Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0069

Direttiva tal-Kummissjoni 2011/69/UE tal- 1 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-imidakloprid bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 175, 2.7.2011, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/69/oj

2.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/24


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/69/UE

tal-1 ta’ Lulju 2011

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-imidakloprid bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-imidakloprid.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, l-imidakloprid ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(3)

Il-Ġermanja nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-15 ta' Settembru 2008 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fis-16 ta' Diċembru 2010, f’rapport ta’ valutazzjoni.

(5)

Mill-evalwazzjonijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra u li fihom l-imidakloprid jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li l-imidakloprid jiġi inkluż fl-Anness I għal dik id-Direttiva.

(6)

Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ix-xenarji ta' użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u l-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

(7)

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-kompartiment akkwatiku, xieraq li jintalab li ma jiġux awtorizzati prodotti għal użi f'postijiet fejn jinżammu l-annimali fejn emissjoni għal impjant tat-trattament tad-drenaġġ jew emissjoni diretta lejn l-ilma tal-wiċċ ma jistgħux jiġu evitati, sakemm ma tkunx ipprovduta dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti kemm tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kif ukoll tal-Anness VI għaliha, jekk ikun hemm bżonn bl-applikazzjoni ta' miżuri xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskju.

(8)

Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta' valutazzjoni, huwa xieraq li jintalab li miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji jiġu applikati fil-livell tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti. B'mod partikolari, fid-dawl tar-riskju possibbli għall-persuni mhux professjonisti, għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji biex ikun minimizzat l-esponiment potenzjali tat-trabi u t-tfal.

(9)

Fid-dawl tas-sejbiet relatati mal-esponiment indirett tal-bniedem possibbli permezz tal-konsum tal-ikel, xieraq li tintalab, fejn rilevanti, verifika tal-bżonn li jkunu stabbiliti livelli ġodda jew emendati tar-residwi massimi eżistenti (maximum residue levels (MRLs)) skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4). Għandhom jiġu adottati miżuri li jiżguraw li ma jinqabżux l-MRLs applikabbli.

(10)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva imidakloprid u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali b'mod ġenerali.

(11)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda meħtieġa u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

(12)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(13)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-30 ta’ Ġunju 2012.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(3)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

(4)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

“42

Imidakloprid

(2E)-1-[(6-kloropiridin–3-il)metil]-N-nitroimidażolidin-2-immin

Nru tal-KE: 428-040-8

Nru tal-CAS: 138261-41-3

970 gm/kg

l-1 ta’ Lulju 2013

it-30 ta’ Ġunju 2015

30 ta’ Ġunju 2023

18

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, meta rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni.

Il-prodotti ma għandhomx jiġu awtorizzati għal-użi f'postijiet fejn jinżammu l-annimali fejn emissjoni għal impjant tat-trattament tad-drenaġġ jew emissjoni diretta lejn l-ilma tal-wiċċ ma jkunux jistgħu jiġu evitati, sakemm ma tkunx ipprovduta dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u l-Anness VI, jekk ikun hemm bżonn bl-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji. B'mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji biex ikun minimizzat l-esponiment potenzjali tat-trabi u t-tfal.

Għall-prodotti li fihom l-imidakloprid li jistgħu jwasslu għal residwi fl-ikel jew fl-għalf, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-bżonn li jkunu stabbiliti jew emendati l-livelli massimi ta’ residwi eżistenti (MRLs) skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 jew ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 u jieħdu kwalunkwe miżura xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji u jiżguraw li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux.”


(*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm


Top