EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0141

2011/141/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 1 ta’ Marzu 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/76/KE li timplementa r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-assistenza reċiproka (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1165) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 59, 4.3.2011, p. 63–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/141(1)/oj

4.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/63


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Marzu 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2007/76/KE li timplementa r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-assistenza reċiproka

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1165)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/141/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 6(4), 7(3), 8(7), 9(4), 10(3), 12(6), u 13(5), u 15(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/76/KE li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-protezzjoni tal-liġijiet għall-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tal-assistenza reċiproka (2).

(2)

Id-Deċiżjoni 2007/76/KE ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/282/KE (3) biex jiġu stabbiliti l-prinċipji li jiggvernaw in-notifika tal-miżuri ta’ infurzar, l-informazzjoni tiġi fornuta fin-notifiki wara n-notifika ta’ avviż u l-koordinazzjoni tas-sorveljanza tas-suq u tal-attivitajiet ta’ infurzar.

(3)

Ir-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni 2007/76/KE fir-rigward tat-tħassir ta’ xi informazzjoni fil-bażi tad-dejta stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u fir-rigward ta’ notifiki regolari, iridu jiġu riveduti fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba bl-operazzjoni tan-netwerk tal-kooperazzjoni tal-infurzar.

(4)

Huwa xieraq ukoll li jiġu ċċarati r-regolamenti li jiggvernaw l-obbligi tal-awtorità kompetenti li tikkoordina, il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ikkoordinati ta’ infurzar, u l-informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta fil-qafas ta’ dan it-tip ta’ attivitajiet.

(5)

Huwa neċessarju li tiġi allinjata d-Deċiżjoni 2007/76/KE mal-opinjoni 6/2007 (4) tal-Partit tax-Xogħol dwar il-Ħarsien tal-Individwi fir-rigward tal-Iproċessar tad-Dejta Personali stabbilita mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Ħarsien tad-Dejta (6).

(6)

Id-Deċiżjoni 2007/76/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2007/76/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 192.

(3)  ĠU L 89, 1.4.2008, p. 26.

(4)  Opinjoni 6/2007 dwar il-kwistjonijiet tal-ħarsien tad-dejta relatati mas-Sistema ta’ Protezzjoni tal-Konsumatur (CPCS) 01910/2007/EN, WP 139, adottata fil-21 ta’ Settembru 2007.

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(6)  Opinjoni tal-EDPS Ref. 2010-0692.


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni 2007/76/KE hu emendat kif ġej:

1.

Il-Punt 2.1.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

”2.1.3.

Jekk ebda ftehim ma jista’ jintlaħaq, l-awtorità rikjesta għandha toħroġ tweġiba fejn tagħti kull informazzjoni rilevanti li jkollha u tindika l-azzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar li ttieħdu jew li huma ppjanati (inklużi skadenzi taż-żmien) sa mhux iktar tard minn erbatax-il ġurnata wara d-data tal-wasla ta’ rikjesta permezz tal-uffiċċju uniku ta’ kollegament tagħha. L-awtorità rikjesta għandha taġġorna lill-awtorità applikanti dwar dawn l-azzjonijiet fuq bażi regolari kif hu xieraq, iżda tal-anqas kull tliet xhur sakemm:

(a)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tistabbilixxi jekk tkunx saret infrazzjoni intra-Komunitarja, jew biex tistabbilixxi jekk ikunx hemm suspett raġonevoli li dan jista’ jsir, tkun intbagħtet lill-awtorità applikanti jew

(b)

jekk tkun waqfet l-infrazzjoni intra-Komunitarja jew ir-rikjesta tkun irriżultat infondata.”

2.

Fil-punt 2.1.5 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Awtorità kompetenti għandha, eżatt kif tiskopri li rikjesta għal assistenza reċiproka skont l-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 fiha dejta żbaljata li ma tkunx tista’ titranġa permezz ta’ metodi oħra, titlob lill-Kummissjoni biex tneħħi l-informazzjoni mill-bażi tad-dejta eżatt kif dan ikun teknikament possibbli u, f’kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li tkun irċeviet ir-rikjesta għat-tħassir.

L-informazzjoi kollha oħra relatata mar-rikjesti għall-assistenza reċiproka skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 għandha titneħħa mil-bażi tad-dejta ħames snin wara l-għeluq tal-każ.”

3.

Fil-punt 2.2.2 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Twissijiet fondati għandhom jitneħħew mil-bażi tad-dejta ħames snin wara li jinħarġu.”

4.

Fil-Kapitolu 4, it-tabella hi sostitwita minn dan li ġej:

“4.   KAPITOLU 4 – AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI SKAMBJATA U L-ĦARSIEN TAD-DEJTA”.

5.

Jiddaħħlu l-punti 4.3 u 4.4 li ġejjin:

“4.3.   L-aċċess tal-Kummissjoni għad-dejta

L-aċċess tal-Kummissjoni għad-dejta għandu jkun limitat għal dak li hu rekwiżit skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004. Dan jinkludi l-aċċess għall-avviżi skont l-Artikolu 7(1), għan-notifikazzjonijiet skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(6), u għall-informazzjoni relatata mal-koordinazzjoni tas-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet tar-rinfurzar skont l-Artikolu 9 u skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004.

4.4.   Dejta sensittiva

L-ipproċessar minn awtoritajiet kompetenti ta’ dejta personali marbuta ma’ razza, etniċità, opinjonijiet politiċi, reliġjon, sħubija fi trade-union, saħħa jew mal-ħajja sesswali għandu jkun ipprojbit, sakemm it-twettiq tal-obbligi skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ma jkunx possibbli mod ieħor u l-ipproċessar ta’ dan it-tip ta’ dejta huwa permess skont id-Direttiva 95/46/KE.

L-użu minn awtoritajiet kompetenti ta’ dejta personali marbuta ma’ offiżi, offiżi suspetti u miżuri ta’ sigurtà għandhom ikunu limitati għal skopijiet speċifiċi ta’ assistenza reċiproka kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004.”

6.

Il-Kapitolu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-KAPITOLU 6 – IL-KOORDINAZZJONI TA’ ATTIVITAJIET TAS-SORVELJANZA TAS-SUQ U TAL-INFURZAR

6.1.   Meta jiġi applikat l-Artikolu 9(2) tar-regolament (KE) Nru 2006/2004, l-awtoritajiet li qablu biex jikkordinaw l-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom jistgħu jiddeċiedu dwar il-passi neċessarji kollha biex tkun żgurata l-koordinazzjoni adegwata u għandhom iwettquhom mill-aħjar li jistgħu.

6.2.   Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taċċetta stedina biex tipparteċipa f’attivitajiet ikkoordinati ta’ infurzar, wara konsultazzjoni mal-awtorità li tistieden jekk:

(a)

ikunu diġà nbdew proċeduri ġudizzjarji jew is-sentenza finali tkun diġà ngħatat fir-rigward tal-istess ksur intra-Komunitarju u kontra l-istess bejjiegħa jew fornituri quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-awtorità mitluba jew dik applikanti;

(b)

fl-opinjoni tagħha, wara investigazzjoni xierqa, ma tkunx ikkonċernata mill-ksur intra-Komunitarju;

Jekk awtorità kompetenti tiddeċiedi li tirrifjuta stedina biex tipparteċipa f’attivitajiet ikoordinati ta’ infurzar għandha tiddikjara r-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha.

Dan il-punt għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004.

6.3.   Sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li waħda minnhom tikkoordina l-azzjoni ta’ infurzar. L-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ, normalment għandhom jaħtru bħala awtorità ta’ koordinazzjoni l-awtorità ta’ fejn il-kummerċjant ikollu l-kwartieri tiegħu jew iċ-ċentru prinċipali tal-attivitajiet tiegħu, jew fejn jinsab l-akbar numru ta’ konsumaturi affettwati.

6.4.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-attivitajiet skont l-Artikoli 9(1) u 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jekk tkun mistiedna.

6.5.   L-awtorità kompetenti nnominata bħala l-awtorità li tikkoordina skont 6.3. għandha tal-anqas tkun responsabbli għal dan li ġej:

(a)

tamministra l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-attivitajiet ikoordinati permezz ta’ metodi xierqa,

(b)

tabbozza rapport qasir ta’ sommarju fl-aħħar tal-attività kkoordinata meta jkun xieraq,

(ċ)

tagħlaq l-attività kkoordinata ta’ infurzar fil-bażi tad-dejta eżatt kif ikun teknikament possibbli u f’kwalunkwe każ f’temp ta’ sebat ijiem wara l-aħħar talba għal assistenza reċiproka maħruġa bejn żewġ awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw f’attivitajiet ikkoordinati ta’ infurzar tkun magħluqa mill-awtorità applikanti kkonċernata.

l-obbligi tal-awtorità li tikkoordina ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni li huma responsabbli għalihom l-awtoritajiet kompetenti l-oħra li jipparteċipaw skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u r-regolamenti implimentati tiegħu.

6.6.   Barra mir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-assistenza reċiproka skont l-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tistieden awtoritajiet oħrajn biex jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ infurzar, għandha tipprovdi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji tal-awtorità kompetenti li tistieden biex tikkoordina l-attivitajiet ta’ infurzar,

(b)

l-isem tal-bejjiegħ jew tal-fornitur,

(ċ)

l-isem tal-prodott jew tas-servizz,

(d)

il-kodiċi ta’ klassifikazzjoni,

(e)

il-mezz ta’ reklamar jew ta’ bejgħ involut,

(f)

il-bażi legali,

(g)

sommarju qasir tal-ksur,

(h)

sommarju tal-għanijiet tal-attivitajiet ikkoordinati”.


Top