Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0822

2011/822/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-Bangladexx skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (notifikata bid-dokument numru C(2011) 8999) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 327, 9.12.2011, pp. 68–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/822/oj

9.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/68


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Diċembru 2011

dwar ir-rikonoxximent tal-Bangladexx skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8999)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/822/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talbiet minn Ċipru fis-26 ta’ Lulju 2007, mill-Italja fl-24 ta’ Diċembru 2007 u mill-Belġju fil-25 ta’ Ġunju 2008,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-Istandards għat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u l-Għassa għall-Baħħara, 1978 (il-Konvenzjoni STCW) (2), kif ġiet riveduta fl-1995.

(2)

It-talbiet għar-rikonoxximent tal-Bangladexx tressqu permezz tal-ittri tas-26 ta’ Lulju 2007 minn Ċipru, tal-24 ta’ Diċembru 2007 mill-Italja u tal-25 ta' Ġunju 2008 mill-Belġju. Wara dawn it-talbiet, il-Kummissjoni vvalutat is-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fil-Bangladexx sabiex tivverifika jekk il-Bangladexx jikkonformax mar-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex jiġi evitat il-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fi Frar 2008. Matul dik l-ispezzjoni, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fis-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni pprovdiet rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Istati Membri.

(4)

Permezz tal-ittri tas-26 ta' Marzu 2009, tad-9 ta' Diċembru 2009 u tat-28 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Bangladexx jibagħtilha provi li juru li n-nuqqasijiet identifikati kienu tranġaw.

(5)

Permezz tal-ittri tad-29 ta’ Marzu 2009, tal-21 ta' Mejju 2009, tat-12 ta' Lulju 2009, tal-4 ta' Jannar 2010, tas-27 ta' Frar 2011 u tal-14 ta' Marzu 2011, il-Bangladexx ta t-tagħrif u l-provi mitluba dwar l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex jiġu indirizzati ħafna min-nuqqasijiet identifikati matul il-valutazzjoni tal-konformità.

(6)

In-nuqqasijiet li fadal jikkonċernaw, fuq naħa waħda, in-nuqqas ta' ċertu tagħmir ta' taħriġ f'waħda mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ marittimu tal-Bangladexx, u min-naħa l-oħra, it-taħriġ għal korsijiet preparatorji relatati mat-Taqsima A-II/1 tal-Kodiċi STCW. Għalhekk, il-Bangladexx ġie mistieden jimplimenta iktar azzjonijiet korrettivi b’rabta ma’ dan. Madankollu, dawn in-nuqqasijiet ma jwasslux biex iqajmu dubji dwar il-livell ġenerali tal-konformità tal-Bangladexx mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

(7)

Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-konformità u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovdut mill-Bangladexx juri li l-Bangladexx jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tal-Konvenzjoni STCW, filwaqt li dan il-pajjiż ħa miżuri xierqa biex jevita l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-għanijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, il-Bangladexx huwa rrikonoxxut f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)   ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(2)  Adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.


Top