EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0857

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/857/PESK tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/857/oj

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/52


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/857/PESK

tad-19 ta’ Diċembru 2011

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Waqt li jikkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, l-Artiklu 42(4) u l-Artiklu 43(2) tiegħu,

Waqt li jikkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (1).

(2)

Fis-26 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/312/PESK (2) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK u li testendiha sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(3)

Fit-8 ta’ Novembru 2011, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda l-estensjoni teknika tal-EU BAM Rafah għal 6 xhur oħra.

(4)

L-EU BAM Rafah għandha tiġi estiża ulterjorment mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012 abbażi tal-mandat attwali tagħha.

(5)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(6)

L-EU BAM Rafah ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 12 ġie sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom għall-EU BAM Rafah f’konformità mal-Artikoli 5 u 9, f’koordinazzjoni mad-Direttorat tas-Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EU BAM Rafah u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-EU BAM Rafah, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattar u l-istrumenti ta’ sostenn tiegħu.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mad-Direttetorat ta’ Sigurtà tas-SEAE.

4.   Il-persunal tal-EU BAM Rafah għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda d-dmirijiet tiegħu f’konformità mal-OPLAN. Hu għandu jirċievi taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post, organizzat mill-SMSO.”;

(2)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 ġie sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perijodu mill-25 ta’ Novembru 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 21 570 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 970 000.”;

(3)

fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu ġie sostitwit b’dan li ġej:

“Hija ser tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2012.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28.

(2)  ĠU L 140, 27.5.2011, p. 55.


Top