This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0315
2011/315/EU: Council Decision of 23 May 2011 concerning the allocation of funds decommitted from projects under the ninth and previous European Development Funds for development cooperation in Southern Sudan
2011/315/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Mejju 2011 dwar l-allokazzjoni ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt id-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp u dawk preċedenti għall-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-Sudan tan-Nofsinhar
2011/315/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Mejju 2011 dwar l-allokazzjoni ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt id-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp u dawk preċedenti għall-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-Sudan tan-Nofsinhar
ĠU L 142, 28.5.2011, p. 61–62
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
28.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 142/61 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Mejju 2011
dwar l-allokazzjoni ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt id-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp u dawk preċedenti għall-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-Sudan tan-Nofsinhar
(2011/315/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħa’ fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament tal-Għajnuna Komunitarja permezz tal-Kwadru Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu 2008-2013 skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 1(4) u 6 tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-Sudan tan-Nofsinhar huwa mistenni li jiddikjara formalment l-indipendenza tiegħu mit-Tramuntana fid-9 ta’ Lulju 2011, b’riżultat tar-referendum ta’ awtodeterminazzjoni li sar f’applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi Komprensiv tal-2005. |
(2) |
Fil-fażi ta’ wara l-indipendenza, l-Istat tas-Sudan t’Isfel il-ġdid (“is-Sudan t’Isfel”) ser ikollu jiffaċċja bosta sfidi umanitarji u soċjoekononomiċi f’kuntest ta’ kapaċità mnaqqsa ta’ governanza u ta’ fraġilità politika. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-għajnuna esterna hija mistennija li ssir saħansitra aktar importanti sabiex tgħin lis-Sudan ta’ Isfel jiġġieled il-faqar estrem, jagħti aktar setgħa lill-komunitajiet lokali u jipprovdi benefiċċji bikrin tal-paċi lill-popolazzjoni. |
(3) |
Is-Sudan t’Isfel huwa mistenni li jitlob l-adeżjoni, ftit wara l-indipendenza tiegħu, għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2), kif emendat l-aħħar f’Ouagadougou fit-23 ta’ Ġunju 2010 (3). Madankollu, ser ikun meħtieġ xi żmien sakemm il-finanzjament tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“FEŻ”) isir disponibbli b’mod effettiv wara l-adeżjoni, li jġib miegħu r-riskju ta’ interruzzjoni tal-finanzjament matul dak il-perijodu. |
(4) |
Fid-Deċiżjoni tiegħu 2010/406/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 dwar l-allokazzjoni tal-fondi dekommissjonati minn proġetti taħt id-Disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u dawk preċedenti sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni l-iktar vulnerabbli fis-Sudan (4), il-Kunsill iddeċieda dwar l-ewwel allokazzjoni ta’ EUR 150 miljun sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet l-iktar vulnerabbli fis-Sudan. Minn dak l-ammont, EUR 85 miljun diġà ġie allokat għas-Sudan tan-Nofsinhar. Madankollu, tali ammont mhux meqjus bħala suffiċjenti sabiex ilaħħaq mal-ħtiġijiet enormi tal-bini tal-istat u tal-kapaċità, kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp għall-maġġoranza tal-popolazzjoni. |
(5) |
Sabiex jimtela n-nuqqas li jibqa’ fil-finanzjament, huwa xieraq li jiġu allokati għall-benefiċċju tal-popolazzjoni u l-istituzzjonijiet pubbliċi fis-Sudan tan-Nofsinhar aktar fondi diżimpenjati mid-disa’ FEŻ u dawk preċedenti. |
(6) |
Dawk il-fondi diżimpenjati għandhom jintużaw sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan tal-Iżvilupp Triennali tas-Sudan tan-Nofsinhar (2011-2013), fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Għandu jsir provvediment ukoll biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-miżuri ta’ appoġġ. |
(7) |
Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni, dawn il-fondi għandhom jiġu ġestiti skont l-arranġamenti tal-implimentazzjoni applikabbli għall-għaxar FEŻ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Ammont ta’ EUR 200 miljun ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt id-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (“FEŻ”) u dawk preċedenti għandu jiġi allokat għall-koperazzjoni għall-iżvilupp fis-Sudan tan-Nofsinhar u 3 % ta’ dak l-ammont għandu jiġi allokat għan-nefqa ta’ appoġġ mill-Kummissjoni.
2. Il-fondi stipulati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ġestiti skont l-arranġamenti tal-implimentazzjoni applikabbli għall-għaxar FEŻ.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 76M, 16.3.2007, p. 300).
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(3) ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.
(4) ĠU L 189, 22.7.2010, p. 14.