Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0906(01)

    Deċiżjoni Nru S8 tal- 15 ta' Ġunju 2011 dwar l-għoti ta' proteżi, apparat maġġuri u benefiċċji sostanzjali oħra in natura previsti fl-Artiklu 33 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera

    ĠU C 262, 6.9.2011, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    6.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 262/6


    DEĊIŻJONI Nru S8

    tal-15 ta' Ġunju 2011

    dwar l-għoti ta' proteżi, apparat maġġuri u benefiċċji sostanzjali oħra in natura previsti fl-Artiklu 33 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

    2011/C 262/06

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

    Wara li kkunsidrat l-Artiklu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li skont dan, il-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli biex tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha, jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 (2),

    Wara li kkunsidrat l-Artiklu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

    Waqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artiklu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

    Billi:

    (1)

    L-Artiklu 33(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jikkostitwixxi klawsola ta' salvagwardja li trid tkun applikata waqt perjodu ta' żmien immedjatament wara l-mument tal-bidla tal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

    (2)

    Dan l-Artiklu japplika meta persuna tkun tista' titlef id-dritt tagħha għall-benefiċċji tal-mard min natura tagħhom huma mfassla għall-ħtiġijiet personali tagħha, u li qegħdin fil-proċess li jiġu pprovduti jew li ġew approvati iżda għadhom ma ġewx ipprovduti, minħabba xi bidla fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

    (3)

    Telfa bħal din tista' titqies bħala mhux proporzjonali, meta wieħed iqis il-karattru tal-benefiċċju u l-qagħda medika tal-persuna kkonċernata.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artiklu 1

    Il-proteżi, apparati maġġuri, u benefiċċji sostanzjali oħra li min natura tagħhom huma msemmija fl-Artiklu 33(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom jikkostitwixxu benefiċċji li:

    huma mfassla għall-ħtiġijiet personali speċifiċi, u

    qegħdin fil-proċess li jiġu pprovduti jew ġew approvati iżda għadhom mhux ipprovduti, u

    huma ddefiniti u/jew trattati bħala tali mill-Istat Membru li skont il-leġiżlazzjoni tiegħu l-persuna assigurata kienet assigurata qabel ma din ġiet assigurata skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ieħor.

    Lista mhux eżawrjenti li tindika l-benefiċċji, li meta jissodisfaw il-kriterji ddeterminati hawn fuq għandhom jiġu ttrattati bħala tali, tinsab fl-Anness għal din id-deċiżjoni.

    Artiklu 2

    Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    Éva GELLÉRNÉ LUKÁCS


    (1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1 (Rettifika ĠU L 200, 7.6.2004, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' skemi ta’ sigurtà soċjali, ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


    ANNESS

    Proteżi

    (a)

    proteżi ortopediċi;

    (b)

    għajnuniet viżwali bħall-proteżi okulari;

    (c)

    proteżi dentali (iffissati u li jistgħu jitneħħew).

    Apparat maġġuri

    (d)

    siġġijiet tar-roti, ortożi, żraben, u għajnuniet oħra biex bniedem ikun jista' jiċċaqlaq, joqgħod bil-wieqfa u joqgħod bil-qiegħda;

    (e)

    lentijiet ta' kuntatt, nuċċalijiet bil-lenti u teleskopiċi;

    (f)

    għajnuniet għal dawk neqsin mis-smigħ jew għall-muti;

    (g)

    nebjuliżers;

    (h)

    obturaturi għall-użu fil-ħalq;

    (i)

    apparat ortodontiku.

    Benefiċċji sostanzjali oħra mogħtija in natura

    (j)

    trattamenti speċjalisti għall-pazjenti li jiġu trattati fl-isptar;

    (k)

    trattament fi stabbiliment fejn wieħed joqgħod biex jirkupra saħħtu;

    (l)

    rijabilitazzjoni terapewtika;

    (m)

    mezzi kumplimentarji ta' dijanjożi;

    (n)

    kwalunkwe sussidju mogħti biex ikopri parti mill-ispejjeż tal-benefiċċji elenkati hawn fuq.


    Top