumplessiva, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

(1)

lill-protezzjoni ta’ pjanti li mhumiex fil-mira;

(2)

lill-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew tal-klima;

(3)

lill-ħarsien tal-organiżmi akkwatiċi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jinkludu l-miżuri li jtaffu l-effetti fejn meħtieġ (pereżempju żoni ta’ lqugħ, fil-kultivazzjoni tar-ross, perjodi minimi ta’ żamma tal-ilma qabel ir-rilaxx).

In-notifikatur għandu jressaq informazzjoni li tikkonferma l-informazzjoni dwar:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskju għall-organiżmi akkwatiċi

(b)

l-identifikazzjoni tal-prodotti tad-degradazzjoni fil-fotoliżi akwea tas-sustanza.

In-notifikatur għandu jressaq din l-informazzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni.


Top