Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0881

    2011/881/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament li tappoġġa studji ta’ sorveljanza volontarja dwar it-telf tal-kolonja tan-naħal tal-għasel (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9597)

    ĠU L 343, 23.12.2011, p. 119–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/881/oj

    23.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 343/119


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta’ Diċembru 2011

    dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament li tappoġġa studji ta’ sorveljanza volontarja dwar it-telf tal-kolonja tan-naħal tal-għasel

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9597)

    (2011/881/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari mill-Artikolu 22 sa 24 tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (minn hawn ’il quddiem imsejħin ir-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fil-kamp veterinarju.

    (2)

    B’mod partikolari, l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jipprovdi li l-Komunità tista’ tieħu, jew tassisti lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja.

    (3)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel (4) tagħti ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni li diġà ttieħdu u li qed jittieħdu fir-rigward tas-saħħa tan-naħal tal-għasel fl-UE. Il-kwistjoni ewlenija li l-komunikazzjoni tindirizza hija l-mortalità tan-naħal. Dawn il-mortalitajiet ġew irrapportati f’bosta pajjiżi fid-dinja u anke fl-UE.

    (4)

    Fl-2009, il-proġett tal-EFSA “Il-Mortalità tan-Naħal u s-Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa” kkonkluda li b’mod ġenerali, is-sistemi ta’ sorveljanza fl-UE huma dgħajfa u hemm nuqqas ta’ dejta fuq livell ta’ Stati Membri u nuqqas ta’ dejta komparabbli fuq livell ta’ UE.

    (5)

    L-azzjonijiet ewlenin li pproponiet il-Kummissjoni kienu li jitwaqqaf laboratorju ta’ referenza tal-UE (EURL) għas-saħħa tan-naħal, u li jitniedu studji ta’ sorveljanza dwar it-telf tal-kolonja tan-naħal tal-għasel appoġġati għall-aspetti teknikċi mill-EURL u kofinanzjati mill-Kummissjoni.

    (6)

    L-ewwel pass diġà tlesta peress li l-EURL għas-saħħa tan-naħal twaqqaf bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 87/2011 (5) u ilu jopera mill-1 ta’ April 2011. (ANSES – Sophia Antipolis – FR).

    (7)

    Kif intalab mill-Kummissjoni, il-EURL għas-saħħa tan-naħal ħoloq dokument tekniku “Basis for a pilot surveillance project on honey bee colony losses” (Bażi għal proġett pilota ta’ sorveljanza dwar it-telf tal-kolonja tan-naħal tal-għasel li jista’ jinstab fuq http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/bees/bee_health_en.htm) li jipprovdi gwida għall-Istati Membri biex jelaboraw l-istudji tagħhom ta’ sorveljanza.

    (8)

    Sabiex tittejjeb id-disponibbiltà tad-dejta dwar is-saħħa tan-naħal, huwa xieraq li ċerti studji ta’ sorveljanza fl-Istati Membri dwar it-telf tan-naħal tal-għasel jingħataw assistenza u appoġġ.

    (9)

    L-Istati Membri kienu mistiedna jibagħtu lill-Kummissjoni l-istudji tagħhom ta’ sorveljanza bbażati fuq id-dokument tekniku tal-EURL għas-saħħa tan-naħal sat-30 ta’ Settembru 2011.

    (10)

    Għoxrin Stat Membru bagħtu l-proposti tagħhom għall-istudji ta’ sorveljanza. Dawn il-proposti qed jiġu evalwati mil-lat tekniku u finanzjarju sabiex tiġi vvalutata l-konformità tagħhom mad-dokument tekniku “Basis for a pilot surveillance project on honey bee colony losses”. Wara l-proċess tal-evalwazzjoni u l-għażla, ir-rata ta’ kofinanzjament li ma taqbiżx is-70 % u l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali għall kull Stat Membru tkun iffissata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni sussegwenti.

    (11)

    L-istudji ta’ sorveljanza jeħtieġ jinkludu kontrolli fuq il-ġarar tan-naħal fil-perjodu ta’ qabel ix-xitwa u mbagħad żjara wara x-xitwa. Żjara oħra hi ppjanata matul is-sajf. Għalhekk, skont it-tfassil tal-programmi tal-Istati Membri, l-ewwel żjara hi mistennija li ssir qabel ix-xitwa 2012 filwaqt li t-tieni waħda hi mistennija li ssir is-sena ta’ wara. Għal din ir-raġuni, huwa l-waqt opportun li jiġi kkunsidrat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni li jibda mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    (12)

    Huwa xieraq li jiġi stabbilit finanzjament mill-Unjoni għall-istudji billi jiġu allokati EUR 3 750 000.

    (13)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u skont l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

    (14)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-istudji ta’ sorveljanza dwar l-azzjoni tat-telf tal-kolonja tan-naħal tal-għasel hija ta’ EUR 3 750 000. Il-kontribuzzjoni tapplika għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    2.   Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għal massimu ta’ 70 % hija limitata għal spejjeż relatati ma’:

    (i)

    it-twettiq ta’ testijiet tal-laboratorju u

    (ii)

    il-persunal allokat speċjalment għal:

    it-twettiq ta’ kampjuni u

    il-monitoraġġ tal-istat ta’ saħħa tal-ġarar u tal-kolonji tan-naħal.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

    (2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

    (4)  COM(2010) 714 finali.

    (5)  ĠU L 29, 3.2.2011, p. 1.


    Top