EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0721

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ Novembru 2011 li tagħti deroga mitluba mill-Italja fir-rigward tar-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument numru C(2011) 7770)

ĠU L 287, 4.11.2011, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/721/oj

4.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Novembru 2011

li tagħti deroga mitluba mill-Italja fir-rigward tar-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7770)

(It-test bil-lingwa Taljana biss huwa awtentiku)

(2011/721/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għaliha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta’ kultivazzjoni u uċuħ b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

L-Italja ressqet talba lill-Kummissjoni għal deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE fir-rigward tar-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto.

(3)

Id-dedroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Italja li tippermetti l-applikazzjoni fir-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto sa massimu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru kull sena minn demel tal-ifrat u minn demel ipproċessat tal-ħnieżer f’farms b’mill-anqas 70 % tal-uċuħ b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu u bi staġun twil tat-tkabbir. Huwa stmat li d-deroga potenzjalment tiġbor taħtha madwar 10 313 farm tal-ifrat u 1 241 farm tal-ħnieżer fir-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto, li jgħoddu rispettivament għal 15,9 % u 9,7 % tal-farms kollha tal-ifrat u tal-ħnieżer f’dawn ir-Reġjuni, għal 10,7 % tal-Art Agrikola Użata u 29,1 % tal-bhejjem tal-ħalib kollha u għal 49,3 % tal-għadd totali ta’ ħnieżer fl-istess Reġjuni. Barra minn dan, il-farms tar-raba’ jistgħu japplikaw ukoll għad-deroga.

(4)

Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE u tistabbilixxi l-programmi ta’ azzjoni fl-Emilia Romagna (Deċiżjoni nru 1273/2011 5.09.2011), il-Lombardia (Deċiżjoni nru IX/2208 14.09.2011), il-Piemonte (Deċiżjoni 18-2612 19.09.2011) u l-Veneto (Deċiżjoni nru 1150 26.07.2011), ġiet adottata u tapplika flimkien ma’ din id-Deċiżjoni għall-perjodu ta’ bejn 2012 u 2015.

(5)

Iż-żoni vulnerabbli magħżula li japplikaw għalihom il-programmi jkopru madwar 63 % tal-Erja Agrikola Użata (EAU) tal-Emilia Romagna, 82 % tal-EAU tal-Lombardia, 38 % tal-EAU tal-Piemonte u 87 % tal-EAU tal-Veneto.

(6)

Id-dejta mressqa dwar il-kwalità tal-ilma turi li għall-ilma ta’ taħt l-art fir-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto, 89 % mill-massa tal-ilma ta’ taħt l-art għandha medja ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrati taħt il-50 mg/l ta’ nitrati u 63 % għandha medja ta’ konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l ta’ nitrati. Għall-ilma tal-wiċċ, aktar minn 98 % tas-siti ta’ monitoraġġ għandhom medja ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrati taħt il-25 mg/l u fl-ebda punt ma hemm konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 50 mg/l ta’ nitrati.

(7)

Ir-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto jgħoddu għal aktar minn 70 % tal-bhejjem fl-Italja: partikolarment, 67,1 % tal-ifrat tal-ħalib, 60,6 % tal-ifrat l-oħra, 81 % tal-ħnieżer u 79,4 % tat-tjur. L-għadd tal-bhejjem juri xejra ’l isfel fil-perjodu 1982-2007 (medja ta’ 20 % għall-erba’ Reġjuni).

(8)

Fil-perjodu 1979-2008 naqsu kemm il-konsum tan-nitroġenu kimiku kif ukoll l-użu ta’ fertilizzanti bil-fosforu minerali; tal-aħħar naqas b’70 %.

(9)

Il-mergħat, iż-żerriegħa tal-qamħirrun, il-qamħirrun għall-ħżin għall-għalf u ċ-ċereali tax-xitwa jokkupaw madwar 53 % tal-erja agrikola totali fl-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto.

(10)

Id-dokumenti anċillari li tressqu mat-talba għad-deroga juru li l-ammont propost ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel tal-ifrat u minn demel ipproċessat tal-ħnieżer huwa ġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma preċipitazzjoni netta għolja, staġuni twal ta’ tkabbir, u produzzjoni għolja ta’ uċuħ b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

(11)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba, tqis li l-ammont propost ta’ 250 kg għal kull ettaru minn demel tal-ifrat u minn demel ipproċessat tal-ħnieżer mhux se jippreġudika l-ksib tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mill-Italja permezz tal-ittri tal-10 ta’ Marzu 2011 u tat-28 ta’ Lulju 2011, fir-rigward tar-Reġjuni tal-Emilia Romagna, il-Lombardia, il-Piemonte u l-Veneto, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta’ demel mill-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tagħha, tingħata, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“farms” tfisser azjendi agrikoli kemm jekk irabbu l-bhejjem kif ukoll jekk ma jrabbux;

(b)

“roqgħa ta’ art” tfisser għalqa individwali jew grupp ta’ għelieqi, li huma omoġenji f’dak li għandu x’jaqsam mal-uċuħ, it-tip ta’ ħamrija u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni;

(c)

“mergħa” tfisser artijiet li jintużaw għall-mergħa b’mod permanenti jew temporanju (temporanju ġeneralment tfisser perjodu ta’ anqas minn erba’ snin);

(d)

“qamħirrun li jimmatura tard” tfisser qamħirrun tal-klassi FAO 600-700, miżrugħ bejn nofs Marzu u l-bidu ta’ April, b’ċiklu ta’ tkabbir ta’ mill-anqas 145-150 jum;

(e)

“qamħirrun jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa”, tfisser qamħirrun jew sorgu li jimmatura kmieni jew ftit aktar tard segwit bi ħxejjex tax-xitwa, bħalma huma s-sikrana Taljana, ix-xgħir, it-triticale jew is-segala tax-xitwa;

(f)

“ċereali tax-xitwa segwiti bi ħxejjex tax-sajf”, tfisser qamħ tax-xitwa, xgħir tax-xitwa jew triticale segwiti bi ħxejjex tas-sajf, bħalma huma l-qamħirrun, is-sorgu, is-Setaria jew il-Milju (Panicum) sp.;

(g)

“uċuħ b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu jew bi staġun ta’ tkabbir twil” tfisser mergħa, qamħirrun li jimmatura tard, qamħirrun jew sorgu segwit bi ħxejjex tax-xitwa u b’ċereali tax-xitwa segwiti bi ħxejjex tas-sajf;

(h)

“demel tal-ifrat” tfisser demel tal-bhejjem li jipproduċu l-ifrat, inkluż waqt li jkunu jirgħu jew f’forma pproċessata;

(i)

“trattament tad-demel” tfisser l-ipproċessar tad-demel tal-ħnieżer f’żewġ partijiet, il-parti solida u l-oħra likwida, u li jsir biex jitjieb l-użu fl-art u jiżdied l-irkupru tan-nitroġenu u tal-fosforu;

(j)

“demel ipproċessat” tfisser il-parti likwida li tirriżulta mit-trattament tad-demel tal-ħnieżer, bi proporzjon minimu ta’ nitroġenu mal-fostfat (N/P2O5) ta’ 2,5;

(k)

“demel ipproċessat mingħajr nitroġenu” tfisser demel ipproċessat b’kontenut ta’ nitroġenu ta’ anqas minn 30 % meta mqabbel mal-kontenut ta’ nitroġenu fid-demel tal-ħnieżer mhux ipproċessat;

(l)

“ħamrijiet b’kontenut baxx ta’ Materja Organika” tfisser ħamrijiet b’kontenut ta’ karbonju organiku ta’ anqas minn 2 % fit-30 ċentimetru ta’ fuq tal-ħamrija;

(m)

“ħamrijiet mingħajr salinità jew b’salinità baxxa” tfisser dawk il-ħamrijiet b’konduttività elettrika f’estratt minn għaġna saturata ta’ ħamrija ECe < 4 mS/cm jew b’konduttività elettrika ta’ EC 1:2 < 1 ms/cm f’estratt milwiem bi proporzjon ta’ ħamrija mal-ilma ta’ 1:2, jew żoni definiti li żgur mhumiex f’riskju ta’ salinizzazzjoni, kif indikat fil-mapep tal-ħamrija definiti fil-livell reġjonali;

(n)

“effiċjenza fl-użu tan-nitroġenu” tfisser il-perċentwali mit-total ta’ nitroġenu użat fil-forma ta’ demel tal-bhejjem li jkun disponibbli għall-uċuħ matul is-sena tal-użu.

Artikolu 3

Ambitu

Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għal farms, fejn 70 % jew aktar tal-erja tal-farm tkun kkultivata b’uċuħ li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

Artikolu 4

Applikazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ta’ kull sena jressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta’ Frar.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 huma għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 5

Trattament tad-demel

1.   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga biex jużaw demel tal-ħnieżer ipproċessat għandhom ta’ kull sena jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip ta’ trattament tad-demel;

(b)

il-kapacità u l-karatteristiċi ewlenin tal-impjant tat-trattament, fosthom l-effiċjenza tiegħu;

(c)

l-ammont ta’ demel mibgħut għat-trattament;

(d)

l-ammont, il-kompożizzjoni, fosthom speċifikazzjoni tal-kontenut tan-nitroġenu u l-fosforu, u d-destinazzjoni tal-parti solida;

(e)

l-ammont, il-kompożizzjoni, fosthom speċifikazzjoni tal-kontenut tan-nitroġenu u l-fosforu, u d-destinazzjoni tad-demel ipproċessat;

(f)

l-istima tat-telf f’gassijiet matul it-trattament.

2.   Il-parti solida li tirriżulta mit-trattament tad-demel għandha tiġi stabbilizzata sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ u emissjonijiet oħrajn, jittejbu l-proprjetajiet agronomiċi u iġeniċi, jitħaffef il-maniġġ u tiżdied id-disponibbiltà tan-nitroġenu u l-fosfat għall-uċuħ. Il-prodott li jirriżultat ma għandux jintuża f’farms derogati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw miżuri biex iħeġġu l-użu tal-parti solida stabbilizzata f’ħamrijiet b’kontenut baxx ta’ Materja Organika. Dawn il-ħamrijiet huma indikati f’mapep imħejjija fil-livell reġjonali u li jkunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-metodoloġiji għall-valutazjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ipproċessat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenefika minn deroga individwali.

4.   L-ammonja u l-emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel għandhom jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet kompetenti f’postijiet rappreżentattivi għal kull teknika ta’ trattament. Għandu jitħejja inventarju tal-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ.

Artikolu 6

Użu ta’ demel u fertilizzanti oħra

1.   L-ammont ta’ demel tal-ifrat, inkluż dak mill-bhejjem stess, u ta’ demel ipproċessat applikat fuq l-art kull sena f’farms li jibbenefikaw minn deroga ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 12.

2.   L-ammonti totali ta’ nitroġenu użat ma għandhomx jaqbżu l-bżonn prevista ta’ nutrijent għall-wiċċ ikkunsidrat. Għandu jqis id-disponibbiltà fil-ħamrija u d-disponibbiltà ogħla ta’ nitroġenu fid-demel minħabba t-trattament tad-demel. Ma għandux jaqbeż l-istandards massimi ta’ applikazzjoni, kif stabbiliti fil-programmi ta’ azzjoni applikabbli għall-farm.

3.   L-ammonti totali ta’ fosforu użat ma għandhomx jaqbżu l-bżonn prevista ta’ nutrijent għall-wiċċ ikkunsidrat u għandu jqis id-disponibbiltà tal-fosfat fil-ħamrija. Ma għandux jintuża fosforu fil-fertilizzanti kimiċi fil-farms derogati.

4.   Għandu jitħejja pjan ta’ fertilizzazzjoni b’deskrizzjoni tan-newba tal-uċuħ tal-farm u tal-għoti ppjanat ta’ demel u fertilizzanti minerali għall kull farm sal-15 ta’ Frar l-aktar tard.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ bhejjem, deskrizzjoni ta’ kif jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum u t-tip ta’ ħżin disponibbli għad-demel;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu u fosforu fid-demel prodott fil-farm;

(c)

id-deskrizzjoni tat-trattament tad-demel u tal-karatteristiċi tad-demel ipproċessat (jekk rilevanti);

(d)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi ta’ demel fornut barra l-farm jew fil-farm;

(e)

it-tinwib u l-erja tal-irqajja’ tal-art b’uċuħ li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun twil tat-tkabbir u rqajja’ b’uċuħ oħra;

(f)

ir-rendiment mistenni minn kull wiċċ ikkoltivat, skont in-nutriment u l-ilma disponibbli, kif ukoll il-kundizzjonijet lokali, bħall-klima, it-tip ta’ ħamrija, eċċ.;

(g)

il-ħtiġijiet stimati ta’ nitroġenu u fosforu għal kull roqgħa art;

(h)

kalkolu tan-nitroġenu u fosforu fid-demel li għandu jintuża f’kull roqgħa art;

(i)

kalkolu tan-nitroġenu mill-fertilizzanti kimiċi li għandu jintuża f’kull roqgħa art;

(j)

stima tal-ammont ta’ ilma meħtieġ għall-irrigazzjoni u indikazzjoni preċiża tas-sors tal-ilma; l-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma jew il-kuntratt tal-użu tal-ilma mal-“konsorzju tal-ilma” rilevanti jew mappa li tindika li l-farm jinsab f’żoni fejn ilma ta’ taħt l-art baxx imiss maż-żona tal-għeruq għandha tkun inkluża fil-pjan.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiċi agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiċi agrikoli attwali.

5.   Kull farm għandu jżomm iżomm rendikont tal-fertilizzazzjoni għal kull roqgħa art. Dawn għandhom jinkludu l-ammonti u meta ngħataw id-demel u l-fertilizzanti kimiċi.

6.   L-awtorizzazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma jew il-kuntratt tal-użu tal-ilma mal-“konsorzju tal-ilma” rilevanti jew mappa li tindika li l-farm jinsab f’żoni fejn ilma ta’ taħt l-art baxx imiss maż-żona tal-għeruq għandha tkun disponibbli fil-farm. Fejn applikabbli, l-ammont ta’ ilma awtorizzat jew kuntrattat għandu jkun biżżejjed biex jintlaħqu redimenti tal-uċuħ li jinkisbu f’kundizzjonijiet fejn ma jkunx hemm restrizzjonijiet fl-ilma.

7.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli għal kull farm li jibbenefika minn deroga. L-analiżi u t-teħid ta’ kampjuni għandhom jitwettqu qabel l-1 ta’ Ġunju u tal-anqas darba kull erba’ snin għall-fosforu u n-nitroġenu għall kull erja omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u tal-karatteristiċi tal-ħamrija. Tkun meħtieġa, mill-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art.

8.   Id-demel tal-bhejjem użat fil-farms derogati għandu jkollu effiċjenza tal-użu ta’ nitroġenu ta’ mill-anqas 65 % għall-parti likwida u ta’ 50 % għall-parti solida.

9.   Id-demel mill-bhejjem u l-fertilizzanti kimiċi applikati fil-farms derogati ma jistax jintuża wara l-1 ta’ Novembru.

10.   Mill-inqas, żewġ terzi tal-ammont ta’ nitroġenu mid-demel, għajr għall-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jirgħu, għandu jintuża qabel it-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Għal dan il-għan, il-farms li jibbenefikaw minn deroga għandhom ikollhom kapaċità adekwata ta’ ħżin tad-demel tal-bhejjem, li tkun tista’ tkopri tal-anqas il-perjodi li matulhom ma jkunx permess l-użu tad-demel.

11.   Id-demel likwidu, inkluż id-demel ipproċessat u dak semilikwidu, għandu jiġi applikat permess ta’ tekniki ta’ applikazzjoni b’emissjonijiet baxxi. Id-demel solidu għandu jiġi inkorporat fi żmien 24 siegħa.

12.   Sabiex jiġu protetti l-ħamrijiet mir-riskju ta’ salinizzazzjoni, id-demel ipproċessat mingħajr nitroġenu għandu jkun permess biss fuq ħamrijiet mingħajr salinità jew b’salinità baxxa. Għal dak il-għan, il-bdiewa li jkollhom il-ħsieb li jużaw demel ipproċessat mingħajr nitroġenu, għandhom ikejlu l-konduttività elettrika fl-irqajja’ fejn ser jintuża tal-anqas kull erba’ snin u għandhom jinkludu r-riżultati fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu protokol li għandu jintuża mill-bdiewa biex ikejlu l-konduttività elettrika. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mapep li juru ż-żoni f’riskju ta’ salinizzazzjoni.

Artikolu 7

Immaniġjar tal-artijiet

Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga għandhom iżguraw li l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

70 % jew aktar mill-erja tal-farm għandha tkun ikkoltivata b’uċuħ li jirrikjedu ħafna nitroġenu u staġun ta’ tkabbir twil;

(b)

il-mergħat temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa;

(c)

il-pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jipproċessaw in-nitroġenu atmosferiku fil-mergħat temporanji u permanenti ma għandhomx ikunu aktar minn 50 %;

(d)

il-qamħirrum li jimmatura tard għandu jinħasad (il-pjanta kollha);

(e)

il-ħxejjex tax-xitwa, bħalma huma s-sikrana Taljana, ix-xgħir, it-triticale jew is-segala tax-xitwa għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad tal-qamħirrun/sorgu u għandhom jinħasdu mhux qabel ġimagħtejn qabel ma jinżera’ l-qamħirrun/sorgu;

(f)

il-ħxejjex tas-sajf, bħalma huma l-qamħirrun, is-sorgu, is-Setaria jew il-Milju (Panicum) sp għandhom jinżergħu fi żmien ġimagħtejn wara l-ħsad taċ-ċereali tax-xitwa u għandhom jinħasdu mhux qabel ġimagħtejn qabel ma jinżergħu ċ-ċereali tax-xitwa;

(g)

wiċċ li jirrikjedi ħafna nitroġenu għandu jinżergħa fi żmien ġimagħtejn wara l-ħrit u ma għandhomx jintużaw fertilizzanti fis-sena li fiha jsir il-ħrit tal-mergħa permanenti.

Artikolu 8

Miżuri oħra

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-derogi li jingħataw għall-applikazzjoni ta’ demel ipproċessat ikunu kompatibbli mal-kapaċità tal-impjanti tat-trattament tad-demel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull deroga mogħtija tkun kompatibbli mal-użu awtorizzat tal-ilma fil-farm li jibbenefika mid-deroga.

Artikolu 9

Miżuri għat-trasport tad-demel

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li t-trasport tad-demel tal-bhejjem minn u lejn il-farms li jibbenefikaw minn deroga jiġi rreġistrat permess ta’ sistemi ta’ lokalizzazzjoni ġeografika jew li jiġi rreġistrat fid-dokumenti ta’ akkumpanjament u jiġi speċifikat il-post tal-oriġini u d-destinazzjoni. Ir-reġistrazzjoni permezz ta’ sistemi ta’ lokalizzazzjoni ġeografika hija obbligatorja għal vjaġġi li jkopru distanzi itwal minn 30 km.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li waqt il-vjaġġ ikun disponibbli dokument li jispeċifika l-ammont ta’ demel trasportat u l-kontentut ta’ nitroġenu u fosforu tiegħu.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-demel ipproċessat u l-partijiet solidi li jirriżultaw mit-trattament tad-demel jiġu analizzati għall-kontenut tagħhom ta’ nitroġenu u fosforu. L-analiżi għandha titwettaq minn laboratorji rikonoxxuti. Ir-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-bidwi li jkun ser jirċievi d-demel. Għandu jkun disponibbli ċertifikat tal-analiżi waqt kull vjaġġ.

Artikolu 10

Monitoraġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitħejjew u jiġu aġġornati l-mapep li juru l-perċentwali tal-farms, il-perċentwali ta’ bhejjem, il-perċentwali ta’ art agrikola koperta b’deroga individwali u mapep li juru l-użu tal-art lokali għal kull muniċipalità. Għandha tinġabar u tiġi aġġornati kull sena dejta dwar it-tinwib u l-prattiki agrikoli fil-farms li jibbenefikaw minn derogi.

2.   Għandu jiġi stabbilit u miżmum netwerk ta’ monitoraġġ għat-teħid ta’ kampjuni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma taħt l-art baxx sabiex jiġi valutat l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma. L-abbozz tan-netwerk ta’ monitoraġġ għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni. L-ammont ta’ siti mmonitorjati inizjalment ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-ilma aktar bir-reqqa fiż-żoni agrikoli li jinsabu qrib il-mases tal-ilma l-aktar vulnerabbli u li għandhom jiġu identifikati mill-awtoritajiet kompetenti.

4.   Għandhom jiġu stabbiliti siti ta’ monitoraġġ, sabiex tkun provduta dejta dwar il-konċentrazzjoni ta’ nitroġenu u fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u t-telf korrispondenti ta’ nitroġenu u fosforu li jgħaddi miż-żona tal-għeruq għal ġol-ilma ta’ taħt l-art, kif ukoll it-telf ta’ nitroġenu u fosforu minn tnixxija fuq u taħt wiċċ l-art, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le. Is-siti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta’ ħamrija, il-prattiki ta’ fertilizzazzjoni u l-uċuħ. L-abbozz tan-netwerk ta’ monitoraġġ għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni. L-ammont ta’ siti mmonitorjati inizjalment ma jistax jitnaqqas u l-lokalità tas-siti ma tistax tinbidel matul il-perjodu tal-applikabbiltà ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Verifika

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 6 u 7 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post ibbażat fuq l-analiżi tar-riskju, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati ta’ kontrolli ġenerali aleatorji tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru mill-anqas 5 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli fuq il-post fuq mill-inqas 1 % tal-operazzjonijiet tat-trasport tad-demel, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1. Il-kontrolli għandhom jinkludu, tal-anqas valutazzjoni tad-dokumenti ta’ akkumpanjament, il-verifika tal-oriġini u tad-destinazzjoni tad-demel u t-teħid ta’ kampjuni mid-demel trasportat.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-verifiki jindikaw nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa ta’ rimedju. Partikolarment bdiewa li ma jikkonformawx mal-Artikoli 5, 6 u 7 għandhom jiġu esklużi mid-deroga s-sena ta’ wara.

Artikolu 12

Rappurtar

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, sa Diċembru ta’ kull sena u sa Settembru għas-sena 2015, jissottomettu għand il-Kummissjoni rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deroga, abbażi ta’ kontrolli fil-livell ta’ farm kif ukoll tal-kontrolli fuq it-trasport tad-demel u l-informazzjoni dwar il-farms li ma jkunux konformi, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet amministrattivi u ta’ fuq il-post;

(b)

informazzjoni dwar it-trattament tad-demel, inkluż aktar ipproċessar u użu tal-partijiet solidi, u jipprovdu dejta dettaljata dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta’ trattament, l-effiċjenza tagħhom u l-kompożizzjoni tad-demel ipproċessat, kif ukoll dwar id-destinazzjoni finali tal-partijiet solidi;

(c)

mapep li juru żoni b’kontenut baxx ta’ materja organika, kif ukoll il-miżuri li ttieħdu sabiex jitħeġġeġ l-użu tal-partijiet solidi stabbilizzati f’ħamrijiet b’kontenut baxx ta’ materja organika, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2);

(d)

il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-kompożizzjoni tad-demel ipproċessat, il-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni u l-effiċjenza tat-trattament għal kull farm li jibbenifika minn deroga individwali, imsemmija fl-Artikolu 5(3);

(e)

l-inventarju tal-ammonja u ta’ emissjonijiet oħra mit-trattament tad-demel kif imsemmi fl-Artikolu 5(4);

(f)

il-protokol stabbilit biex titkejjel il-konduttività elettrika u l-mapep li juru ż-żoni affettwati mis-salinizzazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 6(12);

(g)

il-metodoloġiji għall-verifika tal-kompatibbiltà tad-derogi mogħtija mal-kapacità tal-impjanti tat-trattament tad-demel, imsemmija fl-Artikolu 8(1);

(h)

il-metodoloġiji għall-verifika tal-kompatibbiltà ta’ kull deroga mogħtija mal-użu awtorizzat tal-ilma fil-farm li qed jibbenifika mid-deroga imsemmija fl-Artikolu 8(2);

(i)

mapep li juru l-perċentwali tal-farms, il-perċentwal tal-bhejjem, il-perċentwal tal-art agrikola koperta minn derogi individwali u mapep li juru l-użu tal-art lokali, kif ukoll dejta dwar it-tinwib u l-prattiki agrikoli fil-farms derogati, imsemmija fl-Artikolu 10(1);

(j)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, fosthom informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilmijiet ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

(k)

il-lista tal-mases tal-ilma l-aktar vulnerabbli, imsemmija fl-Artikolu 10(3);

(l)

sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mis-siti tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 10(4);

Artikolu 13

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika flimkien mar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni fl-Emilia Romagna (Deċiżjoni nru 1273/2011 5.09.2011), il-Lombardia (Deċiżjoni nru IX/2208 14.09.2011), il-Piemonte (Deċiżjoni 18-2612 19.09.2011) u l-Veneto (Deċiżjoni nru 1150 26.07.2011).

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.


Top