Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0363

2011/363/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Ġunju 2011 li tawtorizza lir-Rumanija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 163, 23.6.2011, pp. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/363/oj

23.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/26


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2011

li tawtorizza lir-Rumanija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2011/363/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittri li ġew irreġistrati għand il-Kummissjoni fl-4 ta’ Novembru 2009, fit-2 ta’ Lulju 2010, fis-26 ta’ Lulju 2010 u fl-20 ta’ Diċembru 2010, ir-Rumanija talbet l-awtorizzazzjoni, għal periodu ta’ sentejn, biex tkun tista’ tiddikjara bħala soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li lilhom isiru fornimenti ta’ ċerti ċereali u ta’ żerriegħa taż-żejt, b’deroga mill-Artikollu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE. Hija stqarret li mhux ser titlob tiġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Il-Kummissjoni ttrażmettiet it-talba li ġiet ippreżentata mir-Rumanija lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2011. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha li tqis utli biex tkun tista’ tevalwa t-talbiet.

(3)

Ir-Rumanija skopriet każijiet ta’ frodi fiskali fil-kummerċ ta’ ċerti prodotti agrikoli mhux ipproċessati, ċereali u żerriegħa taż-żejt. Xi operaturi ma jħallsux il-VAT lit-Teżor wara li jkunu wasslu l-prodotti tagħhom, speċjalment jekk ikunu akkwistawhom mingħajr il-ħlas ta’ taxxa fuq ix-xiri. Il-klijenti tagħhom, sakemm ikollhom f’idejhom riċevuta valida, jibqagħlhom id-dritt madanakollu li titnaqqsilhom il-VAT.

(4)

Li jiġi ddikjarat li l-persuna taxxabbli li lilha jsir il-forniment tal-oġġetti hija dik responsabbli għall-VAT minflok il-fornitur tkun miżura temporanja ta’ emerġenza li twassal għat-tmien ta’ din il-forma ta’ evażjoni. L-applikazzjoni ta’ dik il-miżura speċjali għal sentejn għandha tagħti żmien biżżejjed lir-Rumanija biex tintroduċi fis-settur agrikolu miżuri definittivi li jkunu kompatibbli mad-Direttiva 2006/112/KE li jipprevenu u jiġġieldu din il-forma ta’ evażjoni.

(5)

Sabiex l-attività frawdulenti ma tiġix trasferita għall-istadju ta’ pproċessar ta’ oġġetti tal-ikel jew dawk industrijali, jew għal prodotti oħra, ir-Rumanija għandha tintroduċi fl-istess ħin miżuri xierqa ta’ dikjarazzjoni u ta’ kontroll u tinnotifika lill-Kummissjoni bihom.

(6)

Sabiex tiżgura li l-miżura speċjali tapplika biss għal prodotti agrikoli mhux ipproċessati u li l-persuni taxxabbli kkonċernati ma jeħlux spejjez amministrattivi sproporzjonati jew li ma jħabbtux wiċċhom ma’ xi riskju fejn tidħol iċ-ċertezza legali, l-oġġetti koperti mill-miżura speċjali għandhom jiġu ddeterminati billi tintuża n-nomenklatura magħquda stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (2).

(7)

Il-miżura speċjali hija ġustifikata u proporzjonali għall-għanijiet mixtieqa. Hija stabbilita għal perijodu partikolari u tikkonċerna biss ċerti prodotti identifikati b’mod preċiż li normalment ma jaslux għand il-konsumaturi finali fl-istat mhux maħdum tagħhom u li kienu s-suġġett ta’ attivitajiet ta’ evażjoni fiskali li kkawżaw telf sostanzjali ta’ introjtu mill-VAT. Fid-dawl tal-portata ta’ dan l-introjtu fiskali mitluf, il-miżura għandha tiġi adottata kemm jista’ jkun malajr.

(8)

Il-miżura speċjali ma taffettwax l-ammont globali ta’ introjtu mill-VAT tar-Rumanija miġbur fl-istadju tal-konsum finali u ma jkollha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jkunu ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija b’dan awtorizzata li tiddikjara bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT il-peruna taxxabbli li lilha jsiru fornimenti tal-oġġetti li ġejjin, kif elenkati fin-nomenklatura magħquda stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 2658/87:

Kodiċi NM

Prodott

1001 10 00

Qamħ durum

1001 90 10

Spelt għaż-żrigħ

ex 1001 90 91

Qamħ għaż-żrigħ

ex 1001 90 99

Spelt u qamħ ieħor, mhux għaż-żrigħ

1002 00 00

Segala

1003 00

Xgħir

1005

Qamħirrun

1201 00

Sojja, imkissra jew le

1205

Lift jew żerriegħa tal-kolza, imkissra jew le

1206 00

Żerriegħa tal-ġirasol, imkissra jew le

1212 91

Pitravi

Artikolu 2

L-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1 hija soġġetta għall-kondizzjoni li r-Rumanija ddaħħal obbligi ta’ dikjarazzjoni u miżuri ta’ kontroll xierqa u effettivi fir-rigward tal-persuni taxxabbli li jfornu l-prodotti li għalihom tapplika dik l-awtorizzazzjoni.

Ir-Rumanija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bl-introduzzjoni tal-obbligi u l-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2011 sal-31 ta’ Mejju 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MATOLCSY Gy.


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.


Top