EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0660

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 660/2011 tad- 9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

ĠU L 181, 9.7.2011, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/660/oj

9.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/20


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 660/2011

tad-9 ta’ Ġunju 2011

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Ftehim ta’ Sħubija”),

(2)

Fit-22 ta’ Diċembru 2010 ġie inizjalat protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll il-ġdid”). Il-Protokoll il-ġdid jagħti lill-bastimenti tal-UE opportunitajiet ta’ sajd fl-ilmijiet li fihom il-Kap Verde teżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha fuq is-sajd.

(3)

Fid-9 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/405/UE (2) dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid.

(4)

Huwa importanti li jkun iddefinit il-mod li bih jiġu allokati l-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri għal matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid.

(5)

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti tal-pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (3), f’każ li l-opportunitajiet ta’ sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll ma jkunux użati totalment, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati. In-nuqqas ta’ tweġiba sal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perijodu kkunsidrat. Jeħtieġ li din l-iskadenza tkun stabbilita.

(6)

Billi l-Protokoll fis-seħħ jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2011, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika mill-1 ta’ Settembru 2011,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-possibbiltajiet ta’ sajd stabbiliti mill-Protokoll maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jiġu allokati kif ġej bejn l-Istati Membri:

(a)

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun

Spanja

16-il bastiment

Franza

12-il bastiment;

(b)

bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

Spanja

26-il bastiment

Portugall

9 bastimenti;

(c)

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief

Spanja

7 bastimenti

Franza

4 bastimenti.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde.

3.   Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

L-iskadenza msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-Regolament għandha tiġi stabbilita għal għaxart ijiem ta’ xogħol.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

PINTÉR S.


(1)  ĠU L 414, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.


Top