Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0091

    Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel (kodifikazzjoni) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 334, 16.12.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/91/oj

    16.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/1


    DIRETTIVA 2011/91/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Diċembru 2011

    dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel

    (kodifikazzjoni)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett tal-ikel (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dik id-Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Is-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital.

    (3)

    Il-kummerċ fl-oġġetti tal-ikel jokkupa post importanti ħafna fis-suq intern.

    (4)

    L-indikazzjoni tal-lott li għalih jappartjieni oġġett tal-ikel jilħaq il-ħtieġa ta’ tagħrif aħjar dwar l-identità tal-prodotti. Huwa għalhekk sors utili ta’ tagħrif meta l-oġġetti tal-ikel ikunu s-suġġett ta’ kwistjonijiet jew jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi.

    (5)

    Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (5) ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-identifikazzjoni tal-lott.

    (6)

    Fil-livell internazzjonali hemm obbligu ġenerali li tiġi pprovduta referenza għal-lot ta’ fabbrikazzjoni jew ta’ imballaġġ ta’ oġġetti tal-ikel imballati minn qabel. Huwa d-dmir tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali.

    (7)

    Ta’ min, għalhekk, jiġu previsti regoli ta’ natura ġenerali u orizzontali sabiex tiġi ġestita sistema komuni tal-identifikazzjoni tal-lott.

    (8)

    L-effiċjenza ta’ dik is-sistema tiddependi fuq l-applikazzjoni tagħha fl-istadji varji tat-tqegħid fis-suq. Huwa madankollu mixtieq li jiġu esklużi ċerti prodotti u operazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jseħħu fil-bidu tan-network tad-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli.

    (9)

    Huwa meħtieġ li jitqies il-fatt illi l-konsum immedjat max-xiri ta’ ċerti oġġetti tal-ikel bħall-ġelat f’porzjonijiet individwali jfisser illi l-indikazzjoni tal-lott direttament fuq l-imballaġġ individwali ma sservi l-ebda skop utili. Madankollu, għandu jkun obbligatorju fil-każ ta’ dawk il-prodotti illi jiġi indikat il-lott ta’ oġġetti fuq l-imballaġġ ikkombinat.

    (10)

    Il-kunċett ta’ lott jimplika illi numru ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett tal-ikel għandhom karatteristiċi tal-produzzjoni, tal-fabbrikazzjoni jew tal-imballaġġ kważi identiċi. Dak il-kunċett m’għandux għalhekk japplika għall-prodotti bl-ingrossa jew għall-prodotti li, minħabba n-natura individwali speċifika jew eteroġenja tagħhom, ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti minn batch eteroġenju.

    (11)

    Minħabba l-varjetà tal-metodi ta’ identifikazzjoni wżati, għandha tkun ir-responsabbiltà tan-negozjant li jiddetermina l-lott u li jwaħħal l-indikazzjoni jew il-marka korrispondenti.

    (12)

    Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġiet tat-tagħrif li għaliha hija maħsuba, dik l-indikazzjoni għandha tkun distinta u tingħaraf bħala tali.

    (13)

    Id-data ta’ durabbiltà minima jew id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat, jistgħu, skont id-Direttiva 2000/13/KE, iservu bħala identifikazzjoni tal-lott, sakemm din tiġi indikata b’mod preċiż.

    (14)

    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1.   Din id-Direttiva tikkonċerna l-indikazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-lott li għalih jappartjieni xi oġġett tal-ikel.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘lott’ ifisser batch ta’ unitajiet tal-bejgħ ta’ oġġett tal-ikel prodott, iffabbrikat jew imballat taħt prattikament l-istess kondizzjonijiet.

    Artikolu 2

    1.   Oġġett tal-ikel ma għandux jitqiegħed fis-suq jekk ma jkunx akkumpanjat minn indikazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 1(1).

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

    (a)

    għall-prodotti agrikoli li, malli jħallu l-azjenda, jkunu:

    (i)

    mibjugħa jew ikkunsinjati fi stazzjonijiet ta’ ħażna temporanji, ta’ tħejjija jew ta’ imballaġġ,

    (ii)

    ittrasportati lejn organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew

    (iii)

    miġbura għall-integrazzjoni immedjata f’sistema operazzjonali ta’ preparazzjoni jew ta’ proċessar;

    (b)

    meta, fil-punt tal-bejgħ lill-aħħar konsumatur, l-oġġetti tal-ikel ma jkunux imballati minn qabel, jiġu imballati fuq it-talba tax-xerrej jew jiġu imballati minn qabel għall-bejgħ immedjat;

    (ċ)

    għall-imballaġġi jew il-kontenituri, li l-akbar ġenb tagħhom ikollu area ta’ anqas minn 10 ċm2;

    (d)

    għall-porzjonijiet individwali ta’ ġelat. L-indikazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-lott għandha tidher fuq l-imballaġġ ikkombinat.

    Artikolu 3

    Il-lott għandu jiġi stabbilit f’kull każ mill-produttur, mill-fabbrikant jew mill-pakkeġġjatur tal-oġġett tal-ikel in kwistjoni, jew mill-ewwel bejjiegħ stabbilit fl-Unjoni.

    L-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi determinata u mwaħħla fuq ir-responsabbiltà ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-operaturi. Għandha tkun preċeduta mill-ittra “L” għajr fil-każijiet fejn tkun tingħaraf b’mod ċar mill-indikazzjonijiet l-oħra fuq it-tikketta.

    Artikolu 4

    Fejn l-oġġetti tal-ikel jiġu imballati minn qabel, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u, fejn japplika, l-ittra “L” għandhom jidhru fuq l-imballaġġ minn qabel jew fuq it-tikketta mwaħħla magħhom.

    Fejn l-oġġetti tal-ikel ma jiġux imballati minn qabel, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u, fejn tapplika, l-ittra “L” għandhom jidhru fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur jew, fin-nuqqas ta’ dawn, fuq id-dokumenti kummerċjali rilevanti.

    Għandhom fil-każijiet kollha jidhru b’mod li jkunu jidhru faċilment, jinqraw ċar u ma jitħassrux.

    Artikolu 5

    Meta d-data tad-durabbiltà minima jew id-data sa meta l-oġġett għandu jkun ikkunsmat tidher fuq it-tikketta, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex għalfejn tidher fuq l-oġġett tal-ikel, kemm-il darba d-data tikkonsisti f’mill-anqas l-indikazzjoni mhux ikkodifikata tal-jum u x-xahar f’dik l-ordni.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-indikazzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

    Artikolu 7

    Id-Direttiva 89/396/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti A, hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 9

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SZPUNAR


    (1)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 34.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011.

    (3)  ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 21.

    (4)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (5)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.


    ANNESS I

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

    (imsemmija fl-Artikolu 7)

    Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE

    (ĠU L 186, 30.6.1989, p. 21)

    Direttiva tal-Kunsill 91/238/KEE

    (ĠU L 107, 27.4.1991, p. 50)

    Direttiva tal-Kunsill 92/11/KEE

    (ĠU L 65, 11.3.1992, p. 32)

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

    (imsemmija fl-Artikolu 7)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    89/396/KEE

    20 ta’ Ġunju 1990 (*)

    91/238/KEE

    92/11/KEE


    (*)  F’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/396/KEE, kif emendata bid-Direttiva 92/11/KEE:

    “L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex:

    jawtorizzaw il-kummerċ fil-prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Ġunju 1990,

    jipprojbixxu l-kummerċ fil-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Lulju 1992. Madankollu, il-kummerċ fil-prodotti li tqiegħdu fis-suq jew li ġew ittikkettjati qabel din id-data u li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva jista’ jissokta sakemm jintemmu l-ħażniet.”


    ANNESS II

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Direttiva 89/396/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2(1) u (2)

    Artikolu 2(1) u (2)

    Artikolu 2(3)

    Artikoli 3 sa 6

    Artikoli 3 sa 6

    Artikolu 7

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Anness I

    Anness II


    Top