EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0339

2011/339/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, 1999

ĠU L 156, 15.6.2011, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/339/oj

15.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Mejju 2011

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, 1999

(2011/339/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 214(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Komunità Ewropea kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, 1999 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE (1). Il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari ġiet estiża permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari attwali tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2011 u l-kwistjoni tat-tiġdid ser tkun indirizzata fis-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011.

(3)

Skont l-Artikolu XXV(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, l-estensjoni tagħha hija kkondizzjonali għall-fatt li tibqa’ fis-seħħ, għat-tul tal-istess perijodu ta’ estensjoni, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taż-Żrieragħ, 1995. Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taż-Żrieragħ tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2011 u l-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/224/UE (2), ħadet il-pożizzjoni, fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali dwar iż-Żrieragħ, favur l-estensjoni tagħha. L-estensjoni tagħha għandha tiġi deċiża mill-Kunsill Internazzjonali dwar iż-Żrieragħ fis-6 ta’ Ġunju 2011.

(4)

Fis-sessjoni tiegħu numru 103, fl-14 ta’ Diċembru 2010, il-membri tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari qablu li l-kwistjoni dwar l-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari ser tiġi kkunsidrata aktar qrib id-data tal-iskadenza tagħha. L-Unjoni ħadet il-pożizzjoni li ser taħdem sabiex tieħu deċiżjoni f’Ġunju 2011 dwar il-futur tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari u li n-negozjati formali għandhom jibdew direttament mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni formali li ser tkun ikkomunikata f’Ġunju 2011.

(5)

Il-membri tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari qablu wkoll li jibdew il-proċess formali ta’ negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, b’sensiela ta’ sessjonijiet ta’ negozjar.

(6)

L-għan tal-Unjoni hu li l-membri tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari jiffinalizzaw in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari u li jintlaħaq qbil dwar test ġdid għall-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari qabel is-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011.

(7)

L-Unjoni għandha tipprepara pożizzjoni komuni għas-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Londra f’Ġunju 2011 għal żewġ xenarji alternattivi possibbli kif ġej:

(a)

in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari mill-membri tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari jilħaq stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011, u dak il-każ estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari għal sena oħra tkun l-aktar mezz xieraq biex jiġi evitat vojt bejn il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari eżistenti u d-dħul fis-seħħ ta’ Konvenzjoni ġdida; jew

(b)

in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari ma jkunx laħaq stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011, u f’dak il-każ estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari għal sena oħra ma tkunx xierqa, u l-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għandha topponi formalment li jitfaċċa kunsens fil-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari, skont ir-Regola 13 tar-Regoli ta’ Proċedura skont il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari 1999, favur estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari.

(8)

Il-kwistjoni dwar jekk in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari jkunx wasal fi stadju finali jew le għandha tiġi vvalutata qabel is-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Għajnuna Alimentari (COHAFA), li, għan-negozjati dwar il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, iservi bħala l-Kumitat msemmi fl-Artikolu 218(4) tat-Trattat.

(9)

Il-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari, għandha għalhekk jew tiffavorixxi estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari għal sena waħda, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2012, jew topponi kunsens fil-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari li jkun jiffavorixxi tali estensjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari għandha tkun dik li jew

(a)

tivvota favur estensjoni ulterjuri tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari għal perijodu ta’ sena, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2012, bil-kondizzjoni li n-negozjar mill-ġdid ta’ dik il-Konvenzjoni jkun fi stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011, u bil-kondizzjoni li l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taż-Żrieragħ, 1995 tibqa’ fis-seħħ matul l-istess perijodu ta’ estensjoni; jew

(b)

topponi, jew in-negozjar mill-ġdid tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari ma jkunx laħaq stadju finali qabel is-sessjoni tal-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari f’Ġunju 2011, li jitfaċċa kunsens fil-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari, skont ir-Regola nru 13 tar-Regoli tal-Proċedura skont il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari 1999, favur estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata li tesprimi din il-pożizzjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Għajnuna Alimentari.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

NYITRAI Zs.


(1)  ĠU L 163, 4.7.2000, p. 37.

(2)  ĠU L 94, 8.4.2011, p. 28.


Top