Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0679

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 679/2011 tal- 14 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

    ĠU L 185, 15.7.2011, p. 57–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0807

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/679/oj

    15.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/57


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 679/2011

    tal-14 ta’ Lulju 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi qafas legali waħdieni għall-appoġġ tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-iżvilupp rurali fl-Unjoni. Dak il-qafas legali ġie kkomplimentat minn regoli ta’ implimentazzjoni stipulati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 (2). Fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-problemi li nqalgħu waqt l-implimentazzjoni tal-Programmi għall-Iżvilupp Rurali, jeħtieġ li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament u jiġu introdotti ċerti regoli ta’ implimentazzjoni addizzjonali.

    (2)

    Operazzjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistgħu jkunu barra l-ambitu tal-Artikolu 42 tat-Trattat. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-argikoltura, għandha tiġi stipulata dispożizzjoni speċifika għall-investimenti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli.

    (3)

    Fl-Artikolu 27(12) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 huwa previst li aġġustament tal-impenji ambjentali u dawk marbuta mal-benessri tal-annimali jistgħu jieħdu l-għamla ta’ estensjoni tal-perjodu tal-impenn. Sabiex tiġi evitata sovrapożizzjoni mal-perjodu ta' pprogrammar li jmiss, tali aġġustament għandu jkun limitat sa tmiem il-perjodu ta’ primjum li tirreferi għalih it-talba għall-pagament għall-2013.

    (4)

    Skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 huwa previst li impenji marbuta mal-ambjent forestali għandhom jitwettqu, bħala regola ġenerali, għal perjodu bejn ħames u seba’ snin. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn impenji mġedda jkunu sovraposti mal-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, għandu jkun previst li l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali impenji jistgħu jiġu estiżi sa tmiem il-perjodu ta’ primjum li tirreferi għalih it-talba għall-pagament għall-2013.

    (5)

    Fl-Artikolu 62 (1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 huwa previst li, fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għandhom jikkostitwixxu, mill-inqas, 50 % tas-sħubija lokali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gruppi ta’ azzjoni lokali jikkonformaw ukoll ma’ din il-perċentwali minima fir-rigward tal-votazzjoni sabiex jiġi evitat li s-settur pubbliku jiddomina t-teħid tad-deċiżjonijiet. Minbarra dan, għandu jiġi żgurat li l-promoturi tal-proġetti ma jistgħux jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-proġetti. Għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji effikaċi sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-assessjar u l-votazzjoni fuq il-proposti ta’ proġetti. It-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tiġi wkoll garantita permezz ta’ viżibbiltà xierqa.

    (6)

    Fl-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1974/2006 hija prevista l-prossibbiltà ta’ pagamenti bil-quddiem għall-ispejjeż kurrenti tal-gruppi ta’ azzjoni lokali. Ġie ppruvat li sabiex jiġu żgurati l-ħtiġijiet ta' flussi ta’ flus għall-gruppi ta’ azzjoni lokali, jeħtieġ li tiġi estiża l-possibbiltà ta’ pagamenti bil-quddiem sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-kisba ta’ kompetenzi u l-animazzjoni tat-territorju kif imsemmi fl-Artikolu 63(c) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    (7)

    L-Artikolu 44(3) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiżguraw li bidliet żgħar fis-sitwazzjoni ta’ azjenda ma jwasslux għal riżultati mhux xierqa fir-rigward tal-impenji li jkunu daħlu għalihom, fir-rigward tal-obbligu li benefiċjarju jħallas lura l-assistenza f’każ fejn ma jkunx daħal għal impenn ċessjonarju ta’ parti mill-azjenda. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, għandha tingħata definizzjoni ta’ x'jikkostitwixxi bidla żgħira f’każijiet fejn titnaqqas l-erja ta’ azjenda.

    (8)

    Fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 hija prevista klawżola ta’ reviżjoni f’każ ta’ emendi għal-linja bażi għal ċerti miżuri. Għandha tkun prevista wkoll klawżola ta’ reviżjoni f’każ li l-perjodu tal-impenji ġodda argroambjentali, dawk marbuta mal-benessri tal-annimali u dawk mal-ambjent forestali meħuda għal perjodu bejn ħames u seba’ snin jestendi għal wara t-tmiem tal-perjodu attwali ta’ pprogrammar, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi fil-qafas legali u dak ta' politika stipulat għall-perjodu wara dak attwali ta’ pprogrammar.

    (9)

    Sabiex tiġi ċċarata l-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, għandha tiġi stabbilita l-bażi li fuqha tiġi applikata rata ta' kofinanzjament f'każ ta' inġinerija finanzjarja.

    (10)

    Fir-rigward tal-fondi ta’ garanzija fil-kuntest ta’ inġinerija finanzjarja fl-ambitu tas-Subtaqsima 3 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, għandhom jiġu pprovduti dettalji addizzjonali fuq il-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli tal-operazzjoni relatata ma’ tali interventi sabiex jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi tal-Unjoni.

    (11)

    Filwaqt li jiġu rrikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet tal-iżvilupp rurali, relatati essenzjalment mal-iskala żgħira tal-operazzjonijiet appoġġati, jeħtieġ li, sabiex jiġi mmassimizzat l-effett inkrementali tal-għodda ta’ inġinerija finanzjarja, jiġi ċċarat l-użu mill-ġdid tar-riżorsi li jingħataw lura għall-operazzjoni ta' inġinerija finanzjarja matul il-perjodu ta' pprogrammar sabiex issir distinzjoni wkoll bejn tali użu mill-ġdid u l-użu mill-ġdid wara d-data finali ta’ eliġibbiltà għall-programm ta’ żvilupp rurali.

    (12)

    Billi jitqiesu n-natura ta’ xi investimenti fil-forestrija u l-fatt li, f’ċerti każijiet, il-pagamenti jistgħu jkunu relatati maż-żona, għandu jkun possibbli li jintużaw kalkoli standard tal-ispejjeż bħala alternattiva għas-sistema bbażata fuq il-fatturi użata biex jiġi determinat il-livell ta’ appoġġ għall-miżura msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. L-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu għalhekk jiġi adattat skont dan.

    (13)

    Fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 huma previsti l-kondizzjonijiet li taħthom kontribuzzjonijiet in natura jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. Fl-għamla preżenti tiegħu, l-Artikolu 54(1) iqis bħala eliġibbli kontribuzzjonijiet in natura jekk huma biss għal operazzjonijiet ta’ investiment. L-esperjenza wriet li din il-kondizzjoni hija wisq restrittiva għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-miżuri. Għaldaqstant għandu jkun previst li kontribuzzjonijiet in natura jistgħu jkunu eliġibbli għat-tipi kollha ta’ operazzjonijiet.

    (14)

    L-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 jistipula sett ta’ regoli għad-definizzjoni ta’ nfiq eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ investiment. Sabiex tingħata aktar ċarezza lill-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-akkwist ta’ drittijiet ta’ pagament għandu jiġi espliċitament eskluż mill-eliġibbiltà. Għandu jiġi ċċarat ukoll li, minħabba n-natura tagħhom, l-investimenti li jieħdu post il-potenzjal ta’ produzzjoni agrikola wara diżastri naturali jikkostitwixxu nfiq eliġibbli.

    (15)

    Sabiex jiżdied l-impatt ta’ pagamenti bil-quddiem fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali, filwaqt li jitqies ir-rwol speċifiku tal-gvernijiet reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali, għandha tiġi estiża lill-awtoritajiet reġjonali wkoll il-possibbiltà ta' pagamenti bil-quddiem kif previst fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006.

    (16)

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, il-limitu massimu ta’ pagamenti bil-quddiem ittella' għal 50 % għal investimenti fl-2009 u l-2010. Sabiex jitqiesu l-effetti negattivi kontinwi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-ogħla limitu għandu jinżamm sa tmiem il-perjodu ta' pprogrammar. Sabiex tiġi żgurata kontinwità fl-implimentazzjoni tal-Programmi għall-Iżvilupp Rurali bejn tmiem l-2010 u d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi applikata d-dispożizzjoni rilevanti b’mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2011.

    (17)

    Sabiex jitqies id-daqs relattivament żgħir tal-proġetti ta’ żvilupp rurali u d-diffikultà biex tali proġetti jiksbu garanziji bankarji għal pagamenti bil-quddiem, għandhom jittieħdu miżuri li permezz tagħhom dawk il-garanziji jkunu jistgħu jiġu sostitwiti b'garanziji bil-miktub mill-awtoritajiet pubbliċi.

    (18)

    Sabiex isir l-aħjar użu mill-pagamenti bil-quddiem, għandha tkun l-aġenzija tal-pagamenti kompetenti li tiddefinixxi meta jiġu rilaxxati l-garanzij.

    (19)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (20)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bi ftehim mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:

    “Artikolu 16a

    Għall-finijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, meta jsiru investimenti fil-produzzjoni tal-enerġija termali u/jew tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-azjendi agrikoli, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ f’każijiet biss fejn il-kapaċità tagħhom ta' produzzjoni ma taqbiżx l-ekwivalenti tal-konsum annwali medju tal-enerġija kkombinat tal-enerġija termali u l-elettriku mill-istess azjenda agrikola, inkluża l-unità domestika agrikola.

    Fejn isiru investimenti fil-produzzjoni tal-bijofjuwils fl-azjendi agrikoli, skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/28KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), il-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ f'każijiet biss fejn il-kapaċità ta' produzzjoni tagħhom ma taqbiżx l-ekwivalenti tal-konsum annwali medju tal-fjuwil għat-trasport mill-azjenda agrikola.

    (*)  ĠU L 140, 5.6.2009, p.16.”"

    (2)

    Fl-Artikolu 27(12), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Tali aġġustamenti jistgħu jkunu wkoll fl-għamla ta’ estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-impenn. L-estensjoni ma tistax taqbeż tmiem il-perjodu li tirreferi għalih it-talba għal pagament għall-2013.”

    (3)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 32a li ġej:

    “Artikolu 32a

    Għall-fini tal-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-impenji marbuta mal-ambjent forestali jkunu estiżi sa tmiem il-pejodu li tirreferi għalih it-talba għal pagament għall-2013.”

    (4)

    Fl-Artikolu 37, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-proġetti mill-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali għandhom jittieħdu b’vot fejn l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kif ukoll rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tal-voti kif previst fl-Artikolu 62(1)(b) ta’ dak ir-Regolament,. Fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-għażla tal-proġetti, għandhom jiġu rispettati regoli xierqa biex jiggarantixxu t-trasparenza u jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.”

    (5)

    Fl-Artikolu 38, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri jistgħu, jekk mitluba, iħallsu pagament bil-quddiem lill-gruppi ta' azzjoni lokali. L-ammont tal-pagament bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-20 % tal-għajnuna pubblika relatata mal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 63(c) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, u l-pagament tiegħu għandu jkun soġġett għall-istabbiliment ta’ garanzija bankarja jew garanzija ekwivalenti li jikkorrispondu għal 110 % tal-ammont tal-pagament bil-quddiem. Il-garanzija għandha tiġi rilaxxata mhux aktar tard mill-għeluq tal-istrateġija għall-iżvilupp lokali.

    L-Artikolu 24(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2011 (**) ma għandux japplika għall-pagament imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

    (**)  ĠU L 25, 28.1.2011, p.8.”"

    (6)

    Fl-Artikolu 44(3), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Tnaqqis fiż-żona tal-azjenda sa 10 % taż-żona koperta mill-impenn għandha titqies bħala bidla żgħira għall-fini tal-ewwel subparagrafu.”

    (7)

    Fl-Artikolu 46, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Klawżola ta' reviżjoni għandha tiġi prevista, mill-2012 ’il quddiem, għal impenji meħuda għal perjodu bejn ħames u seba’ snin, skont l-Artikoli 39, 40 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li jestendu għal wara t-tmiem tal-perjodu ta' pprogrammar attwali, sabiex jiġi permess l-aġġustament tagħhom għall-qafas legali tal-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jintroduċu tali klawżola ta' reviżjoni diġà mill-2011. It-tieni paragrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta' dan il-paragrafu.”

    (8)

    L-Artikolu 52 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 52

    1.   Fir-rigward ta’ azzjonijiet tal-inġinerija finanzjarja msemmija fl-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu jkun l-infiq totali mħallas għat-twaqqif ta’ tali fondi jew bħala kontribuzzjoni lejhom.

    Madankollu, meta jitħallas il-bilanċ u jingħalaq il-programm għall-iżvilupp rurali bi qbil mal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, l-infiq eliġibbli għandu jkun it-total ta’:

    (a)

    kwalunkwe pagament għall-investiment fl-intrapriżi minn kull fond ikkonċernat, jew kwalunkwe garanzija provduta inklużi l-ammonti impenjati bħala garanziji mill-fondi ta’ garanzija;

    (b)

    spejjeż eliġibbli ta' ġestjoni.

    Ir-rata ta’ kofinanzjament applikata għandha tikkorrispondi għar-rata ta’ kofinanzjament tal-miżura li l-fond jikkontribwixxi għaliha. Jekk il-fond jikkontribwixxi lil bosta miżuri b’rati differenti ta’ kofinanzjament, dawn ir-rati għandhom japplikaw b’mod proporzjonali mal-infiq eliġibbli rispettiv.

    Id-differenza bejn il-kontribuzzjoni tal-FAEŻR li hi attwalment imħallsa skont l-ewwel subparagrafu u l-infiq fl-ambitu tal-punti (a) jew (b) tat-tieni subparagrafu għandha tkun likwidata fil-kuntest tal-kontijiet annwali tal-aħħar sena ta’ implimentazzjoni tal-programm. Dawn il-kontijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni finanzjarja dettaljata meħtieġa.

    2.   Meta l-FAEŻR jikkofinanzja operazzjonijiet li jinkludu fondi ta' garanzija għal investimenti li jistgħu jitħallsu lura skont l-Artikolu 50 ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi mwettqa valutazzjoni xierqa ex ante tat-telf mistenni, billi jitqiesu wkoll prattiki attwali tas-suq għal operazzjonijiet simili għat-tip ta' investimenti u suq ikkonċernati. Il-valutazzjoni tat-telf mistenni tista’ tiġi riveduta, jekk tkun iġġustifikata minn kondizzjonijiet sussegwenti tas-suq. Ir-riżorżi impenjati sabiex jiġu onorati l-garanziji għandhom jirreflettu tali valutazzjoni.

    3.   Ir-riżorsi li jingħataw lura lill-operazzjoni matul il-perjodu ta’ pprogrammar minn investimenti mwettqa minn fondi jew li jifdlu wara li tkun ġiet onorata garanzija, għandhom jintużaw mill-ġdid mill-fond skont il-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 51(6) ta’ dan ir-Regolament jew likwidati fil-kuntest tal-kontijiet annwali. Wara d-data finali tal-eliġibiltà tal-programm ta’ żvilupp rurali, ir-riżorsi li jingħataw lura għall-operazzjoni mill-investimenti mwettqa mill-fondi jew li jifdlu wara li l-garanziji kollha kienu onorati, għandhom jerġgħu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għall-benefiċċju tal-intrapriżi individwali.

    L-interessi ġġenerati mill-pagamenti minn programmi ta’ żvilupp reġjonali lill-fondi għandhom jintużaw skont l-ewwel subparagrafu.”

    (9)

    Fl-Artikolu 53(1), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Fejn xieraq l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livell ta’ appoġġ previst fl-Artikoli 27, 31, 37 sa 41, u 43 sa 49 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 abbażi ta’ spejjeż standard u suppożizzjonijiet standard ta’ dħul finanzjarju mitluf.”

    (10)

    Fl-Artikolu 54(1), il-frażi introduttorja tal-ewwel subparagrafu hija mibdula b'din li ġejja:

    “Kontribuzzjonijiet in natura minn benefiċjarju pubbliku jew privat, jiġifieri l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi li għalihom ma jsir l-ebda ħlas fi flus kontanti sostnut minn fatturi jew dokumenti evidenzjarji ekwivalenti, jistgħu jitqiesu bħala nfiq eliġibbli sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:”

    (11)

    L-Artikolu 55(2) jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Fil-każ tal-investimenti agrikoli, l-akkwist ta’ drittijiet ta’ produzzjoni agrikola, ta’ drittijiet għal pagament, ta’ annimali, ta’ pjanti annwali u t-tħawwil tagħhom ma għandux ikun eliġibbli għall-appoġġ għall-investiment.

    Investimenti sempliċi ta’ sostituzzjoni ma għandhomx jiġu meqjusa bħala nfiq eliġibbli.

    Madankollu, f’każijiet ta’ restawr tal-potenzjal ta’ produzzjoni agrikola li ġarrab ħsara kkaġunata minn diżastri naturali skont l-Artikolu 20(b)(vi) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-infiq fuq l-akkwist ta' annimali u tal-investimenti ta' sostituzzjoni jistgħu jiġu meqjusa bħala nfiq eliġibbli.”

    (12)

    L-Artikolu 56 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 56

    1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 24(6) tar-Regolament (KE) Nru 65/2011, fuq talba tal-Istati Membri, dawn jistgħu jħallsu bil-quddiem lil-benefiċjarju ta' appoġġ ta’ investiment. Fir-rigward tal-benefiċarji pubbliċi, tali pagament bil-quddiem jista' jingħata biss lill-gvernijiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u lill-korpi ta' natura pubblika.

    2.   L-ammont ta’ pagement bil-quddiem ma għandux jaqbeż il-50 % tal-għajnuna pubblika relatata mal-investiment, u l-pagament tiegħu għandu jkun soġġett għall-istabbiliment ta’ garanzija bankarja li tkun tikkorrispondi għal 110 % tal-ammont tal-pagament bil-quddiem.

    Faċilità pprovduta bħala garanzija minn awtorità pubblika għandha tiġi meqjusa bħala ekwivalenti għall-garanzija msemmija fl-ewwel subparagrafu, sakemm dik l-awtorità ma tiħux impenn li tħallas l-ammont kopert minn dik il-garanzija f'każ li ma jkunx ġie stabbilit id-dritt għal pagament bil-quddiem.

    3.   Il-garanzija tista’ tiġi rrilaxxata meta l-aġenzija kompetenti ta’ pagament tistabbilixxi li l-ammont ta’ nfiq attwali li jikkorrispondi għal-għajnuna pubblika, relatata mal-investiment, jaqbeż l-ammont tal-ħlas bil-quddiem.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(12), fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p.1.

    (2)  ĠU L 368, 23.12.2006, p.15.


    Top