Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0580

    Regolament (UE) Nru 580/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f’dak li jirrigwarda l-perjodu effettiv Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 165, 24.6.2011, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/06/2013; Imħassar b' 32013R0526

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/580/oj

    24.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 165/3


    REGOLAMENT (UE) Nru 580/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Ġunju 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f’dak li jirrigwarda l-perjodu effettiv

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, (1)

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Fl-2004 l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (3) li stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (“l-Aġenzija”).

    (2)

    Fl-2008, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1007/2008 (4) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 fir-rigward tal-perjodu effettiv tal-Aġenzija.

    (3)

    Minn Novembru 2008, sar dibattitu pubbliku dwar id-direzzjoni ġenerali tal-isforzi Ewropej lejn aktar sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, inkluż dibattitu dwar l-Aġenzija. Bi qbil mal-istrateġija tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, u bħala kontribut għal dan id-dibattitu, il-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni pubblika dwar l-objettivi għal politika msaħħa għas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li damet għaddejja minn Novembru 2008 sa Jannar 2009. F’Diċembru 2009, id-dibattitu wassal għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2009 dwar approċċ kollaborattiv Ewropew għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (5).

    (4)

    Meta jitqiesu r-riżultati tad-dibattitu pubbliku, huwa previst li r-Regolament (KE) Nru 460/2004 jiġi sostitwit.

    (5)

    Proċedura leġislattiva għar-riforma tal-Aġenzija tista’ teħtieġ ħafna żmien estensiv għad-dibattitu u billi l-mandat tal-Aġenzija jiskadi fit-13 ta’ Marzu 2012, jeħtieġ li tiġi adottata estensjoni li tippermetti biżżejjed diskussjoni fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill u li tiżgura l-konsistenza u l-kontinwità.

    (6)

    Il-perjodu effettiv tal-Aġenzija għandu għalhekk jiġi estiż sat-13 ta’ Settembru 2013,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 460/2004 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 27

    Tul ta’ Attività

    L-Aġenzija għandha tiġi stabbilita fl-14 ta’ Marzu 2004 għal perjodu ta’ disa’ snin u sitt xhur.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Ġunju 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    GYŐRI E.


    (1)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 35.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2011.

    (3)  ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 1.

    (5)  ĠU C 321, 29.12.2009, p. 1.


    Top