Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0335

    2011/335/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Mejju 2011 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 150, 9.6.2011, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/335/oj

    9.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/6


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Mejju 2011

    li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2011/335/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) (“id-Direttiva dwar il-VAT”), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Novembru 2010, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 45 000 (“il-miżura”). Il-miżura teħles lil dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligazzjonijiet, jew mill-obbligazzjonijiet kollha, relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva dwar il-VAT.

    (2)

    B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra datata l-21 ta’ Jannar 2011 bit-talba li saret mil-Litwanja. Permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

    (3)

    Diġà hemm skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar bħala għażla disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT. Il-miżura tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva dwar il-VAT sa fejn biss il-limitu għall-iskema speċjali tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli jkun ogħla minn dak preżentement permess għal-Litwanja taħt l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva dwar il-VAT, li huwa EUR 29 000.

    (4)

    Limitu ogħla għall-iskema speċjali hu miżura ta’ simplifikazzjoni peress li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-iżgħar negozji, filwaqt li dik l-iskema speċjali mhijiex obbligatorja għall-persuni taxxabbli u tippermetti lin-negozji li jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

    (5)

    Fil-proposta tagħha għal-Direttiva biex tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta’ Ottubru 2004 (2), il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali għall-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta’ EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mil-Litwanja hi konformi ma’ din il-proposta.

    (6)

    Id-deroga mhijiex se tolqot ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT u mhijiex se taffetwa, ħlief f’miżura insinifikanti, l-ammont globali tad-dħul tal-VAT tal-Litwanja miġbur fl-istadju tal-konsum finali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika tal-Litwanja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 45 000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Hi għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2014, skont liema data sseħħ l-ewwel.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    CSÉFALVAY Z.


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU C 24, 29.1.2005, p. 8.


    Top