Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0512

    2011/512/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Awwissu 2011 li temenda l-Anness I mad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrati rispettivi tal-Baħrejn u l-Libanu fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (notifikata bid-dokument numru C(2011) 5863) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 214, 19.8.2011, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2018; Impliċitament imħassar minn

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/512/oj

    19.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 214/22


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta’ Awwissu 2011

    li temenda l-Anness I mad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrati rispettivi tal-Baħrejn u l-Libanu fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 5863)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/512/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja tal-Artikolu 19 u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ annimali, semen, ova u embrijuni. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (2)

    Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ equidae ħajjin fl-Unjoni. Tistipula li l-importazzjonijiet tal-equidae fl-Unjoni huma awtorizzati biss minn pajjiżi terzi li ilhom ħielsa mill-glanders għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta’ Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 93/195/KEE u 94/63/KE (3) tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom fejn japplika t-taqsim ta’ pajjiżi f’reġjuni, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni tal-equidae u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li japplikaw għal tali importazzjonijiet. Din il-lista hija stipulata fl-Anness I mad-Deċiżjoni u tinkludi żwiemel irreġistrati u s-semen tagħhom mil-Libanu.

    (4)

    Il-Kummissjoni Reġjonali għal-Lvant Nofsani tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) informat lill-Kummissjoni li Laboratorju ta’ Referenza tal-OIE kkonferma l-każijiet tal-glanders (Burkholderia mallei) fl-equidae fil-Libanu.

    (5)

    Għaldaqstant, l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati u tas-semen tagħhom mil-Libanu ma għandhiex tibqa’ tiġi awtorizzata. Huwa neċessarju li l-entrata għal-Libanu tiġi emendata skont dan fil-lista stipulata fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

    (6)

    F’April 2010, il-Kummissjoni rċeviet rapport dwar xi każijiet ikkonfermati tal-glanders fil-partijiet tat-Tramuntana tal-Baħrejn. Sabiex tissospendi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati, is-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/333/UE tal-14 ta’ Ġunju 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet tal-Baħrejn u l-Brażil fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina (4).

    (7)

    Missjoni ta’ spezzjoni veterinarja li twettqet f’Baħrejn f’Ġunju 2011 sabet evidenza biżżejjed li l-Baħrejn implimentat miżuri biex tikkontrolla l-marda fit-Tramuntana u li s-sorveljanza li twettqet fit-territorju tal-Baħrejn ikkonfermat in-nuqqas kontinwu ta’ din il-marda fil-parti tan-Nofsinhar tal-Baħrejn. Barra minn hekk, il-Baħrejn implimentat kontrolli fuq il-movimenti, li jinkludu projbizzjoni infurzata b’mod strett fuq il-movimenti tal-equidae mill-parti tat-Tramuntana tat-territorju tal-Baħrejn għall-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ewlenija tal-Baħrejn. Konsegwentament, huwa possibbli li l-Baħrejn tinqasam f’reġjuni sabiex jiġi awtorizzat id-dħul temporanju u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati mill-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ewlenija tal-Baħrejn.

    (8)

    Huwa neċessarju, skont dan, li l-entrata għall-Baħrejn tiġi emendata u li jiġu pprovduti dettalji tad-delimitazzjoni tal-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ewlenija tal-Baħrejn fil-lista stipulata fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness I mad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat kif ġej:

    1.

    l-entrata għal-Libanu hija sostitwita b’dan li ġej:

    “LB

    Il-Libanu

    LB-0

    Il-pajjiż kollu

    E

    —”

     

    2.

    l-entrata għall-Baħrejn hija sostitwita b’dan li ġej:

    “BH

    Il-Baħrejn

    BH-0

    Il-pajjiż kollu

    E

     

    BH-1

    Il-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ewlenija tal-Baħrejn

    (ara l-Kaxxa 4 għad-dettalji)

    E

    X

    X

    —”

     

    3.

    Qiegħda tiġi miżjuda l-Kaxxa 4 b’konformità mal-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

    (2)  ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

    (3)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 150, 16.6.2010, p. 53.


    ANNESS

    Il-Kaxxa 4 li ġejja għandha tiġi miżjuda mal-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE:

    “Kaxxa 4:

    BH

    Il-Baħrejn

    BH-1

    Id-delimitazzjoni tal-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ewlenija tal-Baħrejn

    Il-fruntiera tat-Tramuntana

    :

    Mill-kosta tal-Punent hekk kif tispiċċa l-Awtostrada Zallaq fil-punt tad-dħul tal-Lukanda Sofitel fid-direzzjoni lejn il-Lvant mal-Awtostrada Zallaq safejn tiltaqa’ mal-Awtostrada SHK Khalifa,

    tipproċedi mal-Awtostrada SHK Khalifa fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana sal-fruntiera ta’ Al Rawdha, demarkata permezz tal-ħajt tal-Palazz tar-Re,

    tipproċedi mal-fruntieri taż-żona ta’ Al Rawdha fid-direzzjoni lejn il-Lvant sar-roundabout f’Al Safra fl-Awtostrada SHK Salman u lil hinn fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar sar-roundabout fil-punt tad-dħul għall-villaġġ Awali,

    tipproċedi mal-Awtostrada Muaskar fid-direzzjoni lejn il-Lvant sar-roundabout fl-Awtostrada Al Esteglal/l-Awtosrada Hawar u lil hinn fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar fl-Awtostrada Hawar sakemm din tispiċċa fil-kosta tal-Lvant fil-punt tad-dħul għall-villaġġ ta’ Askar.

    Il-fruntiera tal-Punent

    :

    il-linja tal-kosta

    Il-fruntiera tal-Lvant

    :

    il-linja tal-kosta

    Il-fruntiera tan-Nofsinhar

    :

    il-linja tal-kosta”


    Top