EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0225

2011/225/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ April 2011 dwar il-projbizzjoni temporanja tat-tqegħid fis-suq fil-Ġermanja tad-deterġent POR-ÇÖZ (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2290)

ĠU L 94, 8.4.2011, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/225/oj

8.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ April 2011

dwar il-projbizzjoni temporanja tat-tqegħid fis-suq fil-Ġermanja tad-deterġent POR-ÇÖZ

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 2290)

(2011/225/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar id-deterġenti (1), b’mod partikolari l-Artikolu 15 u 12(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, l-Aġenzija tal-Ambjent Federali Ġermaniża nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-projbizzjoni temporanja tagħha għat-tqegħid fis-suq Ġermaniż tal-prodott tat-tindif POR-ÇÖZ b’kontenut ta’ aċidu nitriku ta’ 20 % jew iżjed, imsejsa fuq riskji ta’ korrożjoni u dħaħen perikulużi li jiġu mill-ingredjent tal-aċidu nitriku (3).

(2)

L-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw b’mod addizzjonali l-projbizzjoni temporanja ta’ POR-ÇÖZ lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX (4) skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sikurezza tal-prodotti ġenerali (5). Bħala riskju addizzjonali ssemma li l-kontenituri tal-POR-ÇÖZ ma għandhomx tappijiet ta’ sikurezza biżżejjed għat-tfal.

(3)

Il-POR-ÇÖZ huwa mmanifatturat fit-Turkija mill-kumpanija rreġistrata Levent Kimja u jiġi impurtat fil-Ġermanja mill-kumpanija Karakus Handels GmbH li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’Iserlohn D-58638.

(4)

Il-POR-ÇÖZ fih bejn 20 u 30 % aċidu nitriku f’soluzzjoni akkwuża. L-aċidu nitriku huwa kklassifikat bħala korrożiv għall-ġilda, kategorija 1, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet.

(5)

Il-POR-ÇÖZ jitqiegħed fis-suq għall-pubbliku ġenerali bħala prodott li jneħħi l-ġebla u s-sadid. Huwa taħlita maħsuba għal għanijiet ta’ tindif u għalhekk huwa deterġent skont l-Artikolu 2 tar-Regolament.

(6)

Abbażi tal-preżentazzjoni tal-fatti fin-notifika RAPEX Ġermaniża, il-prodott POR-ÇÖZ ma għandux għeluq xieraq għas-sikurezza tat-tfal. Għaldaqstant il-prodott mhux konformi mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 flimkien mal-Artikolu 9, paragrafu 1.3 u l-Anness IV, Parti A tad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ preparazzjonijiet perikulużi u ma jaqax taħt l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 li huwa applikabbli biss għal prodotti li huma “konformi mar-rekwiżit ta’ dan ir-Regolament”.

(7)

Saret kjarifika tal-fatti bil-fomm mill-Ġermanja fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Deterġenti fl-14 ta’ Diċembru 2010. Il-Ġermanja spjegat li kien hemm żewġ prodotti fis-suq Ġermaniż taħt l-isem kummerċjali ta’ POR-ÇÖZ. Il-prodott li saret referenza għalih fin-notifika lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ottubru 2010, li kien importat minn Karakus Handels GmbH, kien ittikkettat sewwa u jingħalaq kif xieraq għas-sikurezza tat-tfal. It-tieni prodott POR-ÇÖZ mill-istess manifattur kien importat illegalment b’mezzi mhux magħrufa. Kellu tikketta bl-ilsien Tork u ma kellux għeluq tajjeb biżżejjed għas-sikurezza tat-tfal.

(8)

B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Ġermanja kkonfermat li l-prodott li l-Ġermanja kienet għamlet referenza għalih fin-notifika tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2010 (prodott immanifatturat minn Levent Kimya u importat fil-Ġermanja mill-kumpanija Karakus Handels GmbH) kien konformi mar-Regolament dwar id-Deterġenti, b’mod partikolari mar-rekwiżiti ta’ ttikkettjar u mballaġġ billi kellu tikketta bl-ilsien Ġermaniż u kellu għeluq għas-sikurezza tat-tfal. In-Notifika RAPEX Nru 1760/10 ġiet modifikata b’notifika riveduta li ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Diċembru 2010, li fiha ntqal li r-raġunijiet tal-projbizzjoni ma kinux nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali iżda r-riskji kbar tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem.

(9)

Abbażi ta’ dawn il-fatti, l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 huwa applikabbli, billi l-prodott POR-ÇÖZ imsemmi fin-notifika Ġermaniża huwa deterġent konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Il-Ġermanja pprovdiet raġunijiet razzjonali biex wieħed jemmen li l-prodott POR-ÇÖZ jikkostitwixxi riskju għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-bnedmin. Il-Ġermanja rrappurtat li każ ta’ korriment ta’ tifel fil-Ġermanja huwa attribwit għall-użu tal-POR-ÇÖZ. Barra minn hekk, bejn l-1999 u l-2010, iċ-ċentri Ġermaniżi kontra l-velenu rreġistraw 134 każ ta’ korriment serju għas-saħħa marbuta mal-użu fid-djar ta’ prodotti li jneħħu l-ġebla u s-sadid li fihom l-aċidu nitriku. Fil-Belġju (l-uniku Stat Membru ieħor li fis-suq tiegħu nstabet verżjoni tal-POR-ÇÖZ bit-tikketta bit-Tork) iċ-ċentri kontra l-velenu rreġistraw tliet każi ta’ problemi serji ta’ respirazzjoni li rriżultaw mill-użu professjonali tal-prodotti li jneħħu l-ġebla li fihom 30 % ta’ aċidu nitriku. Abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa mill-użu ta’ prodotti tat-tindif b’kontenut ta’ aċidu nitriku ta’ bejn 20 u 30 %, fit-28 ta’ Settembru 2010, l-Istitut Federali Ġermaniż għall-Valutazzjoni tar-Riskju rrakkomanda li l-prodotti tat-tindif li fihom aktar minn 20 % ta’ aċidu nitriku ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq għall-forniment tal-pubbliku ġenerali (8).

(11)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri kemm permezz ta’ kwestjonarji li ntbagħtu fil-15 ta’ Novembru 2010 kif ukoll f’laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Deterġenti fl-14 ta’ Diċembru 2010. Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tagħhom kif espressa fl-opinjoni tal-Kumitat tal-14 ta' Marzu 2011.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ żżomm il-projbizzjoni temporanja tagħha dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodott tat-tindif POR-ÇÖZ b’kontenut ta’ aċidu nitriku ta’ 20 % jew aktar għal sena mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi-President


(1)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)  Deċiżjoni tal-Awtorità Ġermaniża tal-Ambjent (Unweltbundesamt) tal-25 ta’ Ottubru 2010 (Allgemeinverfügung zum vorläufigen Verbot des Inverkehrbringens des Reinigungsmittels Por Cöz nach § 14(2) des Wasch- und Reinigungsmittelgesetztes und §8(4) des Geräte- und Produktsicherheitsgesetztes, Bundesanzeiger Ausgabe Nr. 164 vom 28. Oktober 2010).

(4)  Nru tan-Notifikazzjoni RAPEX 1760/10.

(5)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(6)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(8)  Opinjoni BfR Nru 041/2010, 6.9.2010.


Top