Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0677

2011/677/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Lulju 2011 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 3/09 (ex NN 41 A-B/03) implimentata mill-Portugall għall-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-iskart tal-biċċeriji (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4888)

ĠU L 274, 19.10.2011, p. 15–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/677/oj

19.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2011

dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 3/09 (ex NN 41 A-B/03) implimentata mill-Portugall għall-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-iskart tal-biċċeriji

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4888)

(It-test bil-lingwa Portugiża biss huwa awtentiku)

(2011/677/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fil-15 ta’ Novembru 2002 il-Kummissjoni, b’segwitu għal ilment, indirizzat talba lill-awtoritajiet Portugiżi għal tagħrif dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa parafiskali maħsuba biex tiffinanzja l-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji mill-biċċeriji tar-ruminanti u tat-tjur, skont id-Digriet Liġi Nru 197/2002 tal-25.9.2002 (1) (minn hawn ‘il quddiem (“id-Digriet Liġi 197/2002”). L-awtoritajiet Portugiżi rrispondew bl-ittra tal-20 ta’ Jannar 2003.

(2)

Billi, skont kif ħareġ mit-tagħrif mogħti, il-mekkaniżmu konċernat ġie stabbilit mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, ġie rreġistrat bħala għajnuna mhux notifikata bin-numri NN 41 A-B/03.

(3)

Permezz tal-ittri bid-dati tas-16 u tat-30 ta’ April 2003, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Portugiżi tagħrif ġdid dwar l-iskema konċernata. Dawn tal-aħħar ħadu erba’ ġimgħat biex ikkomunikaw it-tweġiba tagħhom.

(4)

Skont l-ittri bid-dati tal-5 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Ġunju 2003, irreġistrati fil-5 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ġunju 2003 rispettivament, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Portugall għall-Unjoni Ewropea talbet, f’isem l-awtoritajiet Portugiżi, skadenza supplimentari biex jintbagħat it-tagħrif kollu mitlub, billi jitqies iż-żmien meħtieġ biex jinġabar dan it-tagħrif.

(5)

Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Lulju 2003, is-servizzi tal-Kummissjoni awtorizzaw skadenza itwal b’erba’ ġimgħat.

(6)

Billi ma ngħatawx tweġiba fl-erba’ ġimgħat stipulati fl-aħħar ittra msemmija hawn fuq, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu tfakkira lill-awtoritajiet Portugiżi bl-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2003, fejn infurmaw lill-awtoritajiet konċernati li jekk ma jibagħtux tweġiba, huma żammew id-dritt li jipproponu lill-Kummissjoni biex tibgħat inġunzjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 (li sar l-Artikolu 108 tat-TFUE) tat-Trattat tal-KE (2).

(7)

Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Frar 2004, irreġistrata fl-istess data, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Portugall għall-Unjoni Ewropea bagħtet lill-Kummissjoni t-tweġiba tal-awtoritajiet Portugiżi għall-ittri tas-servizzi tal-Kummissjoni bid-dati tas-16 u tat-30 ta’ April 2003.

(8)

Permezz tal-ittra tal-11 ta’ Novembru 2004, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Portugiżi tagħrif ġdid dwar l-iskema konċernata. Dawn tal-aħħar ħadu erba’ ġimgħat biex ikkomunikaw it-tweġiba tagħhom.

(9)

Skont l-ittra bid-data tat-30 ta’ Diċembru 2004, u rreġistrata fil-5 ta’ Jannar 2005, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Portugall għall-Unjoni Ewropea talbet, f’isem l-awtoritajiet Portugiżi, skadenza supplimentari ta’ xahar biex jintbagħat it-tagħrif kollu mitlub, billi jitqies iż-żmien meħtieġ biex jinġabar dan it-tagħrif.

(10)

Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Jannar 2005, is-servizzi tal-Kummissjoni awtorizzaw għat-tieni darba l-iskadenza itwal mitluba.

(11)

Is-servizzi tal-Kummissjoni, billi ma rċevewx tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom fl-iskadenza l-ġdida mogħtija, bagħtu tfakkira ġdida lill-awtoritajiet Portugiżi, permezz tal-ittra tat-12 ta’ April 2005, biex jiġbdulhom l-attenzjoni għal darb’oħra li jekk ma jirrispettawx l-iskadenza ta’ erba’ ġimgħat mogħtija biex jibagħtu tweġiba, kienu se jżommu d-dritt li jipproponu lill-Kummissjoni biex tibgħat inġunzjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(12)

Id-data msemmija sa meta kellha tinbagħat it-tweġiba skadiet f’Mejju 2005. Billi l-Kummissjoni ma rċevitx tweġiba sal-iskadenza msemmija, idderiġiet lill-Portugall biex jibgħatilha t-tagħrif kollu li kienet talbitu permezz ta’ deċiżjoni bid-data tal-21 ta’ Frar 2006 (3), fejn speċifikat li jekk ma jkunx hemm tweġiba mill-awtoritajiet Portugiżi, kellha d-dritt li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE (ara l-paragrafu 80 tal-inġunzjoni ta’ informazzjoni).

(13)

Meta ma rċeviet l-ebda tagħrif mitlub, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit-28 ta’ Jannar 2009, li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE. Id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri l-oħra u lill-partijiet interessati tagħhom biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuniet ikkonċernati

(14)

Billi ma rċevietx kummenti mill-Portugall fi żmien l-iskadenza preskritta, il-Kummissjoni indirizzat tfakkira lill-Portugall permezz tal-korrispondenza tat-18 ta’ Marzu 2009. Fl-14 ta’ April 2009, il-Portugall bagħat il-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni, flimkien ma kopja tad-Digrieti Liġi Nru 393-B/98 u d-Digriet Liġi Nru 244/2003. L-ETSA – Empresa de Transformação de Subprodutos Animais, SA bagħtet aktar kummenti fil-15 ta’ Ġunju 2009.

(15)

Fl-1 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tal-ETSA lill-Portugall. Il-Portugall ma bagħatx osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett lill-Kummissjoni.

(16)

Wara li rċevew il-kummenti tal-ETSA, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Portugiżi biex jibagħtu kjarifiki supplimentari permezz tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2010. L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu bl-ittra tas-27 ta’ April 2010.

(17)

Is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz tal-ittra tal-1 ta’ Frar 2011, talbu lill-awtoritajiet Portugiżi jibagħtu kjarifiki u jwieġbu b’mod komplet il-mistoqsijiet magħmula diġà qabel mis-servizzi tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet Portugiżi kienu għadhom ma weġbux għalihom.

(18)

Permezz tal-ittra tal-24 ta’ Frar 2011, l-awtoritajiet Portugiżi talbu li l-iskadenza biex iwieġbu tittawwal bi 30 ġurnata.

(19)

Is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz tal-ittra tat-28 ta’ Frar 2011, awtorizzaw skadenza ta’ 30 ġurnata itwal biex tingħata tweġiba. L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mis-servizzi tal-Kummissjoni bl-ittra tal-1 ta’ April 2011.

(20)

Is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz tal-ittra tal-20 ta’ Ġunju 2011, infurmaw lill-awtoritajiet Portugiżi li kienu se jipproponu lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni pożittiva kundizzjonali waqt li jiċċaraw il-kundizzjonijiet applikabbli.

II.   DESKRIZZJONI

(21)

Skont it-tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Portugiżi, fil-Portugall ġew individwati 66 każ ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina (minn hawn ‘il quddiem “BSE”) bejn l-1 ta’ Jannar u l-14 ta’ Ottubru 1998. B’riżultat ta’ din is-sitwazzjoni ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Nru 98/653/KE tat-18 ta’ Novembru 1998 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenża meħtieġa minħabba l-każijiet ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina fil-Portugall [traduzzjoni mhux uffiċjali] (5) u stipulat miżuri ta’ emerġenza meħtieġa minħabba l-każijiet ta’ BSE li kien hemm fil-Portugall, u b’mod partikulari stipulat projbizzjoni fuq ċerti annimali u prodotti sekondarji tagħhom milli jintbagħtu mit-territorju Portugiż lejn Stati Membri oħra.

(22)

Biex itaffi l-konsegwenzi tal-miżuri adottati fil-qafas tal-ġlieda kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE), mill-1999 l-Istat Portugiż assuma r-responsabbiltà għall-kostijiet kollha marbutin mal-operazzjonijiet tal-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur. Bid-Digriet Liġi Nru 393-B/98 tal-4 ta’ Diċembru 1998 (6) (minn hawn ‘il quddiem “id-Digriet Liġi 393-B/98”), effettivament l-Istat Portugiż assuma r-responsabbiltà u l-imposti fuq l-operazzjonijiet tal-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji.

(23)

Id-Digriet Liġi 393-B/9898, fl-Artikolu 4(3) tiegħu, ipprovda l-possibbiltà li tiġi imposta taxxa fuq il-biċċeriji biex tiffinanzja l-qerda ta’ ċerta materja prima. Skont it-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Portugiżi, din it-taxxa ma ġietx imposta fuq il-biċċeriji.

(24)

L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw li ma kellhomx dispożizzjonijiet speċifiċi biżżejjed biex ikunu jistgħu jiżguraw it-trattament adegwat tar-residwi, u li, għalhekk, kellhom jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi privati biex jiżguraw dawn is-servizzi, li minħabba n-natura tagħhom, kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat.

(25)

L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw fil-qosor li din il-missjoni ta’ interess pubbliku ġiet attribwita lis-settur privat, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti bid-Digriet Liġi Nru 197/99 tat-8 ta’ Ġunju 1999 (7), li hija l-istrument nazzjonali tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE tat-13 ta’ Ottubru 1997 li temenda d-Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-servizz pubbliku, kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi rispettivament (8). L-impriżi privati maħtura biex iwettqu s-servizzi konċernati ntgħażlu billi tqiesu l-abbiltà u l-effiċjenza teknika tagħhom biex jiżguraw twettiq tajjeb tal-ħidma ta’ interess ġenerali mogħtija lilhom, u tqieset ukoll l-urġenza li biha setgħu jirreaġixxu biex jittrattaw dawn il-prodotti b’mod sikur, rapidu u effikaċi. L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew eżempju ta’ kuntratt ta’ servizz li kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ Settembru 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2004.

(26)

Skont it-tagħrif tal-awtoritajiet Portugiżi l-parametri li fuqhom ġie kkalkulat il-kumpens għas-servizzi ġie stabbilit minn qabel skont id-Digriet Konġunt Nru 96/99 tal-25 ta’ Jannar 1999 (9). Dan id-Digriet kien ivverifikat perjodikament u mmodifikat permezz tad-Digriet Konġunt Nru 324/2001 tas-6 ta’ April 2001 (10) u permezz tad-Digriet Konġunt Nru 124/2002 tad-19 ta’ Frar 2002 (11).

(27)

Il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni 2000/766/KE (12), ipprojbixxa l-użu ta’ prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali ta’ kważi l-ispeċijiet kollha fl-għalf tal-annimali, u impona li jinqerdu fl-Istati Membri kollha, inkluż il-Portugall.

(28)

L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw li wara din id-Deċiżjoni, il-kwantità ta’ residwi konċernata minn dan il-proċess żdiedet u, b’riżultat ta’ dan, il-kostijiet marbutin mal-operazzjonijiet tagħhom.

(29)

Permezz tad-Deċiżjoni 2001/376/KE (13), il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm id-Deċiżjoni 98/653/KE adottata għall-Portugall.

(30)

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1774/2002 tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (14) jipprovdi regoli speċifiċi dwar il-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali, li japplikaw għal kategoriji differenti ta’ prodotti sekondarji.

(31)

L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw li sabiex jirrispettaw l-impenji tagħhom f’dan il-kuntest, iddeċidew li jipproċedu billi jittrasferixxu l-kostijiet tal-operazzjonijiet konċernati fuq l-operaturi ekonomiċi fis-settur, billi jirrispettaw b’mod strett il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u bla ma jwarrbu t-tħassib dwar il-ħarsien tas-saħħa pubblika li kienet essenzjalment ir-responsabbiltà tagħhom u kellha tiġi żgurata. Għalhekk l-awtoritajiet Portugiżi adottaw l-iskema preskritta fid-Digriet Liġi Nru 197/2002 tal-25 ta’ Settembru 2002.

(32)

Minn Ottubru tal-2002, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 197/2002, il-finanzjament tal-kostijiet marbutin mal-operazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u t-tjur ġie żgurat mid-dħul ta’ taxxa parafiskali applikata fuq il-biċċeriji, l-importaturi ta’ laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam u fuq l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam.

(33)

L-awtoritajiet Portugiżi, permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Jannar 2003 indikaw li l-operaturi li ġejjin huma eżentati milli jħallsu t-taxxa:

il-biċċeriji li kienu qed jiżguraw il-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji konċernati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ materjali b’riskju speċifiku (specified risk materials - SRM) (minn hawn ’il quddiem “MRS”), li kienu qed jipprovdu b’mod indipendenti kundizzjonijiet biex jittrattaw il-prodotti sekondarji tagħhom stess, kemm fl-istabbiliment tagħhom, kif ukoll fl-istabbilmenti għat-tqattigħ (ara l-punt 2 tal-Anness 2 għad-Digriet Liġi 197/2002);

l-importaturi u l-operaturi intra-Komunitarji tal-laħam bla għadam, billi dawn ma kinux jiġġeneraw prodotti sekondarji suġġetti għat-trattament obbligatorju f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali.

(34)

Fir-rigward ta’ fejn mar preċiżament id-dħul li kien ġej mill-ġbir tat-taxxi, l-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li kien intuża esklussivament biex jiffinanzja l-operazzjonijiet marbutin mas-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur, inklużi l-MRS.

(35)

Fl-Anness 1 għad-Digriet Liġi 197/2002 l-ammont tat-taxxa huwa stabbilit b’mod proporzjonali għall-piż u l-funzjoni tal-ispeċi konċernata, kif ġej:

(f’EUR)

Speċi/Tip

Ċanga u Vitella

Majjal

Ovini/kaprini

Tjur

Oħrajn

Taxxa/Kg ta’ karkassa

0,05

0,04

0,03

0,06

0,06

(36)

Fir-rigward tal-finanzjament tas-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-MRS, l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Liġi Nru 197/2002 jistipula li tapplika taxxa speċifika u unika ta’ ammont fiss ta’ EUR 0,30/Kg/MRS għall-biċċeriji.

(37)

It-taxxi kollha jitħallsu bi proċedura ta’ reverse charge lil organizzazzjoni pubblika: l-Institut National d’Intervention et Garantie Agricole (INGA). It-taxxi imposti fuq l-operaturi kienu jikkostitwixxu dħul għall-INGA u kienu jitħallsu direttament lilu.

(38)

Kif indikat fil-premessi 32 u 33 ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikolu 4 tad-Digriet Liġi 197/2002 jistipula li l-biċċeriji għandhom ukoll il-possibbiltà li jorganizzaw lilhom infushom kemm permezz ta’ kuntratt għas-servizzi ma’ terzi persuni biex iwettqu l-operazzjoniiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji, bl-eċċezzjoni tal-MRS, kif ukoll billi jwettquhom huma stess, dejjem skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ. Fil-każ li l-biċċeriji jwettqu l-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji ġġenerati fl-istabbiliment tagħhom stess - bl-eċċezzjoni tal-MRS - it-taxxa li trid titħallas tiġi ffissata skont l-Anness 2 għad-Digriet Liġi 197/2002.

(f’EUR)

Speċi/Tip

Ċanga u Vitella

Majjal

Ovini/kaprini

Tjur

Oħrajn

Taxxa/Kg ta’ karkassa

0,03

0,02

0,00

0,00

0,00

(39)

Fil-każ illi l-biċċeriji jwettqu l-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji kollha ġġenerati fl-istabbiliment tagħhom stess kif ukoll fl-istabbilimenti għat-tqattigħ, bl-eċċezzjoni tal-MRS, jiġu eżentati milli jħallsu din it-taxxa.

(40)

F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Digriet Liġi 197/2002, l-INGA hija l-organizzazzjoni responsabbli għall-kontroll tal-ħlas tat-taxxi mill-biċċeriji, u li għal dan il-għan, għandha żżomm reġistri aġġornati tal-kwantitajiet ta’ karkassi u tal-piż tagħhom. Hija kompetenza wkoll tal-INGA li jikkontrolla l-ħlas tat-taxxi dovuti għall-importazzjoni u r-riċeviment ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea, waqt li l-operaturi u r-riċevituri għandhom l-impenn li jżommu reġistri aġġornati tal-operazzjonijiet li jitwettqu.

(41)

Jekk il-biċċeriji jagħżlu l-aħħar alternattiva, huma għandhom l-ewwel nett, jissottomettu minn qabel il-pjanijiet rispettivi għall-valutazzjoni mill-INGA, u għandhom jissottomettu ruħhom għall-kontrolli kollha li eventwalment jiġu ordnati mill-awtoritajiet kompetenti.

(42)

L-awtoritajiet Portugiżi żguraw illi l-ammont tat-taxxa kien isostni biss il-kostijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet lil dawn l-istabbilimenti, u li dan is-servizz se jiġi fornut biss lill-istabbilimenti li jipproduċu l-prodotti sekondarji li l-qerda tagħhom hija obbligatorja.

(43)

F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn id-dħul mit-taxxa u l-kostijiet tas-servizzi li kienu jiffinanzjaw, l-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li t-taxxi stipulati fl-Annessi I u II għad-Digriet Liġi 197/2002, kif ukoll it-taxxa fuq l-MRS stipulata fl-Artikolu 2(2), kienu ġew ikkalkulati fuq il-kostijiet reali tas-servizzi li kellhom jiġu pprovduti, waqt li tqieset in-natura u r-relevanza tal-prodotti sekondarji ġġenerati minn kull speċi ta’ annimal.

(44)

Għall-awtoritajiet Portugiżi, dan il-finanzjament kien jikkonsisti f’kull aspett minn kumpens mill-utenti għall-forniment ta’ servizz pubbliku ta’ interess ġenerali. Is-somom imħallsa mill-operaturi suġġetti għat-taxxa, huma direttament proporzjonali għall-kwantitajiet ta’ skart li effettivament jintbagħtu lis-servizz pubbliku u għall-kost reali biex dan l-iskart jinqered. Bħala evidenza għal dawn l-allegazzjonijiet, l-awtoritajiet Portugiżi ssottomettew dokumenti li fihom ċifri mis-sena 1999 sas-sena 2005 li jagħtu prova tal-kostijiet tas-servizzi, u għas-sena 2003 ssottomettew dokument b’ċifri tad-dħul mit-taxxa fuq it-tipi differenti ta’ prodotti sekondarji kemm importati kif ukoll dawk domestiċi.

(45)

Fir-rigward tal-mistoqsija jekk il-prodotti importati setgħux effettivament jibbenefikaw mis-sistema bl-istess mod bħall-prodotti domestiċi, l-awtoritajiet Portugiżi żguraw illi, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, it-taxxi li kienu japplikaw għall-biċċeriji, għall-importazzjoni u għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-laħam bil-għadam, jirriflettu l-kostijiet marbutin mat-trattament tal-prodotti sekondarji kollha ġġenerati fil-katina sal-istadju tal-konsumatur finali.

(46)

Għall-awtoritajiet Portugiżi l-importazzjoni tal-laħam bil-għadam kienet timplika li kien hemm prodotti sekondarji u għalhekk kienet tibbenefika mis-servizz tal-ġbir, tat-trasport, tal-ipproċessar u tal-qerda, li kienet il-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tat-taxxi konċernati.

(47)

L-awtoritajiet Portugiżi jikkunsidraw illi l-azzjonijiet ffinanzjati kienu fl-interess pubbliku, għaliex, wara l-kriżi tal-BSE, sar evidenti li l-qerda tal-iskart tal-biċċeriji kienet tikkonċerna missjoni ta’ servizz pubbliku taħt ir-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-importanza għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ħarsien tal-ambjent.

(48)

Is-sistema stabbilita mid-Digriet Liġi 197/2002 ġiet irrevokata mid-Digriet Liġi Nru 244/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 (15) (minn hawn ’il quddiem “id-Digriet Liġi 244/2003”) li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Ottubru 2003. Dan kien jistabbilixxi skema ġenerali u skema tranżizzjonali għall-prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali li mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem.

(49)

L-iskema ġenerali stipulat illi l-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-imfaqas, u l-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-bajd, għandhom fuq inizjattiva tagħhom stess, jew billi jagħtu kuntratt lil terzi persuni, jippromwovu l-ġbir, it-trasport, il-ħżin, l-immaniġjar, l-ipproċessar u l-qerda tal-materjali tal-kategoriji 1, 2 u 3 prodotti fl-unità stess, skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1774/2002, permezz ta’ twettiq ta’ pjan sottomess għall-approvazzjoni minn qabel tad-DĠ tas-Servizzi Veterinarji (DĠ V).

(50)

L-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-imfaqas u l-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-bajd għandhom jistabbilixxu pjan għall-qerda jew l-użu tal-materjali tal-kategorija 3, li għandu jiġi approvat mid-DĠ V fi żmien 90 ġurnata mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 244/2003 jew mill-bidu tal-attività. Fir-rigward tal-kategorija 3, sa ma l-pjanijiet jiġu approvati mid-DĠ V, l-INGA jiżgura s-servizzi tal-ġbir, tat-trasport, tal-ipproċessar, tal-ħżin temporanju u tal-qerda tal-prodotti sekondarji, f’konformità mad-Digriet Liġi 197/2002. Qabel ma jiġi approvat il-pjan għall-materjali tal-kategorija 3, il-proprjetarji tal-istabbiliment tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-imfaqas u l-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-bajd għandhom iħallsu t-taxxi stipulati fl-Anness 1 għad-Digriet Liġi 197/2002, bl-eċċezzjoni tal-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-iskema alternattiva stabbilita minn dan id-Digriet, li għandhom iħallsu t-taxxi stipulati fl-Anness 2.

(51)

Skont l-iskema tranżizzjonali, l-INGA kompla jiżgura bl-istess mod dawn is-servizzi għall-materjali tal-kategoriji 1 u 2.

(52)

Għall-materjali tal-kategoriji 1 u 2, l-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ kellhom jissottomettu pjan għall-qerda jew l-użu fi żmien 30 ġurnata wara l-iskadenza tal-iskema tranżizzjonali f’Novembru 2005. Qabel l-approvazzjoni tal-pjan kellhom iħallsu EUR 0,35/kg ta’ materjali tal-kategoriji 1 jew 2. Għall-kuntrarju kienu jiġu eżentati milli jħallsu t-taxxa hekk kif il-pjan tal-qerda jew tal-użu jiġi approvat.

(53)

Hekk kif l-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ jibagħtu pjan lid-DĠ V, li jsemmi l-operazzjonijiet meħtieġa għall-qerda tal-materjali tal-kategoriji 1 u 2, jassumu r-responsabbiltà tal-kostijiet relatati ma’ dawn l-attivitajiet u kienu suġġetti għall-kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti. L-Artikolu 3(4) tad-Digriet Liġi 244/2003 jistipula li l-iskema kienet tispiċċa sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet Liġi.

(54)

L-iskema tranżizzjonali tad-Digriet Liġi 244/2003 skadiet f’Novembru 2005. L-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw fl-ittra tagħhom tal-1 ta’ April 2011 illi wara l-iskadenza tal-iskema tranżizzjonali tad-Digriet Liġi 244/2003, il-kostijiet tal-operazzjoniiet tal-qerda tal-prodotti sekondarji ġejjin mill-biċċeriji u l-istabbilmenti tat-tqattigħ kienu jgħaddu fuq l-operaturi permezz tal-irkupru tar-residwi pproċessati mibdula f’bijofjuwils, u tal-esportazzjoni tad-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun.

(55)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-eżistenza, u eventwalment il-kompatibbiltà, ta’ għajnuna favur l-impriżi li jfornu servizzi ta’ ġbir, trasport, proċessar u qerda tal-materjal konċernat, l-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam u l-operaturi intra-Komunitarji, kif ukoll il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem.

(56)

B’mod partikulari l-Kummissjoni reġgħet għamlet il-mistoqsijiet magħmula fl-ewwel inġunzjoni ta’ informazzjoni. Fir-rigward tal-għajnuna favur l-impriżi li jfornu servizzi ta’ ġbir, trasport, proċessar u qerda tal-materjal konċernat, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar in-natura ta’ servizz fl-interess ġenerali li l-awtoritajiet Portugiżi riedu jagħtu lill-attivitajiet konċernati, b’mod partikulari fir-rigward tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark (16). Fir-rigward tal-għajnuna favur stabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam u tat-tjur u ta’ operaturi intra-Komunitarji fis-settur, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar jekk il-kontribuzzjoni mħallsa mis-settur permezz tat-taxxa kinetx tikkorrispondi għall-kost ekonomiku reali tal-fornituri tas-servizzi tal-ġbir, u talbet tagħrif ikkwantifikat f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għajnuna għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar il-vantaġġi li s-sistema stabbilita setgħet tagħtihom, meta tqies li ma kinux suġġetti għat-taxxa msemmija.

(57)

Il-Kummissjoni eżaminat, fuq bażi preliminari, il-kompatibbiltà tal-miżuri konċernati fid-dawl tal-linji gwida applikabbli mill-1998, u kkonkludiet fl-istadju tad-deċiżjoni biex tibda l-proċedura, li ma kellhiex biżżejjed tagħrif biex tasal għal konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri konċernati.

III.   OSSERVAZZJONIJIET MIBGĦUTA MILL-PORTUGALL

(58)

Il-Portugall, fl-osservazzjonijiet tiegħu beda biex fakkar l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni fl-Istat Portugiż matul is-sena 1998, minħabba l-BSE. B’mod partikulari, semma d-Deċiżjoni 98/653/KE li tipprojbixxi li ċerti prodotti jintbagħtu mit-territorju Portugiż lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi, bħad-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun, f’din il-forma jew fi prodotti oħra. F’dan il-kuntest, il-Portugall implimenta pjan ta’ sorveljanza, ta’ kontroll u ta’ eradikazzjoni tal-BSE, li ġie approvat mill-Kumitat Permanenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizzi Veterinarji. Fit-18 ta’ April 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-projbizzjoni għall-Portugall. Din ma ġietx irrevokata qabel l-2004 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2004 (17).

(59)

Il-Portugall sostna li bejn is-sena 1998 u s-sena 2004, il-miżuri kollha li ttieħdu kellhom l-għan li jsolvu sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet thedded is-saħħa pubblika. Il-Gvern Portugiż għalhekk kellu l-għan li jippermetti li l-miżuri jiġu implimentati immedjatament, sakemm l-operaturi setgħu jorganizzaw ruħhom biex iwettqu dawn l-operazzjonijiet huma stess, waqt li jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istat. Il-Portugall jemmen li l-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa prijorità legali fuq kull prijorità oħra, li tiġġustifika eżenzjoni mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

(60)

Skont il-Portugall, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/653/KE u l-estensjonijiet suċċessivi tagħha evitaw li l-miżuri adottati mill-Istat Portugiż biex isolvi l-kriżi tal-BSE joħolqu tgħawwiġ fis-suq u hekk ukoll fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Portugall spjega wkoll li billi kien ipprojbit li l-prodotti msemmija hawn fuq jintbagħtu b’kunsinna, ma kienx hemm kummerċ, bl-implikazzjoni li ma seta’ jkun hemm ebda tgħawwiġ fil-kompetizzjoni.

(61)

L-ewwel nett, il-Portugall stqarr illi ma ngħata l-ebda għajnuna fl-1998. Bi prova ta’ dan hemm id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi Nru 393-B/98 li kienet l-4 ta’ Diċembru 1998). Kien biss f’dak il-waqt li l-Istat Portugiż assuma r-responsabbiltà, fuq bażi eċċezzjonali u tranżizzjonali, għall-operazzjonijiet ta’ ġbir, proċessar u qerda tal-prodotti sekondarji.

(62)

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 393-B/98, l-Istat Portugiż assuma l-kostijiet diretti tal-operazzjonijiet ta’ ġbir, proċessar u qerda tal-prodotti sekondarji, sakemm daħal fis-seħħ id-Digriet Liġi Nru 197/2002. Il-Portugall stqarr f’dan ir-rigward, li t-teħid tar-responsabbiltà għal dawn il-miżuri mill-Istat Portugiż għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura għal perjodu ta’ żmien qasir, billi l-iskema ġiet emendata sussegwentement, u billi t-taxxa ġiet introdotta bħala mezz ta’ finanzjament mis-settur tal-operazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur, inklużi l-MRS.

(63)

Fir-rigward tal-kost tal-miżuri msemmija, il-Portugall stqarr li l-parametri li fuqhom ġie ibbażat il-kalkolu tal-kumpens kien stabbilit minn qabel permezz ta’ Digriet, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali Portugiż. Jissemmew tliet Digrieti (18) mill-awtoritajiet Portugiżi. Dawn id-Digrieti jsemmu l-prezz tas-servizzi (ġbir, trasport, proċessar u ppakkjar f’“boroż kbar” għal kull kilogramma ta’ prodott). Tqiesu l-kostijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet li kienu jaqgħu fuq l-unitajiet tal-ipproċessar tal-prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali, li ma kinux jagħmlu parti minn biċċeriji. L-ispejjeż kurrenti, jiġifieri l-ispejjeż tal-enerġija, tal-fjuwils, tal-ħlas għall-assigurazzjonijiet, eċċ. tqiesu wkoll. Dawn il-parametri huma l-istess għall-fornituri kollha tas-servizzi. L-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li l-profitti kienu bejn 30 % u 39,5 %, li skonthom kienu jirrappreżentaw marġini li huwa ġust jew anke kemxejn iżjed baxx mill-medja għall-attivitajiet ekonomiċi. L-awtoritajiet Portugiżi taw ukoll eżempji ta’ kif applikaw il-parametri li ntużaw għall-kalkolu tal-prezzijiet stipulati fid-Digrieti.

(64)

Bħala konklużjoni, l-Istat Portugiż jikkunsidra li l-għajnuniet mogħtija jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli permezz ta’ applikazzjoni ta’ deroga tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”, meta jitqies li dawn kienu jikkorrispondu għall-kostijiet tas-servizi fornuti u li l-linji gwida applikabbli dak iż-żmien (Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għal testijiet għat-TSE, l-annimali li nstabu mejta u l-iskart tal-biċċeriji [traduzzjoni mhux uffiċjali] (19)) kienu jippermettu li l-għajnuniet ilaħħqu sa 100 % tal-kostijiet reali, minħabba li dawn kienu se jingħataw tul terminu ta’ żmien qasir.

(65)

Wara Ottubru tal-2002, il-bażi legali għall-ħlas tal-kostijiet kien id-Digriet Liġi 197/2002. L-awtoritajiet Portugiżi stmaw li dawn it-taxxi kienu jwasslu għall-valur tal-ħlas għas-servizzi lill-unitajiet tal-ipproċessar tal-prodotti sekondarji. Għaldaqstant, meta jitqies li l-kriżi kienet għadha għaddejja, l-awtoritajiet Portugiżi kkunsidraw illi intervent mill-Istat bħala intermedjarju kien dejjem iġġustifikat.

(66)

Fis-simulazzjonijiet magħmula dak iż-żmien, tqiesu l-kostijiet totali għall-impriżi flimkien ma’ profitt raġonevoli. L-awtoritajiet Portugiżi pprovdew l-eżempju maħdum abbażi tal-kostijiet u l-imposti għas-sena 2003, li fl-opinjoni tagħhom, juri bilanċ bejn id-dħul u l-kostijiet li rriżultaw mill-iskema legali ġdida li ġiet introdotta, u li kienet il-bazi li fuqha ġew iffissati t-taxxi għall-finanzjament tas-servizzi.

(67)

L-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw ukoll li s-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tat-tjur ma ġewx iffinanzjati mit-taxxi imposti fuq il-biċċeriji u l-importaturi ta’ karkassi sħaħ jew nofs karkassi, u ta’ qatgħat oħra tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bl-għadam. Indikaw ukoll li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, il-punt 1, tad-Digriet Liġi 197/2002 għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness 1, li għalihom jirreferi, bir-riżultat li l-finanzjament tas-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam kien sar għal tliet kategoriji ta’ operaturi: il-biċċeriji ta’ speċijiet bovini, porċini, ovini/kaprini, ta’ tjur u oħrajn, l-importaturi ta’ karkassi sħaħ jew nofs karkassi u ta’ qatgħat oħra bil-għadam ta’ speċijiet bovini u porċini, u operaturi intra-Komunitarji tal-istess prodotti. Għalhekk, l-Anness 1 fih kolonna li tindika l-ammont li għandu jitħallas mill-biċċeriji tat-tjur li ma kinux jiġbru, jittrasportaw, jipproċessaw u jeqirdu l-prodotti sekondarji ġġenerati matul il-qatla tat-tjur, filwaqt li tqies li bosta karkassi tat-tjur importati ma jiġġenerawx prodotti sekondarji.

(68)

L-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw ukoll li d-differenza bejn iż-żewġ taxxi ffissati fl-Anness 2 għad-Digriet Liġi 197/2002 hija ġġustifikata minħabba l-kostijiet marbutin mal-prodotti sekondarji ġġenerati fl-istabbilimenti tat-tqattigħ.

(69)

L-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li skont id-Digrieti Liġi 197/2002 u 244/2003 ma kienx intenzjonat li t-taxxi jkollhom effett fuq il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, għalkemm il-kostijiet tal-operazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda fil-fatt kellhom impatt fuq is-settur kollu tal-laħam. Għal dan il-għan, issottomettew żewġ riċevuti ta’ servizzi bid-data tat-22 ta’ Ottubru 2002 u tat-28 ta’ Ottubru 2003, li skonthom intwera, li l-biċċeriji kienu għaddew il-kostijiet tal-operazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem.

(70)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Portugiżi żguraw li ebda riżors ma’ kien indirizzat lil kwalunkwe attività ta’ kompetizzjoni mill-fornituri tas-servizzi, meta jitqies li l-unika attività ta’ dawn tal-aħħar kellha x’taqsam mal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-annimali.

(71)

Il-Portugall semma wkoll li l-iskema tranżizzjonali stabbilita mid-Digriet Liġi 244/2003 skadiet f’Novembru 2005, u minn dakinhar, l-istabbilimenti li jiġġeneraw prodotti sekondarji assumew b’mod sħiħ ir-responsabbiltà li l-Istat inizjalment kien daħal għaliha fuq bażi temporanja minflokhom. Minn Novembru 2005, il-kostijiet kollha ġġarrbu mill-operaturi li taffewhom permezz ta’ rkupru tar-residwi pproċessati f’bijofjuwils u l-esportazzjoni tad-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun.

(72)

Bħala konklużjoni, l-awtoritajiet Portugiżi jikkunsidraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida applikabbli kienu ġew issodisfati, meta jitqies li l-operaturi li jiġġeneraw prodotti sekondarji bdew gradwalment iħallsu għall-operazzjonijiet marbuta mal-qerda ta’ dawn il-prodotti sekondarji permezz ta’ taxxa.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TA’ PARTIJIET INTERESSATI

(73)

L-ETSA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’ittra tal-15 ta’ Ġunju 2009. Il-grupp ETSA huwa magħmul mill-impriżi ITS - Indústria Transformadora de Subprodutos Animais, SA u SEBOL – Comércio e Indústria de Sebo, SA. Dawn jipprovdu s-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali rilevanti għall-kategoriji 1, 2 u 3 fil-Portugall u huma wħud mill-impriżi maħtura mill-Istat biex jipprovdu dawn is-servizzi matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat. B’riżultat ta’ dan l-ETSA hija kkunsidrata li tirċievi l-ħlas mill-Istat, u għalhekk aktarx li hija interessata fil-proċedura C 3/09.

(74)

Bħala punt preliminari, l-ETSA tinnota l-kuntest tal-kriżi tal-BSE, li kien ġiegħel lill-Istat Portugiż jadotta miżuri preventivi (speċifikament is-servizz tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali tal-kategoriji 1, 2 u 3) bil-ħsieb li jissielet kontra u li jnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni tal-marda tal-BSE, sabiex iħares is-saħħa pubblika u l-ambjent. L-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri kienet ġeneralment skont l-obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(75)

Matul il-perjodu 1998-2005, l-INGA kien ta kuntratt lill-ITS u lis-SEBOL permezz ta’ għotja diretta sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ ġbir, trasport, proċessar u qerda ta’ skart. L-ETSA kkumentat li l-impriżi kollha li setgħu jipprovdu s-servizzi meħtieġa kienu ngħataw kuntratt taħt l-istess kundizzjonijiet. Sal-10 ta’ Ottubru 2002, l-INGA kien inkarigat li jagħti kuntratti lill-impriżi lliċenzjati biex jipprovdu dan it-tip ta’ servizz u ġarrbet il-kostijiet li rriżultaw kif stipulat fl-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi 393-B/98. Il-parametri għall-kalkolu tal-prezz li kellu jitħallas għas-servizz ġew stabbiliti bid-Digriet Konġunt Nru 96/99. Il-prezz kien iffissat skont il-piż tal-materja prima. Seta’ jiġi rivedut f’każ ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet tal-forniment tas-servizz. Il-prezz li tħallas lis-SEBOL u lill-ITS kien ikkunsidra stima tal-kostijiet tal-forniment tas-servizz, notevolment tal-piż u tal-volum tal-iskart biex jinġabar u jiġi ttrattat, flimkien mal-implimentazzjoni tal-ġestjoni tas-sistema tal-ġbir tal-karkassi minn azjendi li, fost l-oħrajn, kien jipprevedi ġbir f’perjodu qasir ta’ żmien wara notifikazzjoni ta’ mewt ta’ annimal.

(76)

L-ETSA enfasizzat li, għalkemm is-servizz ma ngħatax skont proċedura ta’ akkwist pubbliku, il-prezz li tħallas għas-servizz provdut kien ikopri l-kostijiet rispettivi, meta jitqies id-dħul rilevanti, u kien jippermetti biss profitt raġonevoli u leġittimu. L-ETSA ddikjarat li l-livell tal-ħlas għas-servizz kien dejjem, fl-opinjoni tagħha, skont il-prinċipju tal-effiċjenza, billi l-prezz li tħallas mill-INGA kien skont il-medja Ewropea tal-prezzijiet għal servizzi ekwivalenti, u l-prezzijiet imħallsa sal-2005 kienu fil-verità, skont l-ETSA, anqas mill-prezzijiet applikati sussegwentement fil-kuntratti għall-forniment tal-istess servizzi, konklużi wara proċeduri ta’ akkwist pubbliku intenzjonati biex jgħinu fid-definizzjoni ta’ ħlas skont il-kriterji tas-suq.

(77)

Mill-2005, il-kuntratti għas-servizzi ngħataw skont proċeduri internazzjonali tal-akkwist pubbliku. Ġew organizzati tliet proċeduri ta’ sejħa għall-offerti. ċanga u vitella/ekwini fil-livell nazzjonali, ovini/kaprini (fin-Nofsinhar) u ovini/kaprini (fit-Tramuntana). L-ITS issottometta offerta bħala parti minn konsorzju, li ngħata l-kuntratt għall-forniment tas-servizz. Kienu konklużi tliet kuntratti għall-forniment ta’ servizzi għat-tliet oqsma msemmija. L-ETSA qalet li fost l-kundizzjonijiet stipulati kien hemm il-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-iskart, flimkien maż-żamma ta’ reġistru u ta’ arkivji permanenti u aġġornati dwar dawn l-operazzjonijiet. L-IFAP (Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas) kien inkarigat biex jiżgura konformità mal-obbligi.

(78)

L-ETSA enfassizzat li l-prezz kien ġie ddeterminat minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti fil-kuntratt konkluż, skont it-tunnellati u l-ispeċi tal-annimali konċernati. Skont l-ETSA dawn il-prezzijiet kienu stabbiliti skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u kienu jiggarantixxu kopertura adegwata tal-kostijiet imġarrba sabiex jitħarsu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, kif elenkati fil-kuntratti għall-forniment ta’ servizzi u fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

(79)

Abbażi ta’ dan kollu, l-ETSA tikkonkludi li ma bbenefikat minn ebda għajnuna illegali u li l-fondi li rċeviet kienu sempliċiment ħlas leġittimu għall-forniment ta’ servizz pubbliku.

V.   VALUTAZZJONI

1.   EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

(80)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal tfixkil jew theddida ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(81)

L-Artikoli 107 sa 109 tat-TFUE japplikaw għas-settur tal-laħam tal-majjal permezz tal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2759/75 29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal (20), emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1913/2005 (21). Japplikaw għas-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella skont l-Artikolu 40 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (22), emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1152/2007 (23). Qabel ma ġie adottat dan l-aħħar Regolament, l-Artikoli bdew japplikaw fl-istess settur permezz tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kusill (KEE) Nru 805/68 (24). Japplikaw għas-settur tal-laħam tal-ovini u tal-kaprini skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2467/98 3 ta’ Novembru 1998 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-laħam tal-ovini u tal-kaprini [traduzzjoni mhux uffiċjali] (25), emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005. Dawn japplikaw għas-settur tal-laħam tal-ovini u tal-kaprini skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2777/75 29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-laħam tat-tjur (26), emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 679/2006 (27). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [Ir-Regolament dwar l-OKS Unika] (28) irrevoka dawn ir-regolamenti diversi u jipprovdi, fl-Artikolu 180 tiegħu, li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat japplikaw għall-prodotti msemmija hawn fuq.

(82)

Fir-rigward tan-natura tal-għajnuna, din għandha tkun iddeterminata meta jitqiesu l-benefiċjarji kollha tas-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-iskart tal-biċċeriji u l-finanzjament tagħhom. Il-Kummissjoni identifikat il-kategoriji ta’ benefiċjarji potenzjali tas-sistema introdotta fil-Portugall:

l-impriżi li jipprovdu s-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċssar u l-qerda tal-materjali konċernati;

l-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-majjal u tat-tjur, bil-għadam, u l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam,

il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem.

(83)

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għajnuna potenzjali tul iż-żmien, il-Kummissjoni ddistingwiet erba’ perjodi fid-deċiżjoni biex tibda l-proċedura, sabiex tikkunsidra l-applikazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti għall-analiżi tal-miżuri tal-għajnuna eventwali. Il-Kummissjoni qieset il-perjodu mill-1998 sal-31 ta’ Diċembru 1999, li kien il-perjodu ta’ qabel ma daħlu fis-seħħ il-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat li jikkonċernaw l-agrikoltura, il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002, il-perjodu ta’ qabel ma daħlu fis-seħħ il-linji gwida dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-qerda tal-iskart tal-biċċeriji u tal-annimali li jinstabu mejta, kif ukoll għall-kost tal-iskrinjar għall-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSE), il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-perjodu ta’ qabel ma daħlu fis-seħħ il-linji gwida ġodda Komunitarji għall-agrikoltura 2007-2013 (29) u l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-lum.

(84)

Minħabba t-tagħrif ġdid tal-awtoritajiet Portugiżi, notevolment dwar l-applikazzjoni tad-Digriet Liġi 244/2003 deskritt hawn fuq u dwar it-tipi differenti ta’ finanzjament tal-għajnuniet potenzjali, il-Kummissjoni emendat xi ftit id-distinzjoni tal-perjodi differenti u ser tqis fl-evalwazzjoni tagħha għal kull grupp ta’ benefiċjarji potenzjali l-perjodi li ġejjin:

il-perjodu ta’ bejn id-9 ta’ Diċembru 1998 u d-9 ta’ Ottubru 2002, li matulu kien japplika d-Digriet Liġi 393-B/98;

il-perjodu ta’ bejn l-10 ta’ Ottubru 2002 u l-21 ta’ Ottubru 2003, li fih kien japplika d-Digriet Liġi 197/2002 bl-eċċezzjoni tal-Anness 2 li beda japplika iktar tard fil-kuntest tal-iskema tranżizzjonali stipulata fid-Digriet Liġi 244/2003;

il-perjodu li jibda mit-22 ta’ Ottubru 2003 u jispiċċa f’Novembru 2005, meta kienet tapplika l-iskema tranżizzjonali stipulata mid-Digriet Liġi 244/2003.

1.1.   EŻISTENZA TA’ VANTAĠĠ SELETTIV

(85)

Skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, interventi li taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament l-impriżi, jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet (30). Barra minn hekk, huma kkunsidrati bħala għajnuniet l-interventi li, taħt diversi forom, itaffu l-imposti li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, mingħajr ma huma sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma simili fin-natura u għandhom l-istess effett (31).

1.1.1.    Vantaġġ selettiv għall-impriżi li jfornu s-servizzi

(86)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-attività tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-materjal konċernat hija attività ekonomika peress li tikkostitwixxi forniment ta’ servizzi bi ħlas u hija suxxettibbli li tiġi affettwata minn bosta operaturi ekonomiċi fis-suq Komunitarju. Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati notevolment fuq it-tagħrif mogħti mill-ETSA u kif speċifikat fil-premessa 73 u l-punti ta’ warajh f’din id-Deċiżjoni.

(87)

Fir-rigward ta’ din l-attività ekonomika, l-awtoritajiet Portugiżi jargumentaw li l-impriżi fornituri tas-servizzi konċernati wettqu missjoni ta’ servizz pubbliku fl-interess ġenerali, iġġustifikata minn raġunijiet ta’ saħħa pubblika u ta’ ħarsien ambjentali. F’dan il-kuntest il-Portugall saħaq fuq is-sitwazzjoni speċifika tiegħu fir-rigward tal-kriżi tal-BSE. Għalhekk il-Portugall sostna li l-miżuri kollha li ttieħdu kellhom l-għan li jsolvu sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet thedded is-saħħa pubblika. Il-Gvern Portugiż għalhekk kellu l-għan li jippermetti li l-miżuri jiġu implimentati immedjatament, sakemm l-operaturi setgħu jorganizzaw ruħhom biex iwettqu dawn l-operazzjonijiet huma stess, waqt li jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istat (ara l-premessi 21 u 59 ta’ din id-Deċiżjoni).

(88)

Abbażi ta’ dan kollu, l-ETSA tikkonkludi li ma bbenefikat minn ebda għajnuna illegali, iżda li l-fondi kollha li rċeviet kienu sempliċiment ħlas leġittimu għall-forniment ta’ servizz pubbliku (ara l-premessi 79 ta’ din id-Deċiżjoni).

(89)

Joħroġ ċar mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ Altmark (32) li s-sussidji pubbliċi kienu intenzjonati li jippermettu li l-azjendi tas-servizzi pubbliċi ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 tat-TFUE, billi għandhom jitqiesu bħala kumpens għal servizzi fornuti mill-impriżi riċeventi sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku. Madankollu, il-Qorti tesiġi li dawn il-kundizzjonijiet jitħarsu:

l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha verament twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku u dawk l-obbligi ġew iddefiniti b’mod ċar;

it-tieni, il-parametri li fuqhom huwa kkalkulat il-kumpens ġew stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

it-tielet, il-kumpens ma kienx jaqbeż l-ammont meħtieġ biex ikopri l-kostijiet kollha jew parti minnhom, imġarrba fit-twettiq ta’ obbliġi tas-servizz pubbliku, filwaqt li tqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi;

ir-raba’, meta l-għażla ta’ impriża biex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku ma ssirx skont proċedura ta’ akkwist pubbliku, il-livell tal-kumpens meħtieġ jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-kostijiet li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra adegwatament biex tkun tista’ tissodisfa l-esiġenzi ta’ servizz pubbliku meħtieġ, kienet iġġarrab biex twettaq dawn l-obbligi, waqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti, kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

(90)

L-applikazzjoni tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark għal dan il-każ twassal biex il-Kummissjoni tikkunsidra dan li ġej:

(a)   Servizz ġenwin ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE

(91)

Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan il-każ kienx jinvolvi servizz ġenwin ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(92)

Joħroġ ċar mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li bl-eċċezzjoni tas-setturi li dwarhom hemm regoli Komunitarji li jirregolawhom, l-Istati Membri għandhom marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni rigward in-natura ta’ servizzi li jistgħu jikkwalifikaw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dan il-marġini ta’ diskrezzjoni jiġi applikat bla żball ċar fir-rigward tad-definizzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(93)

Sa mis-sena 1990, kien hemm okkorrenza ta’ diversi enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs) separatament kemm fil-bniedem kif ukoll fl-annimali. Mis-sena 1996, inġabret evidenza li turi x-xebh bejn aġenti tal-BSE u l-varjant ġdid tal-marda Creutzfeldt-Jakob. Mis-sena 1990, il-Komunità adottat serje ta’ miżuri maħsuba biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali mir-riskju tal-BSE. Dawn il-miżuri huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja tad-Direttivi dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa u tal-ambjent. Permezz tad-Deċiżjoni 2000/766/KE, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-iskart tal-annimali skont it-tifsira tad-Direttiva 90/667/KEE (33) jinġabar u jiġi ttrasportat, ipproċessat, maħżun jew jinqered skont din id-Direttiva, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/735/KE (34) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/534/KE (35). F’dan is-sens ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 ippreskriva regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman u esiġa l-obbligi fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li jiġu stabbiliti arranġamenti adegwati u li tkun teżisti infrastruttura suffiċjenti għall-ġbir, it-trasport u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-annimali.

(94)

Billi l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ġestjoni ta’ ċertu skart tista’ tikkonsisti f’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (36), u meta titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-kriżi tal-BSE kif indikat hawn fuq, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tan-natura ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif l-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li kienet din l-attività tal-ġbir u sussegwentement tal-qerda ta’ karkassi u skart ieħor tal-annimali mhux tajjeb għall-konsum matul is-snin 1999 - 2005, li matulhom l-Istat Portugiż assuma r-responsabbiltà sħiħa (1999 - 2003) jew parzjali (2003 - 2005) għal dawn l-operazzjonijiet. Din hija Deċiżjoni li ġiet iġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet ta’ saħħa pubblika u ħarsien ambjentali, u għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif iddefinit fl-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(b)   Twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku

(95)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark tesiġi mandat f’forma ta’ Att Uffiċjali wieħed jew aktar, li jkun/jkunu legalment vinkolanti skont il-liġi nazzjonali. F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni imposta mis-Sentenza Altmark, huwa kkonfermat li d-Digrieti Liġi 393-B/98 u 244/93 kienu jesiġu li l-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux tajbin għall-konsum uman jiġu stabbiliti b’mod obbligatorju fil-Portugall. L-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi 393-B/98 kien jipprovdi li l-INGA, li kien responsabbli għall-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux tajbin għall-konsum, kellu jagħżel l-impriżi biex jagħtu dan is-servizz. Id-Digriet Konġunt Nru 95/99 stabbilixxa minn qabel il-parametri li fuqhom ġie kkalkulat il-ħlas għal servizz pubbliku, flimkien ma’ obbligi oħra marbuta mal-forniment ta’ servizz, bħall-obbligu għall-impriża li tiġbor il-prodotti sekondarji kollha ġġenerati fit-territorju nazzjonali skont ir-regoli tekniċi u tas-saħħa stipulati fil-Liġi.

(96)

L-awtoritajiet Portugiżi jsostnu li l-obbligi tal-impriżi li kienu jfornu s-servizzi kienu ddefiniti b’mod ċar fil-kuntratti tas-servizzi. Bħala eżempju, ippreżentaw lill-Kummissjoni kuntratt tal-forniment ta’ servizz tal-2003, konkluż abbażi tad-Digriet Liġi Nru 393-B/98.

(97)

Il-Kummissjoni tinnota li l-obbligi tal-impriżi fornituri tas-servizzi kienu ddefiniti b’mod ċar fil-kuntratt tas-servizzi li l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentawlha. Minħabba d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Liġi 393-B/98 u tad-Digriet Konġunt, flimkien mal-kuntratt ta’ forniment tas-servizzi ppreżentat bħala eżempju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kundizzjoni tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark ġiet issodisfata.

(ċ)   Parametri stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti

(98)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra - abbażi tat-tagħrif ipprovdut - li l-parameti li fuqhom ġie kkalkulat il-kumpens ġew stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Id-Digrieti Konġunti ppreżentati mill-awtoritajiet Portugiżi jiddefinixxu l-metodu tal-kalkolu u l-kostijiet eliġibbli (ara l-premessa 26 ta’ din id-Deċiżjoni). Dawn iċ-ċifri kienu vverifikati regolarment abbażi tas-snin ta’ qabel. Mill-2005, il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku bdew japplikaw. Abbażi tat-tagħrif disponibbli, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tieni kundizzjoni tas-Sentenza Altmark ġiet issodisfata.

(d)   Kumpens meħtieġ biex ikopri l-kostijiet ta’ servizz

(99)

F’dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni, l-awtoritajiet Portuġiżi u l-partijiet interessati ddikjaraw li l-kumpens ma kienx jaqbeż l-ammont meħtieġ biex ikopri l-kostijiet kollha jew parti minnhom, imġarrba fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li tqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi,

(100)

F’bosta okkażjonijiet, partikularment meta bdiet il-proċedura ta’ eżaminar, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Portugiżi jipprovdu tagħrif dwar il-metodu użat biex jikkalkulaw l-kost ekonomiku reali tas-servizzi. L-awtoritajiet Portugiżi ssottomettew dokumenti li juru n-nefqa annwali tal-fornituri tas-servizzi fir-rigward tas-snin 1999 – 2005, u qabblu dawn iċ-ċifri ma dawk li l-INGA ħallas lill-fornituri għat-twettiq tas-servizzi. Dawn id-dokumenti juru li l-kumpens imħallas mill-INGA lill-impriżi fornituri tas-servizzi ma kienx jaqbeż il-livell meħtieġ biex ikopri l-kostijiet kollha jew parti minnhom imġarrba fit-twettiq tas-servizz. Id-dokumenti ppreżentati juru li l-kumpens kien ukoll jipprovdi għal profitt ta’ bejn 30 % u 39,5 % skont is-sena kkunsidrata (ara l-premessa 62 ta’ din id-Deċiżjoni).

(101)

L-awtoritajiet Portugiżi jiżguraw li r-riżorsi ma setgħux jiġu ttrasferiti lejn attivitajiet kompetittivi li setgħu jwettqu l-impriżi (sussidji inkroċjati), billi l-fornituri tas-servizzi magħżula ma kinux ingaġġati f’attivitajiet oħra.

(102)

Madankollu, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma tistax tikkonkludi li l-profitt li tqies kien “raġonevoli” kif iddefinit fis-sentenza tal-Qorti Altmark.

(103)

Fil-kummenti tagħha l-ETSA kkonfermat li l-ħlas għas-servizz fornut kien jirrifletti adegwatament il-kostijiet imġarrba, waqt li kien iħalli marġini ta’ profitt li ma kien jinvolvi ebda vantaġġ partikulari, u li matul il-perjodu ta’ qabel l-2005, il-livell tal-ħlas ta’ servizz pubbliku kien jikkorrispondi għal medja Ewropea u kien iktar baxx mil-livell tal-ħlas iffissat fil-kuntratt pubbliku għas-servizzi mogħti b’sejħa għall-offerti.

(104)

Dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni tikkunsidra li la l-awtoritajiet Portugiżi u lanqas il-partijiet interessati ma ppreżentaw dokumenti li jappoġġaw dawn id-dikjarazzjonijiet.

(105)

B’riżultat ta’ dan il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li t-tielet kundizzjoni magħmula skont is-sentenza tal-Qorti Altmark hija ssodisfata f’dan il-każ.

(e)   Evalwazzjoni tal-kostijiet ta’ impriża medja

(106)

Meta jitqies li qabel l-2005 l-impriżi fornituri tas-servizzi ma kinux intgħażlu fil-qafas ta’ sejħa għall-offerti pubblika, is-sentenza tal-Qorti Altmark kienet tesiġi evalwazzjoni komparattiva mal-kostijiet ta’ impriża medja. L-awtoritajiet Portugiżi ma ssottomettewx elementi li juru li l-evalwazzjoni tal-kostijiet kienet saret abbażi ta’ evalwazzjoni tal-kostijiet ta’ impriża medja.

(107)

Għalhekk, il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi li l-erba’ kriterji tas-Sentenza tal-Qorti Altmark ma ġewx issodisfati f’dan il-każ speċifiku, u li ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ vantaġġ għall-impriżi fornituri tas-servizzi, matul il-perjodu ta’ bejn id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 393-B/98 u s-sena 2005, meta ntemmet l-applikazzjoni tal-iskema tranżizzjonali stabbilita bid-Digriet Liġi 244/2003.

(108)

Il-pagamenti pubbliċi jsiru lill-impriżi indikati, jiġifieri lill-impriżi inkarigati mis-servizz. Hekk ukoll, il-miżura konċernata tista’ tiġi kkunsidrata bħala speċifika.

(109)

B’riżultat ta’ dan il-Kummissjoni kkonkludiet li wieħed jista’ jeskludi vantaġġ selettiv għal fornituri tas-servizz matul il-perjodu ta’ bejn l-1998 u l-2005, meta ntemmet l-applikazzjoni tal-iskema tranżizzjonali stabbilita bid-Digriet Liġi 244/2003.

1.1.2.    Vantaġġ selettiv għall-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, u tal-majjal u tat-tjur, bil-għadam, u l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam.

(110)

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-każ GEMO (37), li l-fatt li l-attività tal-ġbir u l-qerda tal-annimali mejtin u tal-iskart tal-biċċeriji li minnha jibbenefikaw l-biċċeriji u l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem titwettaq minn impriżi privati, mhijiex se tqajjem dubju dwar il-kwalifika eventwali ta’ għajnuna mill-Istat, minħabba li l-iskema ta’ attività bħal din toriġina mill-awtoritajiet pubbliċi.

(111)

F’dan il-każ, l-iskema tal-attività u tal-finanzjament tagħha joriġinaw ukoll mill-awtoritajiet Portugiżi, kif stabbilit bid-Digrieti Liġi 393-B/98, 197/2002 u 244/2003. Il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li dawn l-iskemi huma bħala konsegwenza attribwiti lill-Istat.

(112)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-każ GEMO li l-ispejjeż finanzjarji relatati mal-qerda tal-annimali mejtin u tal-iskart tal-biċċeriji għandhom jiġu kkunsidrati bħala kost inerenti tal-attività ekonomika tal-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u tal-biċċeriji (38). Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li l-Artikolu 107(1) tat-TFUE għandu jiġi interpretat b’din it-tifsira, li skema li tiżgura lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u lill-biċċeriji l-ġbir u t-tneħħija ta’ annimali mejtin u tal-iskart tal-biċċeriji mingħajr ħlas, għandha tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat mogħtija lill-bdiewa u lill-biċċeriji.

Il-perjodu bejn id-9 ta’ Diċembru 1998 u d-9 ta’ Ottubru 2002, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 197/2002

(113)

F’dan il-każ, wieħed jista’ jikkunsidra li l-qerda tal-annimali mejtin u l-iskart tal-biċċeriji tinvolvi kost inerenti għall-attività mhux biss għall-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, iżda wkoll għall-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-majjal u tat-tjur, bil-għadam, u tal-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-finanzjament tal-kostijiet tal-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur permezz tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-Istat qabel ma daħal fis-seħħ id-Digriet Liġi 197/2002 irriżulta f’eżenzjoni għall-utenti ta’ dan is-servizz minn spiża inerenti għall-attività tagħhom.

(114)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżisti vantaġġ għall-perjodu ta’ qabel l-applikazzjoni ta’ taxxa parafiskali.

Il-perjodu bejn l-10 ta’ Ottubru 2002 u Novembru 2005

(115)

Fir-rigward tal-perjodu ta’ qabel ma daħal fis-seħħ id-Digriet Liġi 197/2002 u d-Digriet Liġi 244/2003, il-finanzjament tal-attivitajiet imsemmija hawn fuq kien żgurat minn taxxa parafiskali introdotta permezz tad-Digriet Liġi 197/2002 u emendat bid-Digriet Liġi 244/2003. Skont l-iskema tad-Digriet Liġi 197/2002 dawn li ġejjin kienu eżentati mill-ħlas tat-taxxa – il-biċċeriji li kienu jiżguraw il-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji konċernati kollha, bl-eċċezzjoni tal-SRM, billi dawn l-unitajiet kienu f’pożizzjoni li jittrattaw b’mod indipendenti l-prodotti sekondarji tagħhom stess (ara l-paragrafu 2 tal-Anness 2 tad-Digriet Liġi msemmi qabel), u l-importaturi u l-operaturi intra-Komunitarji tal-laħam bla għadam, billi dawn ma jiġġenerawx prodotti sekondarji suġġetti għal trattament obbligatorju stipulat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali. Id-Digriet Liġi 244/2003 jippreskrivi eżenzjoni lil dawn l-operaturi taħt il-kundizzjoni tal-approvazzjoni ta’ pjan ta’ qerda jew ta’ użu skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati għall-kategoriji differenti ta’ materjali.

(116)

Biex ikun jista’ jiġi evalwat jekk kienx jeżisti vantaġġ għall-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-majjal u tat-tjur, bil-għadam, u l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam suġġetti għat-taxxa, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kontribuzzjoni li ġejja mit-taxxa tikkorrispondix għal kost ekonomiku reali tas-servizzi pprovduti mis-servizz tal-ġbir.

(117)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw fil-korrispondenza tagħhom tal-20 ta’ Jannar 2003 li t-taxxi stipulati fl-Annessi 1 u 2 tad-Digriet Liġi 197/2002, kif ukoll it-taxxa stipulata fl-Artikolu 2(2) għall-SRM, kienu kkalkulati abbażi ta’ kostijiet reali tas-servizzi li kellhom jingħataw, filwaqt li tqieset in-natura tal-prodotti sekondarji ġġenerati minn kull speċi ta’ annimal u jekk kinux ikkonċernati jew le.

(118)

Għall-awtoritajiet Portugiżi, dan il-finanzjament kien jikkonsisti f’kull aspett minn kumpens mill-utenti għall-forniment ta’ servizz pubbliku ta’ interess ġenerali. Is-somom imħallsa mill-operaturi suġġetti għat-taxxa, ma kinux fissi, iżda kienu direttament proporzjonali għall-kwantitajiet ta’ skart li effettivament intbagħtu lis-servizz pubbliku u għall-kostijiet reali biex dan l-iskart jinqered.

(119)

B’appoġġ għal dawn id-dikjarazzjonijiet, l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw dokumenti b’tagħrif ikkwantifikat għas-sena 2003, li jqabblu l-kostijiet ekonomiċi reali tas-servizzi pprovduti mal-kontribuzzjonijiet ġejjin mit-taxxa korrispondenti. Għall-bqija tas-sena 2002, wara li daħal fis-seħħ id-Digriet Liġi 197/2002 f’Ottubru 2002, l-awtoritajiet Portugiżi ma ppreżentawx dokument b’tagħrif ikkwantifikat dwar id-dħul li rriżulta mill-ġbir tat-taxxa.

(120)

Għas-snin 2004 u 2005, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu dokumenti b’tagħrif ikkwantifikat dwar il-kostijiet tal-operazzjonijiet imwettqa, iżda mhux għad-dħul mit-taxxa imposta fuq l-operaturi li kien għadhom ma ġabux approvazzjoni għall-pjan tal-qerda u tal-użu tagħhom, u li għalhekk kien għadhom suġġetti għat-taxxa stabbilita mill-iskema tranżizzjonali tad-Digriet Liġi 244/2003.

(121)

Għas-snin 2002, 2004 u 2005, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi, skont id-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Portugiżi, li l-kontribuzzjonijiet ta’ dawk suġġetti għat-taxxa huma direttament proporzjonali għall-kwantitajiet tal-iskart li effettivament intbagħat lis-servizz tal-ġbir u għall-kost reali tal-qerda ta’ dan l-iskart.

(122)

Fir-rigward tas-sena 2003 l-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx hemm vantaġġ għaliex il-kontribuzzjonijiet ta’ dawk suġġetti għat-taxxa kienu direttamenti proporzjonali għall-kostijiet imġarrba mis-servizzi li ngħataw.

(123)

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li jeżisti vantaġġ għall-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-majjal u tat-tjur, bil-għadam, u l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam suġġetti għat-taxxa matul il-perjodu bejn Ottubru 2002 u l-1 ta’ Jannar 2003 u fl-2004 u l-2005.

1.1.3.    Vantaġġ selettiv għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem

Il-perjodu bejn id-9 ta’ Diċembru 1998 u d-9 ta’ Ottubru 2002, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 197/2002

(124)

F’ dan il-każ, wieħed jista’ jikkunsidra li l-qerda ta’ annimali mejtin u l-iskart tal-biċċeriji tinvolvi kost inerenti għall-attività mhux biss għall-istabbiliment tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, iżda wkoll għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, li skont il-liġijiet tas-swieq, għandhom iġarrbu almenu parti mill-kostijiet ta’ dawn is-servizzi. F’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja GEMO msemmija qabel, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-finanzjament tal-kostijiet tal-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur permezz tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-Istat qabel ma daħal fis-seħħ id-Digriet Liġi 197/2002 irriżulta f’eżenzjoni għall-utenti ta’ dan is-servizz minn spiża inerenti għall-attività tagħhom.

(125)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżisti vantaġġ għall-perjodu ta’ qabel l-applikazzjoni tat-taxxa parafiskali.

Il-perjodu bejn l-10 ta’ Ottubru 2002 u Novembru 2005

(126)

Kif indikat hawn fuq, il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Portugiżi sabiex iwettqu l-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur setgħu jeżentaw lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem minn spejjeż li setgħu, f’ċirkustanzi normali, jiġġarrbu parzjalment minnhom. Mid-Digriet Liġi 197/2002 u l-iskema tranżizzjonali stipulata bid-Digriet Liġi 244/2003 joħroġ ċar li l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem mhumiex suġġetti għat-taxxa konċernata. L-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li l-kostijiet tal-ġbir qabel tmiem is-sena 2005 kienu ġew trasferiti fuq is-settur kollu. Il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ irċevuti ppreżentati mill-awtoritajiet Portugiżi juru li t-taxxa bbażata fuq id-Digriet Liġi 197/2002 u d-Digriet Liġi 244/2003 effettivament ġiet trasferita minn waħda mill-biċċeriji f’Ottubru 2002 u Ottubru 2003. Id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Portugiżi li skontha, f’konformità mal-liġijiet tas-swieq, il-kostijiet ġew trasferiti fuq is-settur kollu, inkluż il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, hija kkorroborata mid-dokumenti ppreżentati. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem kienu ġarrew il-kostijiet relatati mal-attività tagħhom, u għalhekk ma kienu qed jibbenefikaw minn ebda vantaġġ speċifiku.

(127)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-bdiewa kienu bbenefikaw biss minn vantaġġ matul il-perjodu qabel l-applikazzjoni tat-taxxa.

(128)

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li jeżisti vantaġġ f’dak li jikkonċerna l-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-annimali, favur il-biċċeriji u l-importaturi għall-perjodi kollha, ħlief is-sena 2003, u favur il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem matul il-perjodu ta’ qabel l-applikazzjoni tat-taxxa biss.

1.2.   VANTAĠĠI FFINANZJATI MINN RIŻORSI TAL-ISTAT

(129)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jikkonċerna l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri jew minn riżorsi tal-Istat. Fi kliem ieħor, il-miżura konċernata trid tkun attribbwita lill-Istat u tkun ingħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

(130)

F’ dan il-każ, il-finanzjament tal-kostijiet marbutin mal-operazzjonijiet tal-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur bejn l-1999 u Ottubru 2002 kien żgurat mid-dħul dirett tal-Istat, u minn Ottubru 2002, mid-dħul ta’ taxxa parafiskali applikata fuq il-biċċeriji, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam, u l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam.

(131)

Il-pagamenti lil fornituri tas-servizzi affettwati minn dħul dirett tal-Istat huma vantaġġi finanzjarji minn riżorsi tal-Istat. Il-fatt illi dan is-servizz pubbliku kien iffinanzjat mill-baġit tal-Istat mill-1999 u qabel l-applikazzjon tat-taxxa fl-2002, jimplika li l-impriżi li kienu jwettqu dan is-servizz kienu qed jibbenefikaw minn fondi pubbliċi biex ikopru l-ispejjeż ta’ dan is-servizz.

(132)

It-taxxi applikati bejn Settembru 2002 u Novembru 2005 ma kinux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE li jikkonċernaw l-għajnuniet mill-Istat, ħlief meta dawn kienu jikkostitwixxu l-mod ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna u b’hekk kienu jagħmlu parti integrali minn din il-miżura (39).

(133)

It-taxxi kollha jitħallsu permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni awtonoma lill-INGA. It-taxxi imposti fuq l-operaturi kienu jikkostitwixxu dħul għall-INGA u kienu jitħallsu direttament lilu.

(134)

Sabiex taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, irid ikun hemm rabta ipotetika bejn it-taxxa u l-miżura ta’ għajnuna permezz tar-regoli nazzjonali rilevanti, fis-sens illi d-dħul mit-taxxa ikun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna (40).

(135)

Billi t-taxxi kienu jikkostitwixxu dħul għall-INGA u kienu mħallsin direttament lilu, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-taxxa tagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna.

(136)

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-dħul mit-taxxi parafiskali f’dan il-każ jistgħux jiġu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat jew le, wieħed irid jinnota li, f’termini ta’ riżorsi tal-Istat, ma trid issir ebda distinzjoni bejn il-każ li fih jingħataw direttament mill-Istat jew minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati li kienu nħatru jew maħluqa mill-Istat. Fil-15 ta’ Lulju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha fil-Kawża Pearl e. a. (41), indikat li kontribuzzjonijiet obbligatorji miġbura minn organizzazzjoni intermedjarja mill-impriżi kollha f’settur tan-negozju speċifiku ma jiġux kkunsidrati biss bħala riżorsi tal-Istat jekk l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-miżura kkunsidrata hija stabbilita minn korp professjonali li jirrappreżenta l-impriżi u l-impjegati ta’ settur tan-negozju speċifiku u ma sservix bħala strument biex jitwettqu politiki stabbiliti mill-Istat;

(b)

l-għanijiet tal-miżura kkunsidrata huma ffinanzjati kompletament mill-kontribuzzjoni tal-impriżi tas-settur;

(ċ)

il-metodu ta’ finanzjament u l-perċentwali/l-ammont tal-kontribuzzjonijiet jiġu deċiżi fi ħdan il-korp professjonali tas-settur mir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-impjegati, mingħajr ebda interferenza mill-Istat;

(d)

il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw b’mod vinkolanti għall-finanzjament tal-miżura, mingħajr il-possibbiltà ta’ intervent mill-Istat.

(137)

Abbażi tat-tagħrif disponibbli, jidher li l-ewwel kundizzjoni tas-sentenza Pearl e.a. ma ġietx issodisfata fis-sens li l-miżura kienet stabbilita mid-Digriet Liġi, sabiex titwettaq politika stabbilita mill-Istat, maħsuba biex issolvi s-sitwazzjoni tal-BSE.

(138)

Barra minn hekk, it-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati, billi l-metodu tal-finanzjament huwa rregolat bid-Digrieti tal-Liġi msemmija. Bħala riżultat, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom l-opportunità li jintervjenu fid-determinazzjoni ta’ kif tiġi ffinanzjata l-miżura.

(139)

Meta jitqies li l-kundizzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Pearle e.a. ma ġewx issodisfati kollha u jidher li l-Istat jeżerċita kontroll fid-determinazzjoni tal-metodi tal-finanzjament tal-miżura tal-għajnuna, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dħul mit-taxxi parafiskali jikkostitwixxi fil-fatt riżors tal-Istat attribbwit lill-Istat.

1.3.   TGĦAWWIĠ FIL-KOMPETIZZJONI/EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ

(140)

F’konformità mal-ġurisprundenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża permezz ta’ għotja ta’ għajnuna mill-Istat ġeneralment twassal għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni fir-rigward ta’ impriżi oħra li jikkompetu magħha u li ma bbenefikawx minn din l-għajnuna (42).

(141)

Il-miżura jista’ jkollha effett fuq il-pożizzjoni tal-Portugall fis-settur tal-laħam (43). Billi l-impriżi Portugiżi huma attivi f’suq internazzjonali verament kompetittiv, il-miżura tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni. Il-miżura tista’ wkoll taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(142)

L-awtoritajiet Portugiżi argumentaw illi minħabba l-projbizzjoni fuq il-kunsinna notevolment tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, id-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun, f’din il-forma jew inkorporati fi prodotti oħra, ma kienx hemm kummerċ, allura ma seta’ jkujn hemm l-ebda tgħawwiġ fil-kompetizzjoni.

(143)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, skont il-ġurisprudenza eżistenti (44), għajnuna tista’ tkun ta’ tali tip illi taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni anke jekk l-impriża li tirċeviha, li tikkompeti ma’ produtturi fi Stati Membri oħra, ma tesportax hija stess il-prodotti tagħha; fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, il-provvista interna tista’ b’hekk tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-opportunitajiet għal impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li joffru s-servizz tagħhom lis-suq ta’ dak l-Istat Membru jonqsu.

(144)

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li l-kunsinna ta’ dawn il-prodotti msemmija hawn fuq mill-Portugall lejn Stati Membri oħra kienet ipprojbita, ma jibdilx il-fatt li l-għajnuna tista’ tfixkel il-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ.

1.4.   KONKLUŻJONIJIET

(145)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura applikata permezz tad-Digrieti Liġi tal-393-B/98, l-197/2002 u l-244/2003 rigward il-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-annimali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur il-biċċeriji u l-importaturi matul il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Digriet Liġi 2003, bl-eċċezzjoni tas-sena 2003 li għaliha l-awtoritajiet Portugiżi setgħu juru li ma kienx hemm vantaġġ.

(146)

Rigward il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) għall-perjodu ta’ qabel l-applikazzjoni tat-taxxa.

(147)

Fir-rigward tal-impriżi fornituri tas-servizzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li matul il-perjodu ta’ bejn id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi 393-B/98 u s-sena 2005, id-data ta’ meta ntemmet l-applikazzjoni tal-iskema tranżizzjonali stabbilita bid-Digriet Liġi 244/2003, wieħed ma jistax jeskludi l-eventwalità ta’ għajnuna mill-Istat.

2.   ILLEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA

(148)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Portugall ma kienx innotifika, skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, il-miżuri tal-għajnuna applikati wara l-1999, u lanqas l-iskemi introdotti permezz tad-Digrieti Liġi 197/2002 u 244/2003. L-Artikolu 1, il-punt f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 jiddefinixxi “għajnuna kontra l-liġi” bħala għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat.

(149)

Billi l-miżuri applikati mill-Portugall fihom l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat, dan ifisser li għandhom x’jaqsmu ma’ għajnuniet ġodda, mhux innotifikati lill-Kummissjoni u li huma, minħabba f’hekk kontra l-liġi skont it-termini tat-TFUE.

(150)

L-eżami tal-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe għajnuna għandu jinqasam f’żewġ partijiet: fl-ewwel parti, il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuniet mogħtija lill-impriżi fornituri tas-servizzi, u fit-tieni parti, teżamina l-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija liċ-ċentri tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, lill-importaturi u lill-operaturi intra-Komunitarji tas-settur kif ukoll lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem.

(151)

Din l-għajnuna kienet iffinanzjata sa mill-2002 minn taxxa parafiskali, u meta l-finanzjament huwa parti integrali tal-miżura tal-għajnuna, il-Kummissjoni għandha teżamina kemm l-azzjonijiet iffinanzjati, jiġifieri, l-għajnuna, kif ukoll il-finanzjament tagħha. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-metodu tal-finanzjament tal-għajnuna permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji b’mod partikulari hija parti integrali tal-miżura tal-għajnuna, l-eżami tal-Kummissjoni ta’ din tal-aħħar għandu jqis il-metodu tal-finanzjament tal-għajnuna (45). Kif jidher mill-premessa 135 ta’ din id-Deċiżjoni, il-metodu ta’ finanzjament tal-għajnuna għandu jitqies li jagħmel parti integrali mill-miżura tal-għajnuna.

3.   EŻAMI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNIET

3.1.   ANALIŻI FID-DAWL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦALL-GĦAJNUNIET MHUX INNOTIFIKATI

3.1.1.    Għajnuniet favur l-impriżi fornituri tas-servizzi

(a)   Kompatibbiltà tal-għajnuniet skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE

(152)

Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE tippermetti xi eċċezzjonijiet.

(153)

Skont il-ġurisprundenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-kumpens għas-servizzi pubbliċi ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk ikun jissodisfa ċerti kundizzjonijiet (ara l-premessa 89 ta’ din id-Deċiżjoni). Madankollu, jekk il-kumpens għas-servizz pubbliku ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, u jekk il-kriterji ġenerali tal-applikabbiltà tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jiġu ssodisfati, dan il-kumpens jikkonsisti f’għajnuna mill-Istat li tista’ minkejja dan tiġi ddikjarata kompatibbli mat-TFUE skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE jekk huwa meħtieġ għall-funzjonament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u ma jaffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ b’tali mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ċċarat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex jintlaħaq dan il-bilanċ. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa tal-2001 (46), il-Kummissjoni ċċarat li għandu jiġi żgurat li kwalunkwe restrizzjoni għar-regoli tat-Trattat tal-KE u, b’mod partikulari, kwalunkwe restrizzjoni għal kompetizzjoni u limitazzjoni għal-libertà tas-suq intern ma jaqbżux dak li hu assolutament meħtieġ biex jiggarantixxi twettiq effettiv tal-missjoni tas-servizz pubbliku. B’mod partikulari dan ifisser li l-ħlas ma jkunx ogħla mill-kostijiet ġenerali netti supplimentari għall-missjoni fdata lill-impriża konċernata. Il-Kummissjoni ċċarat ukoll il-kundizzjonijiet ulterjuri fil-qafas Komunitarju tal-għajnuniet mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku [traduzzjoni mhux uffiċjali] (47) u fid-Deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) (48). Dwar il-kalkolu tal-kumpens, il-Kummissjoni ċċarat li l-ammont tal-kumpens ma setax jaqbeż l-ammont meħtieġ biex ikopri l-kostijiet imġarrba fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jitqies id-dħul rilevanti u l-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Il-profitt raġoneveoli jista’ jinkludi notevolment iż-żidiet kollha fil-produttività miksuba mill-impriżi konċernati, jew parti minnhom, matul perjodu miftiehem u limitat mingħajr ma jitnaqqas il-livell tal-kwalità tas-servizzi fdati lill-impriża mill-Istat.

(154)

Il-punt 18 tal-qafas Komunitarju tal-għajnuniet mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku jkompli jiċċara li “profitt raġonevoli” għandha tfisser rata ta’ profitt fuq il-kapital proprju li tqis ir-riskju, l-assenza ta’ riskju, li impriża jkollha skont intervent mill-Istat Membru, partikularment jekk dan tal-aħħar jagħti drittijiet esklussivi jew speċjali. Normalment, din ir-rata ma tistax taqbeż ir-rata medja tas-settur konċernat matul is-snin preċedenti. Fis-settur fejn ma tkun teżisti l-ebda impriża komparabbli ma’ dik li lilha tkun ingħatat il-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, din tista’ titqabbel ma’ impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, jew, jekk ikun hemm bżonn, minn setturi oħra, bil-kundizzjoni li l-karatteristiċi partikulari ta’ kull impriża jitqiesu. Biex jiġi ddeterminat profitt raġonevoli, l-Istat Membru jista’ jintroduċi kriterji li jagħtu inċentiv, marbuta notevolment mal-kwalità tas-servizz u maż-żieda fil-produzzjoni.

(155)

Kif indikat fil-paragrafu 99 u fil-paragrafi ta’ warajh f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi mit-tagħrif ippreżentat mill-awtoritajiet Portugiżi li l-kumpens kien ġie kkalkulat billi tqies profitt raġonevoli li ma jaqbiżx ir-rata medja fis-settur. Is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Portugiżi diversi drabi biex jibagħtu l-elementi kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tad-deroga stipulati għall-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt forma ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ntlaħqux f’dan il-każ. Effettivament, it-tagħrif ippreżentat mill-awtoritajiet Portugiżi ma jsemmix jekk kienx sar studju komparattiv ma impriżi oħra sabiex tiġi stabbilita r-rata medja għas-settur konċernat.

(156)

Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi jekk l-għajnuniet mogħtija lil fornituri tas-servizzi humiex kompatibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(b)   Kompatibbiltà tal-għajnuniet skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE

(157)

L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jistipula li għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn deroga stipulata f’dan is-subparagrafu, l-għajnuniet għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur ikkonċernat.

(158)

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Portugiżi jiddikjaraw li qiesu l-kostijiet kollha marbuta mal-operazzjonijiet tal-ġbir, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur mill-1999. Minn Ottubru 2002, il-finanzjament tal-kostijiet marbutin ma’ dawn l-istess operazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur kien żgurat permezz tad-dħul minn taxxa applikata fuq il-biċċeriji, l-importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-majjal bil-għadam u l-operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam, sakemm dawn ma kinux jagħmlu dawn l-operazzjonijiet huma stess.

(159)

Skont il-punt 23.3 tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet tal-Istat fis-settur agrikolu 2000-2006 (49) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (minn hawn ’il quddiem “il-linji gwida”) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuniet tal-Istat kontra l-liġi (50) [traduzzjoni mhux uffiċjali], kull għajnuna kontra l-liġi skont it-tifsira tal-Artikolu 1, il-punt f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandha tiġi evalwata skont ir-regoli u l-linji gwida fis-seħħ fil-waqt tal-għoti tal-għajnuna. Fl-2002, il-Kummissjoni adottat il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat marbuta mat-testijiet tal-EST, lill-annimali li nstabu mejta u lill-iskart tal-biċċeriji [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn il-linji gwida kienu japplikaw bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006 (51) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-punt 44 tal-linji gwida tal-EST, jipprovdi għal deroga mill-prinċipju li l-għajnuniet kontra l-liġi għandhom jiġu evalwati skont ir-regoli fis-seħħ fil-waqt li jingħataw għall-każijiet relattivi, notevolment għall-iskart tal-biċċeriji. Skont il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST, il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji bbażati fuq il-punt 11.4 tal-linji gwida għall-għajnuniet kontra l-liġi dwar l-iskart tal-biċċeriji, mogħtija qabel tmiem is-sena 2002. B’riżultat ta’ dan, il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST huwa l-bażi legali relatata mal-evalwazzjoni tal-għajnuniet mogħtija mill-1999.

(160)

F’konformità mal-punt 194, il-punt c), il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet tal-Istat fis-settur agrikolu u tal-forestrija 2007-2013, wara li dawn il-linji gwida daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni ma baqgħetx tapplika l-linji gwida tal-EST, ħlief għall-għajnuniet kontra l-liġi mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2007 msemmija fil-punti 43 u l-punti ta’ wara tal-linji gwida. Għalhekk, il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST jibqa’ r-regola applikabbli għall-għajnuniet kontra l-liġi relatati mal-iskart tal-biċċeriji mill-1 ta’ Jannar 2003.

(161)

Il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST jistabbilixxi serje ta’ dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-biċċeriji.

(162)

Skont il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST, f’dak li jirrigwarda l-għajnuniet mill-Istat marbuta mal-iskart tal-biċċeriji, ġiet adottata serje ta’ deċiżjonijiet individwali mill-Kummissjoni wara Jannar 2001, li jawtorizzaw l-għajnuniet mill-Istat li jkopru sa 100 % tal-kostijiet imġarrba għall-qerda tal-SRM, id-dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun u l-għalf li fih it-tali prodotti, li għandhom jinqerdu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja ġdida dwar l-EST. B’mod partikulari, il-bażi ta’ dawn id-Deċiżjonijiet hija l-punt 11.4 tal-linji gwida agrikoli, filwaqt li tqieset il-karatteristika ta’ ħajja qasira tal-għajnuniet u l-ħtieġa li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jiġi rrispettat fuq perjodu ta’ żmien twil. B’mod eċċezzjonali, il-Kummissjoni aċċettat li dawn l-għajnuniet tal-Istat jistgħu jingħataw ukoll lil operaturi oħra minbarra dawk li ħidmiethom hija fil-produzzjoni ta’ annimali ħajjin, pereżempju, lill-biċċeriji. Għall-għajnuniet tal-Istat kontra l-liġi mogħtija qabel tmiem l-2002, għall-kostijiet komparabbli rigward il-leġiżlazzjoni Komunitarja l-ġdida dwar it-TSE, u mingħajr preġudizzju għall-konformità ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja, il-Kummissjoni ser tapplika l-istess prinċipji.

(163)

Il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST jinnota li, b’mod eċċezzjonali, il-Kummissjoni aċċettat li dawn l-għajnuniet tal-Istat jistgħu jingħataw ukoll lil operaturi oħra minbarra dawk li ħidmiethom hija fil-produzzjoni ta’ annimali ħajjin, pereżempju, lill-biċċeriji. Fil-passat, il-Kummissjoni ddeċidiet li din l-eċċezzjoni għandha tkopri wkoll impriżi oħra li jwettqu ħidma direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ annimali ħajjin, bħal impriżi li jipproċessaw prodotti sekondarji tal-annimali.

(164)

Abbażi tal-punt 11.4 tal-linji gwida agrikoli, il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuniet sa 100 % tal-kostijiet reali mġarrba, għall-miżuri bħall-kontrolli tas-saħħa, it-testijiet u miżuri oħra ta’ skrinjar, xiri u amministrazzjoni ta’ mediċini u prodotti fitosanitarji, u l-kostijiet għall-qerda tal-uċuħ tar-raba’ bil-kundizzjoni li:

jeżisti programm adegwat stabbilit fil-livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard konċernat;

il-mard huwa sors ta’ tħassib għall-awtoritajiet pubbliċi;

il-miżuri tal-għajnuna għandhom bħala għan il-prevenzjoni u/jew il-kumpens;

l-għajnuniet huma kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja veterinarja jew fitosanitarja.

(165)

Skont il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST, dawn il-prinċipji japplikaw ukoll.

(166)

Il-BSE hija marda li tittieħed u li thedded is-saħħa tal-bniedem. Hija marda tal-annimali, li hekk kif tfaqqa’ trid tiġi nnotifikata direttament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra (52). L-għan tal-miżura tal-għajnuna kien li jiżgura li l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni rigward il-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda kienu jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni veterinarja fis-seħħ bejn l-1999 u l-2005 fis-settur tal-laħam.

(167)

Il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li l-Portugall indika li kien assuma l-kostijiet kollha marbutin mal-operazzjonijiet ta’ ġbir, proċessar u qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur mill-1999 sa tmiem l-2002, fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza approvati mill-Kummissjoni fil-qafas tad-Deċiżjoni 98/653/KE li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ dqiq mil-laħam u l-għadam mitħun, kif ukoll mil-laħam u l-għadam tal-mammiferi [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-miżuri ta’ projbizzjoni fuq kunsinni tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella mill-Portugall kienet ġiet irrevokata biss mal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1993/2004.

(168)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, f’konformità mal-punti 33 u 34 tal-linji gwida tal-EST, l-impriżi kienu ġew magħżula u mħallsa skont il-prinċipji tas-suq, b’mod mhux diskriminatorju (ara l-premessa 21 u ta’ wara ta’ din id-Deċiżjoni). F’dan il-każ il-Kummissjoni tista’ taċċetta, minħabba l-emerġenza tal-miżuri li ttieħdu, li l-awtoritajiet Portugiżi għażlu lill-fornituri tas-servizzi f’konformità mad-Digriet Liġi Nru 197/99 tat-8 ta’ Ġunju 1999, li huwa skont it-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet imsemmija, l-istrument nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/52/KE, mingħajr ma rrikorrew għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku (ara l-premessa 24 ta’ din id-Deċiżjoni).

(169)

L-awtoritajiet Portugiżi indikaw li d-Digriet Liġi Nru 197/2002 ġie stabbilit sabiex jitħarsu l-obbligi tal-Portugall fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/766/KE, skont il-prinċipju “min iniġġes iħallas” (ara l-premessi 65 u 66 ta’ din id-Deċiżjoni). Huma kkonfermaw li r-riżorsi ma setgħux imorru lejn attivitajiet li eventwalment jikkompetu mogħtija mill-impriżi fornituri tas-servizzi peress li l-unika attività tagħhom kienet effettivament il-ġbir, l-ipproċessar, it-trasport u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

(170)

Bl-istess mod il-Kummissjoni tikkunsidra li r-responsabbiltà tas-servizz u tal-finanzjament tiegħu ġiet trasferita lejn l-operaturi, filwaqt li ġiet irrispettata fażi tranżizzjonali, bl-iskema stabbilita mid-Digriet Liġi 244/2003.

(171)

Minħabba ċ-ċirkustanzi partikulari u s-sitwazzjoni ta’ emerġenża kkawżata bir-riskju tat-tixrid tal-BSE bejn l-1999 u l-2004, u billi s-sistema stabbilita bid-Digriet Liġi 244/2003 kienet tipprovdi trażmissjoni progressiva tar-responsabbiltà u tal-finanzjament tas-servizzi lill-operaturi tas-settur, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuniet jistgħu jiġu kkwalifikati li kienu ta’ perjodu qasir ta’ żmien, u li kienu jirrispettaw il-prinċipju “min iniġġes iħallas” fuq perjodu ta’ żmien twil.

(172)

Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi abbażi tat-tagħrif disponibbli li l-għajnuniet mogħtija bejn l-1999 u tmiem l-2002 jistgħu jibbenefikaw minn deroga stabbilita fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

(173)

Fir-rigward tal-għajnuniet mogħtija mill-2003 sa Novembru 2005, il-Kummissjoni tikkunsidra, li minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet teżisti sa tmiem l-2004, u billi l-iskema tad-Digriet Liġi kienet tipprovdi t-trażmissjoni progressiva tar-responsabbiltà u l-finanzjament tas-servizzi kif indikat hawn fuq, li l-għajnuniet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala li huma kompatibbli u konformi mal-punt 47 tal-linji gwida tal-EST jekk huma konformi mal-kostijiet reali tas-servizzi riċevuti.

(174)

Kif indikat fil-premessa 100 tad-Deċiżjoni preżenti, l-awtoritajiet Portugiżi kienu wrew li l-għajnuniet kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż reali tas-servizzi tal-impriżi fornituri tas-servizz għall-perjodu mill-1999 sal-2005.

(175)

Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi abbażi tat-tagħrif disponibbli li l-għajnuniet mogħtija bejn l-2003 u Novembru 2005 lill-fornituri tas-servizzi jistgħu jibbenefikaw minn deroga stabbilita fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

3.1.2.    Għajnuna mogħtija lill-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi u l-operaturi intra-Komunitarji tas-settur kif ukoll lill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem

(176)

Kif il-Kummissjoni kienet indikat fil-premessa 166 ta’ din id-Deċiżjoni, bejn l-1999 u l-2004, ir-riskju tat-tixrid tal-BSE fil-Portugall kien irriżulta f’ċirkustanzi partikulari u f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Meta titqies din is-sitwazzjoni eċċezzjonali u l-fatt li s-sistema stabbilita mid-Digriet Liġi 244/2003 stipulat trażmissjoni progressiva tar-responsabbiltà u l-finanzjament tas-servizzi lill-operaturi tas-settur, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuniet jistgħu jiġu kkwalifikati li kienu għal perjodu qasir ta’ żmien u li kienu jirrispettaw il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” fuq perjodu ta’ żmien twil. F’konformità mal-prattiki preċedenti, f’dan il-każ il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuniet skont il-punt 47 tal-linji gwida tal-EST setgħu b’mod eċċezzjonali ngħataw lil operaturi oħrajn tas-settur, notevolment lill-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi u l-operaturi intra-Komunitarji tas-settur.

(177)

Hekk kif ikkumentat għall-impriżi fornituri tas-servizz, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuniet ingħataw f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-punt 47 tal-linji gwida tal-EST.

(178)

Fir-rigward tal-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-importaturi u l-operaturi intra-Komunitarji tas-settur, il-Kummissjoni tista’ għalhekk tikkonkludi li l-għajnuniet mogħtija jistgħu jibbenefikaw mid-deroga stipulata fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

(179)

Rigward il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet mogħtija fil-premessa 160 u fil-paragrafi ta’ wara ta’ din id-Deċiżjoni, l-għajnuniet kienu ngħataw f’konformità mal-prinċipji mogħtija fil-punt 47 tal-linji gwida tal-EST u jistgħu jibbenefikaw mid-deroga stipulata fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

3.2.   IL-FINANZJAMENT TAL-GĦAJNUNIET

(180)

Minn Ottubru 2002, id-data ta’ meta daħal fis-seħħ id-Digriet Liġi 197/2002, il-finanzjament tal-kostijiet marbutin mal-operazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur kien żgurat permezz tad-dħul minn taxxa parafiskali applikata fuq biċċeriji, importaturi tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-majjal bil-għadam u operaturi intra-Komunitarji, jiġifieri l-operaturi/ir-riċevituri tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u tal-majjal bil-għadam.

(181)

F’konformità mas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (53), il-Kummissjoni normalment tikkunsidra li l-finanzjament ta’ għajnuna mill-Istat minn imposti obbligatorji jistgħu jaffettwaw l-għajnuna billi jkollhom effett protettiv li fir-realtà jmur lil hinn mill-għajnuna. Il-kontribuzzjonijiet konċernati fil-fatt huma imposti obbligatorji. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li għajnuna ma tistax tiġi ffinanzjata minn taxxi parafiskali li jiġu imposti wkoll fuq prodotti importati minn Stati Membri oħra.

(182)

Meta titqies din is-Sentenza tal-Qorti, kif ukoll il-fatt li l-miżura ngħatat minn riżorsi tal-Istat u tikkostitwixxi għalhekk għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-għajnuna setgħetx kienet diskriminatorja, kuntrarju għall-Artikolu 110 tat-TFUE, f’dak li jikkonċerna prodotti minn Stati Membri oħra li għandhom iħallsu wkoll it-taxxa.

(183)

L-awtoritajiet Portugiżi ġġustifikaw it-tassazzjoni tal-laħam bil-għadam importat minħabba l-fatt li dawn il-prodotti importati setgħu jibbenefikaw mis-sistema bl-istess mod bħall-prodotti domestiċi, l-eżistenza tal-laħam bil-għadam kienet timplika l-eżistenza ta’ prodotti sekondarji li jibbenefikaw mis-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda.

(184)

Mit-tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni, it-taxxi kienu ġew imposti fuq biċċeriji, importaturi ta’ karkassi sħaħ jew ta’ nofs karkassi, u ta’ qatgħat oħra bil-għadam taċ-ċanga u l-vitella, u tal-majjal (ara l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Liġi 197/2002) u kienu jservu biex jiżguraw is-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tal-mammiferi u tat-tjur (l-Artikolu 1(1) tad-Digriet Liġi 197/2002).

(185)

Dan it-tagħrif ġiegħel lill-Kummissjoni tiddubita jekk it-taxxa li kellha titħallas minn dawk suġġetti għaliha kinetx tikkorrispondi għas-servizzi li kienu bbenefikaw minnhom. Il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setgħetx teskludi l-eżistenza ta’ sistema potenzjalment diskriminatorja fil-każ ta’ prodotti importati minn Stati Membri oħra, li fuqhom kellha titħallas it-taxxa.

(186)

Sussegwentement, l-awtoritajiet Portugiżi żguraw li l-finanzjament tas-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-prodotti sekondarji tal-laħam tat-tjur ma kienx ġej mit-taxxi imposti fuq il-biċċeriji u l-importaturi tal-karkassi sħaħ jew ta’ nofs karkassi, u ta’ qatgħat oħra bil-għadam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-majjal, iżda f’konformità mal-Anness 1 tad-Digriet Liġi 197/2002, minn taxxi imposti fuq l-biċċeriji tat-tjur li ma kinux jiġbru, jittrasportaw, jipproċessaw u jeqirdu l-prodotti sekondarji kollha ġġenerati mill-qatla tat-tjur. L-importaturi u l-operaturi tal-karkassi tat-tjur huma eżentati mit-taxxa billi l-biċċa l-kbira tal-karkassi tat-tjur importati ma jiġġenerawx prodotti sekondarji.

(187)

Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-importaturi u l-operaturi tal-karkassi sħaħ jew ta’ nofs karkassi, u ta’ qatgħat bil-għadam taċ-ċanga u tal-vitella u tal-majjal, l-awtoritajiet Portugiżi ġġustifikaw li dawn il-qatgħat bil-għadam importati kienu jiġġeneraw prodotti sekondarji.

(188)

Fl-inġunzjoni ta’ informazzjoni u, sussegwentement, meta nbdiet il-proċedura, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Portugiżi biex jiżguraw li l-prodotti importati jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmu bl-istess mod bħall-prodotti domestiċi, u wkoll biex jagħtu prova permezz ta’ tagħrif ikkwantifikat li fuq perjodu speċifiku ta’ referenza, it-taxxi imposti fuq prodotti ta’ ċanga, vitella u majjal bil-għadam minn Stati Membri oħra kienu ekwivalenti finanzjarjament għall-kostijiet tas-servizzi li minnhom ibbenefikaw esklussivament dawn il-prodotti (ara l-paragrafu 37(h) tad-Deċiżjoni li bdiet il-proċedura).

(189)

L-awtoritajiet Portugiżi żguraw li l-qatgħat importati bil-għadam ibbenefikaw bl-istess mod mis-servizzi tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda ta’ prodotti sekondarji tal-laħam domestiċi, iżda ma ppreżentawx ċifri preċiżi u konklussivi dwar dan.

(190)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi mit-tagħrif disponibbli jekk it-taxxa introdotta bid-Digriet Liġi 197/2002 imħallsa fuq il-prodotti importati hijiex ekwivalenti għall-kostijiet tas-servizzi li minnhom ibbenefikaw il-prodotti sekondarji ġġenerati minn dawn il-prodotti importati, u li konsegwentement, il-prodotti importanti setgħu jibbenefikaw mis-servizzi ffinanzjati permezz tal-miżura ta’ għajnuna bl-istess mod bħall-prodotti domestiċi.

(191)

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Digriet Liġi 244/2003, l-istabbilimenti tal-biċċeriji u tat-tqattigħ, l-imfaqas u l-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-bajd għandhom iħallsu t-taxxi stipulati fl-Anness 1 tad-Digriet Liġi 197/2002, bl-eċċezzjoni tal-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-iskema alternattiva stabbilita minn dan id-Digriet, li għandhom iħallsu t-taxxi stipulati fl-Anness 2 sakemm il-pjan għall-materjali tal-Kategorija 3 jiġi approvat. Għall-materjali tal-Kategoriji 1 u 2, sakemm il-pjan jiġi approvat, kellhom iħallsu EUR 0,35/kg ta’ materjal (l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Liġi 244/2003).

(192)

Fir-rigward tal-emendi magħmula mid-Digriet Liġi 244/2003 għas-sistema tat-taxxa, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Portugiżi biex juru li l-prodotti importati kienu bbenefikaw minn dawn is-servizzi bl-istess mod bħall-prodotti domestiċi.

(193)

L-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li t-taxxa introdotta bid-Digriet Liġi 244/2003 kienet ibbażata fuq il-prodotti sekondarji ġġenerati effettivament minnhom u li l-prodotti importati setgħu jibbenefikaw bl-istess mod minn dawn is-servizzi. Il-Kummissjoni madankollu nnotat li l-awtoritajiet Portugiżi ma ppreżentawx dejta biex jappoġġaw dawn id-dikjarazzjonijiet.

(194)

Minħabba n-nuqqas ta’ provi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk it-taxxa introdotta bid-Digriet Liġi 244/2003 mħallsa kinitx ekwivalenti għall-kostijiet tas-servizzi li minnhom ibbenefikaw il-prodotti sekondarji ġġenerati minn dawn il-prodotti importati, u li konsegwentement, il-prodotti importati setgħu jibbenefikaw mis-servizzi ffinanzjati permezz tal-miżura ta’ għajnuna bl-istess mod bħall-prodotti domestiċi.

(195)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita abbażi tad-Digriet Liġi 197/2002 u tal-iskema tranżizzjonali stabbilita bl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5(2) tad-Digriet Liġi 244/2003 mhix konformi mal-Artikolu 110 tat-TFUE minħabba l-eżistenza ta’ sistema li kienet potenzjalment diskriminatorja fil-każ ta’ prodotti importati minn Stati Membri oħra, li wkoll kellhom iħallsu t-taxxa.

VI.   KONKLUŻJONIJIET

(196)

B’dispjaċir il-Kummissjoni tistqarr li l-Portugall kien ta għajnuniet kontra l-liġi, favur il-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-iskart tal-biċċeriji, u kiser l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(197)

L-għajnuniet favur il-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar u l-qerda tal-iskart tal-biċċeriji kienu jirrispettaw id-dispożizzjoniet Komunitarji applikabbli fil-livell tal-benefiċjarji. Madankollu, il-finanzjament ta’ dawn l-għajnuniet minn sistema ta’ tassazzjoni stabbilita abbażi tad-Digriet Liġi 197/2002 u tal-iskema tranżizzjonali stabbilita bl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5(2) tad-Digriet Liġi 244/2003 mhux konformi mas-suq intern minħabba l-eżistenza ta’ sistema li kienet potenzjalment diskriminatorja fil-każ ta’ prodotti importati minn Stati Membri oħrajn, li wkoll kellhom iħallsu t-taxxa.

(198)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ huwa xieraq li tadotta deċiżjoni kundizzjonali billi tuża l-possibbiltà offerta mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn il-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni pożittiva kundizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista’ tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni u tista’ tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata.

(199)

Sabiex jitranġa l-ksur tal-Artikolu 110 tat-TFUE, u biex titneħħa wkoll b’mod retroattiv id-diskriminazzjoni potenzjali, il-Portugall għandu jipproċedi b’rimborż ta’ parti mit-taxxa fuq il-prodotti minn Stati Membri oħra fi żmien limitat u taħt kundizzjonijiet stipulati mill-Kummissjoni. Jekk dan il-ksur jitranġa l-għajnuna konċernata ssir kompatibbli mat-Trattat.

(200)

Il-Kummissjoni għandha tiffissal-kundizzjonijiet li jridu jiġu mħarsa għal dan ir-rimborż. Il-Portugall għandu għalhekk iħallas lura lil dawk il-persuni li ħallsu t-taxxa dik il-parti minnha li affettwat prodotti minn Stati Membri bejn id-data ta’ meta ġiet imposta l-ewwel darba fid-Digriet Liġi Nru 197/2002 u d-data ta’ meta ġiet imposta l-aħħar, qabel it-tmiem tal-iskema tranżizzjonali introdotta bid-Digriet Liġi Nru 244/2003. Għal dak il-għan, il-Portugall għandu jiżgura li dawn il-kundizzjonijiet jitħarsu:

jekk jistgħu jissottomettu evidenza li t-taxxa ġiet imposta fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħra, il-persuni li ħallsu t-taxxa jistgħu jitolbu lura l-proporzjoni tad-dħul mit-taxxa maħsub biex jiffinanzja l-parti tal-għajnuna li esklussivament tibbenefika l-prodotti domestiċi. Dawn it-talbiet għar-rimborż għandhom jiġu introdotti fi żmien stabbilit f’konformità mal-liġi nazzjonali u fl-ebda każ fi żmien anqas minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

il-Portugall għandu jistma d-diskriminazzjoni eventwali li affettwat il-prodotti importati. Għal dan il-għan, il-Portugall għandu jivverifika, matul perjodu ta’ referenza, l-ekwivalenza finanzjarja bejn l-ammont globali mħallas fuq prodotti domestiċi bħala t-taxxa konċernata u l-vantaġġi li dawn il-prodotti jibbenefikaw esklussivament minnhom;

ir-rimborż għandu jsir fi żmien massimu ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba;

l-ammonti rimborżati għandhom jinkludu l-imgħax ikkalkulat mid-data minn meta tħallsu sad-data tar-rimborż attwali. Dan l-imgħax għandu jiġi kkalkulat abbażi tar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni stipulata bil-metodu tal-fissazzjoni tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (54);

l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jaċċettaw kwalunkwe evidenza raġonevoli minn għand min ħallas it-taxxa fir-rigward tal-prodotti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra;

id-dritt għar-rimborż ma jistax ikun suġġett għal kwalunkwe kundizzjoni oħra, partikularment dik li t-taxxa ma tkunx ġiet trasferita;

fil-każ li t-taxxa tkun għada ma tħallsitx, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom formalment jirrinunzjaw il-ħlas tal-proporzjon tat-taxxa impost fuq prodotti importati minn Stati Membri oħra u maħsub biex jiffinanzja l-parti tal-għajnuna li tibbenefika esklussivament il-prodotti domestiċi. Għandhom jirrinunzjaw ukoll kwalunkwe imgħax fuq ħlas tard ta’ din il-parti;

il-Portugall għandu jieħu l-impenn li jippreżenta rapport komplet li jipprova t-twettiq tajjeb tal-metodu tar-rimborż, fil-każ li l-Kummissjoni titolbu;

jekk fi Stat Membru ieħor tiġi imposta taxxa b’għanijiet simili fuq l-istess prodotti li kienu ġew suġġetti għat-taxxa tal-Portugall, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jieħdu l-impenn biex iħallsu lura lil dawk il-persuni li kienu ħallsu t-taxxa għal dik il-parti li affettwat prodotti minn dak l-Istat Membru l-ieħor.

il-Portugall għandu jieħu l-impenn li jgħarraf b’din id-deċiżjoni lil dawk kollha li setgħu ħallsu t-taxxa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Portugall abbażi tad-Digriet Liġi Nru 393-B/98 tal-4 ta’ Diċembru 1998 hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Portugall abbażi tad-Digriet Liġi Nru 197/2002 tal-25 ta’ Settembru 2002 u tal-iskema tranżizzjonali stabbilita bl-Artikolu 3(2) tad-Digriet Liġi Nru 244/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 hija kompatibbli mas-suq intern, bil-kundizzjoni li l-Portugall iħallas lura lil dawk il-persuni li ħallsu t-taxxa dik il-parti minnha li affettwat prodotti minn Stati Membri oħra bejn id-data ta’ meta ġiet imposta l-ewwel darba fid-Digriet Liġi Nru 197/2002 u d-data ta’ meta ġiet imposta l-aħħar, qabel it-tmiem tal-iskema tranżizzjonali introdotta bid-Digriet Liġi Nru 244/2003.

2.   Għal dan il-għan, il-Portugall għandu jiżgura li dawn il-kundizzjonijiet jitħarsu:

jekk jistgħu jissottometti evidenza li t-taxxa ġiet imposta fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħra, il-persuni li ħallsu t-taxxa jistgħu jitolbu rimborż ta’ parti proporzjonali tad-dħul mit-taxxa maħsuba biex tiffinanzja l-parti tal-għajnuna li esklussivament tibbenefika l-prodotti domestiċi. Dawn it-talbiet għar-rimborż għandhom jiġu introdotti fi żmien stabbilit f’konformità mal-liġi nazzjonali u fl-ebda każ fi żmien anqas minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

Il-Portugall għandu jistma d-diskriminazzjoni eventwali li affettwat il-prodotti importati. Għal dan il-għan, il-Portugall għandu jivverifika, matul perjodu ta’ referenza, l-ekwivalenza finanzjarja bejn l-ammont globali mħallas fuq prodotti domestiċi bħala t-taxxa konċernata u l-vantaġġi li dawn il-prodotti jibbenefikaw esklussivament minnhom;

ir-rimborż għandu jsir fi żmien massimu ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta ssir it-talba;

l-ammonti rimborżati għandhom jinkludu l-imgħax ikkalkulat mid-data minn meta tħallset it-taxxa sad-data tar-rimborż attwali. Dan l-imgħax għandu jiġi kkalkulat abbażi tar-rata ta’ referenza tal-Kummissjoni stipulata bil-metodu tal-fissazzjoni tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (55);

l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jaċċettaw kwalunkwe evidenza raġonevoli mingħand min ħallas it-taxxa biex jippruvaw l-ammont li jkun tħallas fir-rigward tal-prodotti minn Stati Membri oħra;

id-dritt għar-rimborż ma jistax ikun suġġett għal kwalunkwe kundizzjoni oħra, partikularment dik li t-taxxa ma tkunx ġiet trasferita;

fil-każ li t-taxxa tkun għada ma tħallsitx, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom formalment jirrinunzjaw il-ħlas tal-proporzjon tat-taxxa impost fuq prodotti importati minn Stati Membri oħra u maħsub biex jiffinanzja l-parti tal-għajnuna li tibbenefika esklussivament il-prodotti domestiċi. Għandhom jirrinunzjaw ukoll kwalunkwe imgħax fuq ħlas tard ta’ din il-parti;

il-Portugall għandu jieħu l-impenn li jippreżenta rapport komplet li jipprova t-twettiq tajjeb tal-metodu ta’ rimborż, fil-każ li l-Kummissjoni titolbu;

jekk fi Stat Membru ieħor tiġi imposta taxxa b’għanijiet simili fuq l-istess prodotti li kienu ġew suġġetti għat-taxxa tal-Portugall, l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jieħdu l-impenn li jirrimborżaw lil dawk il-persuni li ħallsu t-taxxa għal dik il-parti li affettwat prodotti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

il-Portugall għandu jieħu l-impenn li jgħarraf b’din id-deċiżjoni lil dawk kollha li setgħu ħallsu t-taxxa.

Artikolu 3

Il-Portugall għandu jinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li jkun ħa biex ikun konformi magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  “Diário da República I A” - Nru 222 tal-25.9.2002, p. 6535.

(2)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni C(2006) 576, ikkomunikata lill-Portugall permezz tal-ittra SG(2006) D/200772 tal-21 ta’ Frar 2006.

(4)  ĠU C 109, 13.5.2009, p. 9.

(5)  ĠU L 311, 20.11.1998, p. 23.

(6)  “Diário da República I,”, Nru 280 tal-4 ta’ Diċembru 1998, p. 6708.

(7)  “Diário da República I,”, Nru 132 tat-8 ta’ Ġunju 1999, p. 3171.

(8)  ĠU L 328, 28.11.1997, p. 1.

(9)  “Diário da República II,”, Nru 20 tal-25 ta’ Jannar 1999, p. 935.

(10)  “Diário da República II,”, - Nru 82 tas-6 ta’ April 2001, p. 6270.

(11)  “Diário da República II,”, - Nru 42 tad-19 ta’ Frar 2001, p. 3158.

(12)  ĠU L 303, 7.12.2000, p. 32.

(13)  ĠU L 132, 15.5.2001, p. 17.

(14)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(15)  “Diário da República I,”, - Nru 232 tas-7 ta’ Ottubru 2003, p. 6603.

(16)  Sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, fil-preżenza ta’ Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht, p. I-7747.

(17)  ĠU L 344, 20.11.2004, p. 12.

(18)  Id-Digriet Konġunt Nru 96/99 tal-25 ta’ Jannar 1999, id-Digriet Konġunt Nru 324/2001 tas-6 ta’ April 2001 u d-Digriet Konġunt Nru 124/2002 tad-19 ta’ Frar 2002.

(19)  ĠU C 324, 24.12.2002, p. 2.

(20)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 1; EE 03 F9 p. 86.

(21)  ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2.

(22)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21.

(23)  ĠU L 258, 4.10.2007, p. 3.

(24)  ĠU L 148, 28.6.1968, p. 24. EE 03 F2 p. 157.

(25)  ĠU L 312, 20.11.1998, p. 1.

(26)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 77. EE 03 F9 p. 151.

(27)  ĠU L 119, 4.5.2006, p. 1.

(28)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(29)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(30)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark imsemmija qabel, il-punt 84.

(31)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003 fil-Kawża C-355/00, Freskot AE vs Elliniko Dimosio, p. I-5263, il-punt 83.

(32)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark imsemmija qabel, il-punt 88 u l-punti ta’ warajh.

(33)  ĠU L 363, 27.12.1990, p. 51.

(34)  ĠU L 294, 28.10.1997, p. 7.

(35)  ĠU L 204, 4.8.1999, p. 37.

(36)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2000 fil-Kawża C-209/98, FFAD, Recueil p. I-3743, il-punt 75; ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2003 fil-Kawża C-126/01, GEMO, Recueil p. I-13769, il-punt 21.

(37)  Ibid, il-punt 26.

(38)  Ibid, il-punt 31.

(39)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003 fil-Kawżi Konġunti C-261/01 u C-262/01, Van Calster e.a., Recueil p. I-12272, il-punt 51.

(40)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2005 fil-Kawża C-174/02, Streekgewest, Recueil p. I-85, il-punt 26.

(41)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-15 ta’ Lulju 2004 fil-Kawża C-345/02, Pearle e a., Recueil p. I 7164, il-punt 41; ara wkoll is-sentenza tat-tribunal tal-ewwel istanza tal-20 ta’ Settembru 2007 fil-Kawża T-136/05, EARL Salvat père et fils e a./il-Kummissjoni, Recueil p. II 4063, mill-punt 161 ’il quddiem.

(42)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1979 fil-Kawża C-730/79, Philip Morris Holland/il-Kummissjoni, Recueil p. 2671, il-punti 11 u 12.

(43)  Fl-UE (15), il-produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella fl-1999 laħqet 7 691 101 tunnellata u fl-2002 7 466 476 tunnellata, li minnhom il-Portugall ipproduċa 95 765 tunnellata fl-1999, u 105 019 tunnellata fl-2002. Il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal għall-UE (15) fl-1999 laħqet 17 983 476 tunnellata, fl-2002 17 729 855 tunnellata, li minnhom il-Portugall ipproduċa 344 209 tunnellata fl-1999, u 328 038 tunnellata fl-2002 (sors Eurostat).

(44)  Is-Sentenza tat-Tribunal tal-ewwel istanza tad-29 ta’ Settembru 2000 fil-Kawża T-55/99, CETM/il-Kummissjoni, Recueil p. II-3213, il-punt 86; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991 fil-Kawża C-303/88, L-Italja/il-Kummissjoni, Recueil, p. I-1433, il-punt 27.

(45)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Van Calster e a. ibid, il-punt 51.

(46)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa, ĠU C 17, 19.1.2001, p. 4.

(47)  ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4.

(48)  ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(49)  ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2.

(50)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22

(51)  Ara l-punt 194, il-punt c) tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-forestrija 2007-2013, GU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(52)  Id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21.12.1982 dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali lill-Komunità, ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.

(53)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1970 fil-Kawża 47/69, Franza/il-Kummissjoni, Recueil 1969-1970 p. 391, il-punt 20.

(54)  Avviż tal-Kummissjoni fuq il-metodu tat-twaqqif tar-referenza u r-rati ta’ skont [tar-rati ta’ referenza u ta’ skont] (ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3).

(55)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54.


Top