Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0066

    Direttiva tal-Kummissjoni 2011/66/UE tal- 1 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 175, 2.7.2011, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/66/oj

    2.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 175/10


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/66/UE

    tal-1 ta’ Lulju 2011

    li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on

    (2)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotjażol-3-one ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 8, preservattivi tal-injam, kif iddefinit fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

    (3)

    In-Norveġja ġiet innominata bħala Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Settembru 2008 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

    (4)

    Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, ir-riżultati tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fis-16 ta Diċembru 2010, f’rapport ta’ valutazzjoni.

    (5)

    Skont l-evalwazzjonijiet li saru, huwa mistenni li l-prodotti bijoċidali użati bħala preservattivi tal-injam u li fihom il-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on huma mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk xieraq li l-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on ikun inkluż fl-Anness I għal dik id-Direttiva.

    (6)

    Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ix-xenarji ta' użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u l-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jittaffew għal livelli aċċettabbli.

    (7)

    Fid-dawl tar-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem, xieraq li jkun mitlub li jkunu stabbiliti proċeduri operazzjonali sikuri għal prodotti awtorizzati għall-użu industrijali jew professjonali, u li dawk il-prodotti jintużaw b'tagħmir personali protettiv adegwat sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jkunx jista' jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali jew professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli permezz ta' mezzi oħra.

    (8)

    Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-kompartimenti akkwatiċi u terrestri, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat jinħażen wara t-trattament taħt għata jew fuq bażi iebsa u impermeabbli, jew it-tnejn, u li kwalunkwe fdalijiet li jiskulaw mill-applikazzjoni ta' prodotti li jintużaw bħala preservattivi tal-injam u li jkun fihom il-4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on jinġabru għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.

    (9)

    Ġew identifikati riskji inaċċettabbli għall-ambjent f'diversi xenarji ta' użu ta' njam fil-post trattat li mhux mgħotti jew li ma jmissx mal-art, u li jkun jew espost kontinwament għall-elementi tat-temp jew protett mill-elementi tat-temp iżda ta' spiss soġġett għat-tixrib (klassi tal-użu 3 kif iddefinit mill-OECD (3)) u njam li jiġi f'kuntatt mal-ilma ħelu (klassi tal-użu 4b kif iddefinit mill-OECD (4)). Għalhekk, huwa xieraq li jkun hemm l-esiġenza li l-prodotti ma għandhomx jiġu awtorizzati għat-trattament tal-injam li jkun se jintuża f'bini fl-apert li jkun qrib jew fuq l-ilma, sakemm ma tkunx ġiet sottomessa dejta biex turi li l-prodott se jkun jissodisfa r-rekwiżiti kemm tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kif ukoll tal-Anness VI għaliha, jekk meħtieġ bl-applikazzjoni ta' miżuri xierqa tat-taffija tar-riskji.

    (10)

    Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva 4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on u wkoll biex jiġi faċilitat l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali b'mod ġenerali.

    (11)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

    (12)

    Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

    (13)

    Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

    (14)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2012.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2013.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

    (2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

    (3)  Serje ta' dokumenti tal-OECD dwar ix-xenarji ta' emissjonijiet, Numru 2, Dokument dwar ix-Xenarji ta' Emissjonijiet għall-Preservattivi tal-Injam, il-parti 2, p. 64.

    (4)  Ibid.


    ANNESS

    Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

    Nru

    Isem Komuni

    Isem tal-IUPAC

    Numri ta’ Identifikazzjoni

    Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

    Data tal-inklużjoni

    Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

    Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

    Tip ta’ prodott

    Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

    “44

    4,5-Dikloro-2-ottil-2H-isotijażol-3-on

    4,5-Dikloro-2-ottilisotijażol-3(2H)-one

    Nru tal-KE: 264-843-8

    Nru tal-CAS: 64359-81-5

    950  gm/kg

    l-1 ta' Lulju 2013

    it-30 ta’ Ġunju 2015

    it-30 ta’ Ġunju 2023

    8

    Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, meta rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni.

    Il-prodotti ma għandhomx jiġu awtorizzati għat-trattament tal-injam espost kontinwament għall-elementi tat-temp jew protett mill-elementi tat-temp iżda soġġett ta' spiss għat-tixrib jew li jiġi f'kuntatt mal-ilma ħelu, sakemm ma tkunx ġiet sottomessa dejta biex turi li l-prodott se jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u tal-Anness VI, jekk meħtieġ bl-applikazzjoni ta' miżuri xierqa tal-mitigazzjoni tar-riskji.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    Għal prodotti awtorizzati għall-użu industrijali jew professjonali għandhom ikunu stabbiliti proċeduri operazzjonali sikuri, u l-prodotti għandhom jintużaw flimkien ma' tagħmir protettiv personali xieraq, sakemm fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott ma jistax jintwera li r-riskji għall-utenti industrijali jew għal dawk professjonali jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli b’mezzi oħra.

    (2)

    It-tikketti jew il-fuljetti tad-dejta tas-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat jeħtieġlu jinħażen wara t-trattament taħt għata jew fuq bażi iebsa u impermeabbli, jew it-tnejn, biex ma jitħalliex li jkun hemm fdalijiet li jiskulaw dirett fil-ħamrija jew fl-ilma, u li kwalunkwe fdalijiet mill-applikazzjoni tal-prodott għandhom jinġabru għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.”


    (*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm


    Top