Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0494

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 494/2011 tal- 20 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 134, 21.5.2011, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/06/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/494/oj

    21.5.2011   

    MT EN

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 134/2


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 494/2011

    tal-20 ta’ Mejju 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Kadmju)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Dicembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 131 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Jannar 1988 dwar programm ta' azzjoni Komunitarju (2) l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tiġġieled it-tniġġis ambjentali mill-kadmju.

    (2)

    Fit-tabella stabbilita fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-annotazzjoni 23 fiha restrizzjonijiet dwar l-użu u t-tqegħid fis-suq ta' kadmju f'taħlitiet u artikli.

    (3)

    Il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju huma kklassifikati bħala kategorija karċinoġena 1B u akut akkwatiku u tossiċità kronika tal-kategorija 1.

    (4)

    Sa mill-31 ta' Diċembru 1992, il-kadmju ġie pprojbit mid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (3) bħala aġent li jlewwen f'għadd ta' polimeri u żebgħat, bħala stabilizzatur fil-klorid tal-polivinil (PVC) f'għadd ta' applikazzjonijiet, u l-kisi bil-kadmju huwa pprojbit f'għadd ta' applikazzjonijiet. Id-Direttiva 76/769/KEE għandha titħassar u tinbidel bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 b'effett mill-1 ta' Ġunju 2009.

    (5)

    Fl-2007 tlestiet il-valutazzjoni Ewropea tar-riskju tal-kadmju (4) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (5). Fl-14 ta' Ġunju 2008 l-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Kadmju u ossidu tal-kadmju (6) li rrakkomanda r-restrizzjoni tat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-kadmju fi stikek tal-issaldjar u ġojjellerija.

    (6)

    Il-Komunikazzjoni semmiet il-bżonn għal miżuri speċifiċi biex jiġu llimitati r-riskji mill-użu ta' stikek tal-issaldjar u mill-ilbies ta' ġojjellerija li fiha l-kadmju. Professjonisti u dilettanti jiġu esposti għal dħaħen tul il-proċess ta' ssaldjar. Il-konsumaturi li jinkludu tfal jiġu esposti għall-kadmju fil-ġojjellerija permezz ta' kuntatt mal-ġilda jew billi jilagħquh.

    (7)

    Il-Kummissjoni kkummissjonat studju dwar l-Impatt Soċjoekonomiku ta' Aġġornament Potenzjali tar-Restrizzjonijiet dwar it-Tqegħid fis-Suq u l-Użu tal-Kadmju fil-ġojjellerija, fil-liegi li jissaldjaw u fil-PVC. Ir-riżultati tal-istudju kienu ppublikati f’Jannar 2010 (7).

    (8)

    Id-dispożizzjonijiet eżistenti jikkonċernaw żebgħa li fiha ż-żingu għandhom jiġu ċċarati biex jiddefinixxu kontenut għoli ta' żingu. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw żebgħa fuq artikoli miżbugħa għandhom jiġu ċċarati wkoll.

    (9)

    Sa mill-2001 l-industrija Ewropea tal-PVC ħadet l-inizjattiva fuq bażi volontarja li toqgħod lura mill-użu tal-kadmju bħala stabbilizzatur f'PVC prodott ġdid għal dawk l-applikazzjonijiet li kienu għadhom ma ġewx regolati skont id-Direttiva 76/769/KEE. Din l-inizjattiva volontarja eventwalment wasslet għall-eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-kadmju fil-PVC.

    (10)

    Il-projbizzjoni tal-użu tal-kadmju għandu jiġi estiż għall-artikli kollha li saru mill-PVC sabiex jikkonforma mal-għan li jiġi miġġieled it-tniġġis mill-kadmju.

    (11)

    Għandha tingħata deroga għat-taħlitiet prodotti mill-iskart tal-PVC u msejħa “PVC irkuprat” biex jitħalla t-tqegħid fis-suq għal użu f'ċerti prodotti ta' kostruzzjoni.

    (12)

    L-użu ta' PVC irkuprat għandu jitħeġġeġ fil-manifattura ta' ċerti prodotti tal-bini għax jippermetti l-użu mill-ġdid ta' PVC antik, li jista' jkun fih il-kadmju. Għaldaqstant għandu jingħata valur ta' limitu ogħla għall-kadmju għal dawn il-prodotti tal-bini. Dan jevita li l-PVC jintrema fil-landfills jew jinħaraq li jikkawża rilaxx ta' dijossidu tal-karbonju fl-ambjent.

    (13)

    Dan ir-Regolament għandu japplika sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ biex jippermetti lill-operaturi jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

    (14)

    Huwa previst li minħabba l-projbizzjoni tal-kadmju fil-PVC il-ġdid, il-kontenut tal-kadmju fil-prodotti tal-bini mmanifatturati minn PVC irkuprat għandu jitnaqqas gradwalment. Għalhekk il-valur ta' limitu għall-kadmju għandu jiġi rivedut kif xieraq u l-Aġenzija Ewropea tal-Kimiki (ECHA) għandha tkun involuta fir-reviżjonijiet tar-restrizzjoni kif stipukat fl-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    (15)

    Skont id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri tranżitorji fl-Artikolu 137(1)a tar-REACH, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    (16)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-10 ta' Jannar 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU C 30, 4.2.1988, p. 1.

    (3)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

    (4)  http://ecb.jrc.ec.europa.eu/documents/Existing-chemicals/RISK_ASSESSMENT/REPORT/cdmetalreport303.pdf

    (5)  ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1.

    (6)  ĠU C 149, 14.6.2008, p. 6.

    (7)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/files/markrestr/study-cadmium_en.pdf


    ANNEX

    Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, it-tabella li tiffissa d-deżinjazzjoni tas-sustanzi, il-gruppi ta' sustanzi u t-taħlitiet u l-kundizzjonijiet ta' restrizzjoni hija emendata kif ġej:

    1.

    Fit-tieni kolonna tal-annotazzjoni 23, il-paragrafi minn 1 sa 4 jinbidlu b’dan li ġej:

     

    “1.

    Ma għandhomx jintużaw f'taħlitiet u artikli prodotti minn polimeri organiċi sintetiċi (minn hawn 'il quddiem imsejħa materjal plastiku) bħal:

    il-polimeti jew kopolimeri tal-klorur vinil (PVC) [3904 10] [3904 21]

    poliuretanu (PUR) [3909 50]

    polietilin (LDPE) ta’ densità baxxa, bl-eċċezzjoni ta’ polietilin ta’ densità baxxa li jintuża għall-produzzjoni ta’ masterbatch ikkulurit [3901 10]

    l-aċetat taċ-ċellulosi (CA) [3912 11]

    il-butirat aċetat taċ-ċellulosi (CAB) [3912 11]

    reżini epossidiċi [3907 30]

    reżini tal-melamina-formaldeħida (MF) [3909 20]

    reżini tal-urea-formaldeħida (UF) [3909 10]

    poliesteri mhux saturati (UP) [3907 91]

    polietilene tereftalat (PET) [3907 60]

    polibutilene tereftalat (PBT)

    polistiren trasparenti/għal użu ġenerali [3903 11]

    akrilonitrili metilmetakrilat (AMMA)

    polietilina inkroċjata (VPE)

    polistiren b’saħħtu

    polipropilen (PP) [3902 10]

    polietilene b'densità għolja (HDPE) [3901 20]

    akrilonitrili butadiene stirene (ABS) [3903 30]

    poli(metil metakrilat) (PMMA) [3906 10].

    Taħlitiet u artikli prodotti minn materjal plastiku ma għandux jitqiegħed fis-suq jekk il-konċentrazzjoni tal-kadmju (espressa f'metall Cd) tkun daqs jew ogħla minn 0,01 % tal-piż tal-materjal plastiku.

    Bħala deroga, it-tieni sottoparagrafu ma għandux japplika għall-artikli mqiegħda fis-suq qabel l-10 ta' Jannar 2012.

    L-ewwel u t-tieni sottoparagrafi japplikaw bla ħsara għad-Direttiva tal-Kunsill 94/62/KE (*) u atti adottati fuq dik il-bażi.

    2.

    Ma għandhomx jintużaw f'żebgħat [3208] [3209].

    Għaż-żebgħat b'kontenut ta' żingu li jaqbeż l-10 % tal-piż taż-żebgħa, jekk il-konċentrazzjoni tal-kadmju (espressa bħala metall Cd) ikun daqs jew ogħla minn 0,1 % tal-piż.

    Artikli miżbugħa ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk il-konċentrazzjoni fil-kadmju (espressa f'metall Cd) tkun ogħla minn 0,1 % tal-piż taż-żebgħa fuq l-artiklu miżbugħ.

    3.

    B’deroga, il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-artikli mlewna b'taħlitiet li fihom il-kadmju għal raġunijiet ta' sigurtà.

    4.

    B’deroga, il-paragrafu 1, it-tieni sottoparagrafu ma għandux japplika għal:

    taħlitiet prodotti minn skart tal-PVC, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ‘PVC irkuprat’,

    taħlitiet u artikli li fihom PVC irkuprat jekk il-konċentrazzjoni tal-kadmju tagħhom (espress bħala metall Cd) ma jaqbiżx iż-0,1 % tal-piż tal-materjal plastiku fl-applikazzjonijiet ta' PVC riġidi li ġejjin:

    a)

    Profili u folji riġidi għall-applikazzjonijiet tal-bini,

    b)

    Bibien, twieqi, xaters, ħitan, blajnds, gradi u mwieżeb,

    c)

    Bjut u terrazzini,

    d)

    Kejbils elettriċi,

    e)

    Pajpijiet għal ilma li ma jkunx għax-xorb jekk il-PVC irkuprat jintuża fis-saff nofsani ta' pajp b'ħafna saffi u jkun interament kopert minn saff ta' PVC prodott ġdid b'konformità mal-paragrafu 1 hawn fuq.

    Il-fornituri għandhom jiżguraw, qabel it-tqegħid fis-suq ta' taħlitiet u artikli li fihom PVC irkuprat għall-ewwel darba, li dawn ikunu mmarkati b'tali mod li jkunu viżibbli, leġġibbli u ma jitħassrux bħal kif ġej: ‘Fih PVC irkuprat’ jew bl-istampa li ġejja:

    Image

    Skont l-Artikolu 69 ta' dan ir-Regolament, id-deroga mogħtija fil-paragrafu 4 se tkun riveduta, b'mod partikolari bil-ħsieb li jitnaqqas il-valur limitu għall-kadmju u biex tiġi rrivalutata d-deroga għall-applikazzjonijiet elenkati fil-punti minn a) sa e) sal-31 ta' Diċembru 2017.

    2.

    Fit-tieni kolonna tal-annotazzjoni 23, il-paragrafi 8, 9, 10 u 11 jiżdiedu b'li ġej:

     

    “8.

    Ma għandux jintuża f'fillers li jissaldjaw b'konċentrazzjoni daqs jew ogħla minn 0,01 % tal-piż.

    Fillers li jissaldjaw ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk il-konċentrazzjoni fil-kadmju (espressa bħala Cd metal) tkun daqs jew ogħla minn 0,01 % tal-piż.

    Għall-fini ta' dan il-paragrafu ssaldjar għandha tfisser it-taqgħid tekniku bl-użu ta' liegi u li jsir f'temperaturi ta' iktar minn 450 °C.

    9.

    B'deroga, il-paragrafu 8 ma għandux japplika għal fillers li jissaldjaw użati f'applikazzjonijiet tad-difiża u tal-ajruspazju u għal fillers li jissaldjaw għal użati għal raġunijiet ta' sigurtà.

    10.

    Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq, jew jintużaw, jekk il-konċentrazzjonijiet ikunu daqs jew ogħla minn 0,01 % tal-piż tal-metall fi:

    i)

    żibeġ metalliċi u komponenti metalliċi oħrajn biex issir il-ġojjellerija,

    ii)

    partijiet metalliċi ta' artikli ta' ġojjellerija u ta' imitazzjoni ta' ġojjellerija u aċċessorji għax-xagħar, inklużi:

    Brazzuletti, ġiżirajjen u ċrieket,

    Imsielet,

    Arloġġi tal-idejn u affarijiet li jintlibsu mal-polz,

    Labar tal-ilbies u pulzieri.

    11.

    B'deroga, il-paragrafu 10 ma għandux japplika għall-artikli mqiegħda fis-suq qabel l-10 ta' Jannar 2012 u ġojjellerija li għandha iktar minn 50 sena fl-10 ta' Jannar 2012.”


    (*)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.”


    Top