Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0844

    2011/844/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9169) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 334, 16.12.2011, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2021; Imħassar b' 32020R0687

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/844/oj

    16.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/31


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-14 ta’ Diċembru 2011

    li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9169)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/844/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3), u b’ mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (5) tistipula ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda, inkluż il-ħolqien ta’ żoni A u B wara tifqigħa suspettata jew ikkonfermata tal-marda. Dawn iż-żoni huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE. Dik id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (2)

    Seħħ tifqiegħ tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Unjoni fir-Rumanija f’Marzu tal-2010 u l-vajrus instab f’għasfur salvaġġ fil-Bulgarija f’April tal-2010. Skont it-tagħrif disponibbli bħalissa ma hemmx tifqiegħ ta’ din il-marda fl-Unjoni. Huwa għalhekk xieraq li titneħħa r-Rumanija mil-lista stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE.

    (3)

    Il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/415/KE rriżultaw effettivi ħafna u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea taż-żoni li l-awtorità kompetenti qiegħdet taħt restrizzjonijiet żiedet it-trasparenza u l-fiduċja tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi mhux affettwati fil-miżuri li ttieħdu.

    (4)

    Barra minn hekk, l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna għadha preżenti f’bosta pajjiżi terzi u għalhekk tibqa’ theddida għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin fl-Unjoni. Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/415/KE għandu għalhekk jiġi estiż.

    (5)

    F’Settembru tal-2011 bdiet evalwazzjoni esterna tan-netwerk ta’ reazzjoni ta’ emerġenza tal-Unjoni. L-evalwazzjoni għandha l-għan li tara kemm in-netwerk huwa effikaċi. Din l-evalwazzjoni trid titlesta sa Awwissu tal-2012. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jitqiesu f’analiżi eventwali tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/415/KE.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2006/415/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni Nru 2006/415/KE hija emendata kif ġej:

    1.

    fl-Artikolu 12, id-data “31 ta’ Diċembru 2011” tinbidel u ssir “31 ta’ Diċembru 2013”;

    2.

    fl-Anness, l-annotazzjonijiet għar-Rumanija jitħassru.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

    (4)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

    (5)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51.


    Top