Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0380

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 380/2011 tat- 18 ta’ April 2011 dwar il-ftuħ ta’ kwota tariffarja għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2011/2012

    ĠU L 103, 19.4.2011, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/380/oj

    19.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 103/4


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 380/2011

    tat-18 ta’ April 2011

    dwar il-ftuħ ta’ kwota tariffarja għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2011/2012

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS [Ir-Regolament dwar l-OKS Waħdieni]) (1), u partikolarment l-Artikolu 142, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jiġi żgurat li l-provvisti meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 62(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jkunu disponibbli bi prezz li jikkorrispondi mal-prezz tas-suq dinji, huwa fl-interess tal-Unjoni li, għas-sena tas-suq 2011/2012, tissospendi d-dazji tal-importazzjoni fuq iz-zokkor maħsub għall-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, għal kwantità li tikkorrispondi għal nofs il-ħtiġijiet tagħha taz-zokkor industrijali.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta’ Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (2) jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti taz-zokkor skont l-Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 bin-numru tas-serje 09.4390 (zokkor ta’ importazzjoni industrijali). Madankollu, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 il-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti li għalihom għandha tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għandhom ikunu determinati permezz ta’ att legali separat.

    (3)

    Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti b'mod korrispondenti l-kwantitajiet tal-importazzjoni ta’ zokkor industrijali li għas sena tas-suq 2011/2012 mhumiex soġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni.

    (4)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-dazji fuq l-importazzjoni taz-zokkor industrijali li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 1701 u bin-numru tas-serje 09.4390 għandhom jiġu sospiżi għal kwantità ta’ 400 000 tunnellata bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u t-30 ta’ Settembru 2012.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2011.

    Għandu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82.


    Top